Din hi it-tielet silta minn ġabra ta’ kitba ta’ Ġużi Ġatt li oriġinarjament dehru fil-ktieb tiegħu “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni”.
QABIL IX-XAGĦAR (Caprine Species)
Fl-istat naturali tagħhom, il-baqar, in-nagħaġ, u l-mogħoż ilkoll jgħixu bir-RAGĦI (pasturage/grazing), imma mhux ilkoll jirgħu fl-istess ambjent. Il-mogħża tfittex mkejjen muntanjużi u muħġara, tixxabbat ma’ l-ogħla blat u tixref fuq irdumijiet u xfarijiet fejn bhejjem oħra jibżgħu jersqu. Ma tħobbx tgħix ubbidjenti f’merħla bħan-nagħġa, imma timraħ ‘il fejn tgħidilha rasha; tiekol ix-xewk, l-għollieq, l-ħurrieq, u ħxejjex li bhejjem oħra jaħarbuhom.
Il-mogħża tagħtina l-laħam, il-ħalib u l-ġlud. Il-laħam jissejjaħ LAĦAM TAL-GIDI (goat’s meat, kid). Il-ħalib tal-mogħoż hu tajjeb ħafna u dari kien anke rrikomandat mit-tobba kontra l-mard tas-sider (tuberkulożi) u għal min ikun allerġiku għal ħalib ieħor. Il-fama tal-ħalib tal-mogħża ħadet daqqa ta’ ħarta meta Temi Zammit sab fih il-batterju tad-deni rqiq. Il-bniedem jista’ jimrad bid-deni rqiq anke mill-ħalib tal-baqar u hu għalhekk li l-ħalib jiġi ppasturizzat jew mgħolli. Kienet weħlet b’kollox il-mogħża, għax dari, meta ma kien jiżisti l-ebda impjant għall-produzzjoni tal-ħalib, ħafna min-nies kienu moqdija bil-ħalib tal-mogħża li kienet tinġieb wara biebhom.
Biex TAĦLEB (to milk) trid iddawwar subgħajk madwar iż-ŻEJŻA (teat) tal-mogħża (jew nagħġa jew baqra); sebgħak il-kbir ikun fuqnett fuq naħa waħda, u l-erbat iswaba’ l-oħra fuq in-naħa l-oħra, kif jidher fid-disinn.
Trid toqgħod attent li ma toqrosx il-mogħża b’difrejk. Erfa’ idek ‘il fuq biex tagħfas bil-mod fuq il-BIŻLA (udder) biex din terħi l-ħalib ġoż-żejża, imbagħad għafas iż-żejża bis-swaba’ kollha, imma kull sabgħa wieħed wara l-ieħor, mewġ mewġ, biex il-ħalib joħroġ u jaqa’ ġol-maħleb jew barmil. Il-ħalib joħroġ GEŻŻ GEŻŻ (jet, squirt). In-nisa tad-dar li kienu jixtru l-ħalib m’għand ir-raħħal li kien jiġi bil-mogħża ħdejn l-għatba ta’ biebhom kienu jinsistu li jimlielhom it-tazza jew bott li kien ikollhom, u kienu jgħidulu: “U ejja kemm int kiesaħ, għamilli geżż ieħor!” Trid tara li taħleb il-ħalib kollu, għax l-itjeb ħalib hu l-ħalib ta’ l-aħħar, u jekk ma taħlibilhiex il-ħalib kollu, il-mogħża tibda tagħmel inqas u inqas ħalib.
Mill-ħalib tista’ tagħmel il-ġobon, jew fil-każ tagħna l-Maltin, il-ġbejniet. Il-ġbejniet jistgħu jsiru wkoll mill-ħalib tan-nagħaġ. Il-prinċipju ta’ kif isir il-ġobon hu dan. L-istonku ta’ kull tarbija umana jew ferħ ta’ annimal hu magħmul apposta biex ikun jista’ JĠERRAGĦ (to digest) u juża sewwa il-ħalib ta’ l-omm. L-istonku ta’ annimal jew bniedem adult ma jibqax l-istess bħal dak ta’ meta jkun tarbija, u dan għax ikun irid ilaħħaq ma’ ikel u diġestjoni differenti. Mela la qegħdin nitkellmu fuq il-ħalib tal-mogħoż, irridu noqtlu GIDI (kid) li hu l-ferħ tal-mogħża, u meta nisolħuh u niftħuh, nieħdu l-istonku tiegħu li jkun għadu mimli bil-ħalib ta’ l-omm. Norbtu l-istonku b’mod li ta’ ġo fih ma joħroġx u nitfgħuh fil-melħ għal xi għaxart ijiem. Inneħħu l-istonku tal-gidi mill-melħ u nitfgħuh fix-xorrox, li aktar ‘il quddiem nispjegaw x’inhu. Hawn min anke jagħsar xi lumija ġox-xorrox. Wara xi tlett ijiem jitneħħa l-istonku tal-gidi minn ġox-xorrox u l-likwidu jinħażen ġo xi flixkun. Dan il-likwidu issa jissejjah l-ILMA tat-TAMES (rennet). Biex nagħmlu l-ġobon jew il-ġbejniet irridu nqattru ftit qtar tat-tames fil-ħalib. Meta nagħmlu dan, il-ħalib JOBQOT (to curdle), jiġifieri li l-ħalib jinferaq fi tnejn; parti minnu tagħqad u l-parti l-oħra ssir ilma. Dik li tagħqad tissejjaħ BAQTA (curd), filwaqt li l-ilma jissejjaħ XORROX (whey). It-taħlita tissaffa mix-xorrox u l-baqta titqiegħed, ftit ftit, ġol-QALEB jew QWIELEB (cheesforms, moulds), li jkun speċi ta’ kannestru żgħir, dari magħmul mix-xitla tas-SIMAR (rushes), imma llum magħmul mill-plastik. Fil-qaleb il-baqta tkun tista’ tkompli toqtor mix-xorrox, sakemm tibbies u tinbiegħ jew bħala ġbejna friska jew, jekk titħalla tinxef iktar u tintefa’ ġol-bżar, tinbiegħ bħala ġbejna tal-bżar.
Mill-ġlud tal-mogħoż isiru ħafna ħwejjeġ tal-ġild, żraben u nforor għaż-żraben, u ngwanti.
Il-BODBOD (pl. bdabad) hu r-raġel tal-MOGĦŻA (pl. mogħoż). Il-frieħ tagħhom huma l-GIDI u l-GIDJA (pl. gidien). Meta jinfatam u jkollu sena l-gidi jsir GĦENS (pl. għenus) u l-gidja ssir GĦANIQA (pl. għenieq). Xagħar il-mogħża jista’ jkun ta’ ħafna lwien differenti u kull lewn, jew taħlita ta’ lwien, għandha isem għaliha:
Jekk tkun sewda u bajda; BELQA BL-ISWED; jekk ħamra u bajda; BELQA BL-AĦMAR; jekk sewda imma b’rasha u widnejha bojod; ŻUNNARA; jekk b’xagħar ħamrani; XAQRA ; jew, skond il-ħmura li jkollha; GĦASLIJA; jekk tkun ittikkjata; WIŻGĦIJA (tinqara “wiżgħaja”), jekk ix-xagħar twil; MIDLIELA; jekk b’xagħar qasir ħafna; MILGĦUQA. Hemm mogħoż li jkollhom rashom sewda imma b’faxxi sofor taħt għajnejhom tul rashom kollha. Dawk jgħidulhom TAL-MEREK. L-għamliet tal-widnejn u tal-qrun ukoll kellhom ħafna ismijiet: Jekk mogħża jkollha l-qrun tkun; QARNA; jekk bla qrun; FARTASA; jekk widnejha kbar u mitnijin minn għonqha sa geddumha; TORKA; jekk widnejha sa nofs wiċċha; BARŻAKKA; jekk qosra u għall-ponta; GARRUWA; jekk widnejha iqsar minn ta’ garruwa; MEJXA jew MONDIJA. Jekk il-mogħża jkollha widnejha mitnija (fi tnejn) jgħidu li għandha WIDNEJHA MŻIEWED. L-għamla tas-sider kienet ukoll tiġbed l-għajn. Sider sabiħ kienu jgħidu; DRIEGĦHA ROTA; sider ikrah, miġbud ‘l isfel; DRIEGĦHA FLIXKUN. Jekk sidirha jkun kbir tant li jkollha timxi qisha qed tqandel xi xkora tqila jgħidulha QANDLIJA; u jekk ikollha biżla iqsar mill-oħra; MXATTRA. Xi kultant issib mogħża li meta timxi tħabbat saqajha ta’ wara ma’ xulxin. Dik tkun mogħża XIKLIJA. Taħt għonqha l-mogħża jkollha żewġ denduliet li jissejħu MSIELET (wattles).
Dari r-raħħal kien ilibbes il-MAĦANQA jew il-ĦANNIEQA madwar għonq il-mogħoż favoriti tiegħu. Din kienet tkun mibruma minn xi ċraret ikkuluriti li dak li jkun kien isib minn hinn u minn hawn. Għallanqas mogħża waħda fil-merħla kien ikollha ĠARAS jew SANSALLU mdendel m’għonqha. Dan kien qanpiena magħmula mil-landa jew xi materjal ieħor li jagħmel il-ħoss.
Il-bodbod JINTAĦ jew jagħti bir-ras (to butt). Il-mogħża TWETWET (to bleat)
Il-mogħża ddum ħames xhur mir-REFGĦA (service) biex TILED (to give birth).
Il-ħmieġ tal-mogħoż jissejjah REDUS (crottels).
QABIL IS-SUF (Ovine Species)
In-nagħaġ jagħtuna l-laħam, il-ħalib, u s-suf. Laħamhom jissejja LAĦAM TAL-ĦARUF (lamb). Meta kienu għadhom fl-istat naturali tagħhom, in-nagħaġ, għall-ħabta tar-rebbiegħa, kienu jwaqqgħu il-kisja suf li tkun kibritilhom biex issaħħanhom fix-xitwa. Imma n-nagħaġ li jrabbi l-bniedem illum, tilfu din il-karatteristika u sufhom m’għadux jaqa’ waħdu meta jibda jisħon it-temp. Is-suf jibqa’ jikber bla ma jaqa’. Allura kull sena, il-bniedem irid IĠIŻŻHOM (to shear), jiġifieri jqarwżilhom is-suf twil li jkollhom. Għalkemm daż-żmien kollox isir bl-elettriku, l-għodda tradizzjonali li biha iġġiżż in-nagħaġ hi bħal imqass kbir li jissejjah il-ĠELEM (shears). Min ikun tas-sengħa jista’ jġiżż in-nagħġa u jħalli s-suf f’biċċa waħda li tissejjaħ ĠEŻŻA (fleece). Wara li jinħasel, is-suf JINTGĦAŻEL (to spin) bil-magħżel, jiġifieri jinġibed biex isir ħajt irqiq. Il-ħajt tas-suf jinħadem fuq in-NEWL (loom) biex isir drapp.
Il-MUNTUN (pl. imtaten) jew KIBX (pl. kbiex) hu r-raġel tan-NAGĦĠA (pl. nagħaġ). Il-frieħ tagħhom huma l-ĦARUF u l-ĦARUFA (pl. ħrief). Meta l-ħaruf jinfatam u jikber ftit jsir GĦABUR u l-ħarufa ssir GĦABURA (pl. għabajjar).
In-nagħaġ, bħall-baqar u l-mogħoż, JIXTARRU l-ikel (to ruminate/chew the cud). In-nagħġa għandha l-ħila tiekol ħafna ikel f’ħin qasir. Meta tistrieħ, l-istonku jerġa’ jtella’ l-ikel nofsu mimgħud biex in-nagħġa terġa’ tomogħdu sewwa. B’dal-mod, l-istonku jkun jista’ jieħu aktar sustanzi mill-ikel.
In-nagħġa jkollha sitt SINNIET (incisors) u żewġ NEJBIET (canines) fix-XEDAQ t’isfel (lower jaw). Fix-xedaq ta’ fuq ma jkun hemm la snien u lanqas nejbiet. Is-sitt sinniet t’isfel jagħfsu fuq il-ħanek ta’ fuq, biċċa ħanek bla snien li tissejjaħ il-QARRIEMA. Annimal bħal m’huwa l-baqra, JQARTAM il-ħaxix (to crop), jiġifieri jigdem u jaqta’ l-ħaxixa imma jħalli biċċa ‘l fuq mill-ħamrija. Imma n-nagħġa, li għandha xoffitha maqsuma, tista’ TQARRAM (to gnaw off) il-ħaxixa s’isfelnett, sal-ħamrija. Fiż-żewġ ixdqa, ta’ fuq u t’isfel, ikun hemm għoxrin DARSA (molar): ħamsa fuq kull naħa fix-xedaq ta’ fuq; u ħamsa fuq kull naħa fix-xedaq t’isfel.
In-nagħġa ddum ħames xhur mir-REFGĦA (service) biex TILED (to give birth).
Il-ħalib tan-nagħġa hu inqas milwiem, jiġifieri fih inqas ilma, mill-ħalib tal-baqra. Jintuża għall-ġbejniet. L-istess bħal fil-każ tal-mogħoż, jintefa’ l-qtar ta’ l-ilma tat-tames (meħud mill-istonku ta’ ħaruf) li jifred il-ħalib f’xorrox u baqta.
Il-muntun (jew kibx) JINTAĦ jew jagħti bir-ras (to butt). In-nagħġa TNEQNEQ jew TINBEE (to bleat)
Il-muntun u n-nagħġa jilbsu l-MAĦANQA jew il-ĦANNIEQA. Nagħġa li jkollha s-suf qasir tissejjah: ĠAGĦDRIJA jew ĠARDA. In-nagħġa TREDDES, bħall-mogħża. Jiġifieri l-ħmieġ tagħha jissejjaħ REDUS, bħall-ħmieġ tal-mogħża. Imma xi kultant, skond l-ikel li tiekol, il-ħmieġ tan-nagħġa ma jkunx waħda waħda bħar-redus, imma jkun mibni minn aktar minn redusa waħda magħqudin flimkien. Dan jissejjah KAGĦBUR.
IL-BHEJJEM TA’ L-IFRAT (Bovine Species, Cattle)
Hawnhekk għandna daqsxejn ta’ kustjoni. Min hu r-raġel tal-baqra – il-barri jew il-gendus? Il-barri hu r-raġel tal-barrija? U barrija xi tkun? Biex tgħaxxaqha, ir-raħħala li jrabbu l-baqar, lir-raġel jgħidulu “għoġol”. Imma l-għoġol hu l-ferħ tal-baqra (calf).
Il-bniedem ilu jrabbi l-bhejjem ta’ l-ifrat (cattle) minn żmien żemżem. Il-bhejjem tal-ifrat kollha (domestikati) fid-dinja, huma mnissla minn nisel selvaġġ li kien jgħix fl-Ewropa u l-Asja eluf ta’ snin ilu. Anke l-GELMUS (buffalo) Amerikan hu tal-istess speċi. Kollha jistgħu jitgħammru bejniethom u jħalltu r-razza. Mela bħalma fid-dinja jeżistu ħafna razez ta’ klieb – kelb tal-but, kelb tal-fenek, eċċ., – imma għal kull razza tista’ tgħid “kelb” jew “kelba”, hekk ukoll għall-bhejjem tal-ifrat: jeżistu ħafna razez, u għal kull razza tista’ tgħid “baqra” u . . . u xiex? Peress li anke d-dizzjunarji donnhom jippruvaw jiżgiċċaw minn dil-mistoqsija, aħna nissuġġerixxu dan li ġej:
Il-BARRI (barrin) hu r-raġel tal-BAQRA (pl. baqar). Il-frieħ tagħhom huma l-GĦOĠOL (pl. għoġiela) u l-ERĦA (pl. erieħ). Il-GENDUS (pl. gniedes) hu barri msewwi (moħsi jew ikkastrat) li jintuża għax-xogħol tar-raba’ bħall-ħrit, eċċ. Bl-Ingliż jissejjah ox.
Fil-fehma umli tiegħi, il-gendus m’għandux jitħawwad mar-raġel tal-baqra Maltija. Ir-raġel tal-baqra Maltija hu l-barri Malti.
Il-baqra TAĦLEB (to milk) u TIXTARR (to ruminate) l-istess bħalma tagħmel il-mogħża u n-nagħġa. Hawnhekk tajjeb li ngħidu xi ħaġa fuq l-għalf tal-bhejjem: L-ikel kollu li tagħti lill-bhejjem jissejjah GĦALF (feed). Imma hemm tipi differenti ta’ għalf. Tista’ tagħlef il-ĠWIEŻ. Il-ġwież hu dak l-ikel kollu li jingħata bħala żerriegħa, jew parti miż-żerriegħa. Iż-żerriegħa tal-kittien, u tal-qoton; ċiċri u ful niexef; qamħirrum; qaraboċċ; xgħir, qamħ u ġulbiena, huma kollha ġwież. In-nuħħala, li hi parti mill-qamħa, tgħodd mal-ġwież ukoll. Tip ieħor ta’ għalf jissejjah MAGĦLEF (fodder). Il-magħlef hu ħaxix li jinżera’ u jitkabbar apposta mill-bidwi biex meta jikber jinħasad, jintrabat qatta’ qatta’, jinħażen, u jingħata, ftit ftit, lill-bhejjem. Is-silla, it-tiben tal-qamħ, it-tiben tax-xgħir, il-faxxina tal-ġulbiena, u l-widna, huma kollha magħlef . Ċertu ħaxix li jikber selvaġġ, bħal ngħidu aħna l-ħurtan u s-sikrana, jista’ jinħasad, jinħażen, u jintagħlef, niexef, lill-bhejjem ukoll. Il-ħaxix kollu selvaġġ li jista’ jintagħlef b’dal-mod jissejjah ĦUXLIEF (hay). L-AĦDAR (greens) hu l-ħaxix kollu li jingħata lill-bhejjem meta jkun għadu aħdar. Hekk, meta jkunu qed jirgħu, ngħidu li l-bhejjem qegħdin fuq l-aħdar.
Għoġol jew erħa tat-twelid ikollhom stonku maqsum f’erba’ taqsimiet, l-istess bħalma jkollu barri jew baqra meta jikbru. Imma fl-għoġol u l-erħa, parti waħda biss mill-erbgħa tkun qed taħdem; dik il-parti li tissejjah it-TAMES (abomasum), u li jkun fiha tliet kwarti tal-wisa’ kollu ta’ l-istonku. Imma meta l-barri jew l-baqra jikbru, tibda taħdem parti oħra ta’ l-istonku, u din tikber u tieħu hi t-tliet kwarti tal-wisa’ kollu ta’ l-istonku. Din tissejjah l-IXKORA jew il-MINDIL (rumen/paunch).
Il-baqra tilbes il-ĠARAS (cow-bell) li diġa’ semmejnieh fil-każ tal-mogħża u n-nagħġa. Meta jgħajjat il-barri ngħidu li qed IGARGAR (to bellow). Il-baqra TGARGAR ukoll (to bellow). Il-barri JINTAĦ (to butt), jagħti bir-ras, l-istess bħalma jagħmel il-bodbod u l-muntun jew kibx. Il-ħmieġ tal-baqar jissejjah RAWT (dung). Taż-żwiemel u l-ħmir, jissejjaħ BAGĦAR .
Il-laħam tal-bhejjem ta’ l-ifrat jissejjaħ ĊANGA.
MIKLEM
Qed inniżżlu xi ftit kliem li l-Maltin jistgħu jiltaqgħu miegħu meta jaqraw bl-Ingliż u li forsi jkollhom diffikulta’ biex isibu l-ekwivalenti tiegħu bil-Malti. Il-kliem mhux qiegħed fl-ordni alfabetiku, imma qiegħed miġmugħ skond is-suġġett:
Caprine Species |
Qabil ix-Xagħar; il-Mogħoż |
| Goat | Mogħża |
| Billy-goat | Bodbod |
| Kid | Gidi/Gidja |
| One year old goat | Għaniqa |
| To butt | Jintaħ |
| To bleat | Twetwet |
| To milk | Taħleb |
| Udder | Biżla |
| Teat | Żejża |
| Squirt/jet | Geżż |
| Mould | Qaleb |
| Service | Refgħa |
| Goat’s meat | Laħam tal-gidi |
| Crottels | Redus |
| Ovine Species | Qabil is-Suf; in-Nagħaġ |
| Sheep | Nagħġa |
| Ram | Muntun/Kibx |
| Lamb | Ħaruf |
| One year old ram | Għabur |
| One year old sheep | Għabura |
| To shear | Iġġiżż |
| Shears | Ġelem |
| Fleece | Ġeżża |
| To butt | Tintaħ |
| To bleat | Tneqneq |
| Service | Refgħa |
| Lamb (meat) | Laħam tal-ħaruf |
| Bovines/Cattle | Bhejjem ta’ l-Ifrat; il-Baqar |
| Cow | Baqra |
| Bull | Barri Barri li jinżamm biex jgħammar il-baqar jgħidulu “tal-ksiba” |
| Calf (male) | Għoġol |
| Heifer | Erħa Meta titwieled jgħidulha għoġla, imma malli tinfatam issir erħa |
| Ox | Gendus |
| To milk | Taħleb |
| Udder | Biżla |
| Teat | Żejża |
| To moo/bellow | Tgargar |
| Beef | Ċanga |
| Buffalo | Gelmus |
| Cow dung | Rawt |
(C) Ġużi Gatt




prosit tassew