Nistħajjel għadhom fuqi
Dawk ix-xmux li besuni fit-tfulija
U nħoss taż-żmien is-sikka
Tħarbex1 fuq ġbini r-radda2 tax-xjuħija
Tifrex dlielha l-balluta,
Dliel sfieq3 u ħodor bħal ma kienu darba,
Meta tfajjel fuq ruħi
Kont għar-raba’ mid-dar naħrab xi darba
Iżda t-tiflil tal-qoxra
Fuq zokk li jdur xi żewġt iqjiem jew tlieta4
Jgħid storja ta’ xjuħija
Bħal ma kellhom fiż-żmien ommha u nannietha:
Sa fuq l-iebes taż-żonqor,
Li jsewwed taħt is-silġ ta’ l-Alpi, l-lima
Tgħaddi tas-snin u tħalli
Il-barxa li turik kemm hi qadima5
Fuq wiċċek biss, ja baħar.
Żagħżugħ ta’ dejjem, jgħaddu s-snin bil-mija,
Bl-eluf u bl-għaxart elef,
U qatt ma jonqxu l-għelma6 tax-xjuħija.
Fik il-milja tal-ħajja;
Qalbek tħabbat bla heda u sidrek magħha
Jofrogħ u jimla, u tgħoddlok
Il-mewġa fuq ix-xtut it-taħbit tagħha,
U bħal wieħed li ġarrab
Il-ħakma ta’ l-imħabba, int L-Art ħanina
Tħaddan u tbus u tkellem,
U l-kelma li tgħidilna, hi safja u bnina!
Iżda meta saħħtek
Jogħġbok il-kotra b’xi taqlib tfisser,
U nara ‘l sidrek jikber,
U l-ħalel7 bojod fuq il-blat titkisser,
Jaqbadni l-biża’, u nibki
Naral taqbad l-iġfien u tilgħab bihom,
Bla xejn ma taħseb, kiefer!
Fid-dmugħ ta’ l-imsejknin li hemm ġo fihom.
Imma togħġobni, nħobbok,
Ja Baħar, meta tfajjel mingħajr dnewwa,
Tinxeħet fuq ir-ramel
Ta’ xtajta u kollok ċajt u kollok ħlewwa
Tilgħab b’werqa ta’ l-alka,
Jew b’sebgħek tinbex xi bebbux fil-bejta,
U tħaxwex dik il-għanja
Li tgħallimtha fil-bidu u qatt ma nsejtha8
1 – tħarbex: Tgħaddi bil-moħriet ħafif ħafif u bir-raddiet imbegħdin minn xulxin. Bi kliem ieħor: fi ġbin il-poeta bdew jidhru l-ewwel sinjali tax-xjuħija.
- Ir-Radda: Is-sinjal imħaffer li tħalli warajha s-sikka tal-moħriet.
- Dliel sfieq: xuxa mimlija, jiġifieri, ħafna friegħi tas-siġar marsusin ma’ xulxin.
- X’versi sbieħ u sħaħ – tistħajlek tara l-poeta jqis bil-qama l-balluta mfella miż-żmien
- Iż-żmien jaħli saħansitra l-ġebel iebes tal-muntanji miksijin bis-silġ
- Għelma = sinjal
- ħalel = mewġ
8. F’dawn l-aħħar żewġ strofi tidħol bil-qawwa s-sengħa u l-ħila tal-poeta. Il-baħar mhux iżjd ġorf li juri qilltu, imma tfajjel bla ħjiena (mingħajr dnewwa) f’qalbu, mixħut fuq ir-ramel, jilgħab bl-alka u b’sebgħu jinbex il-bebbux u jgħanni dejjem l-għanja li ilu jgħanniha sa mill-ħolqien. Aqra b’moħħok dan il-vers: “jew b’sebgħek tinbex xi bebbux fil-bejta” – jġiblek quddiem għajnejk id-dehra li messet qalb il-poeta u tħoss! Fil-għaqda t