Ejja ngħidu li jkollok iż-żerriegħa, merfugħa mis-sena ta’ qabel, maħżuna ġo xi bott jew xi qartas, jasal żmien iż-żrigħ u tiżra’ ż-żerriegħa ġo ĦAMMIELA (pl. ħmiemel: seed-beds). Sakemm damet merfugħa ġol-bott jew ġol-karta, iż-żerriegħa kienet rieqda. Biex tistenbaħ, iż-żerriegħa trid l-INDEWWA (moisture) li tiġi mill-ilma; trid is-SĦANA li tiġi mix-xemx; u trid l-ARJA li qiegħda madwarna. Malli tistenbaħ (u tkun għadha taħt il-ħamrija) ngħidu li ż-żerriegħa bdiet TFELLES (to germinate). Malli tfelles, iż-żerriegħa tarmi r-RIMJA TA’ L-GĦERQ (radicle) u kwazi fl-istess ħin tarmi r-RIMJA N-NEBBIETA (shoot). L-għerq jgħarraq ‘l isfel ifittex l-ilma u s-sustanzi fil-ħamrija. In-nebbieta tfittex ‘il fuq biex issib id-dawl u s-sħana. Malli n-nebbieta tixref ‘il barra minn wiċċ l-art ngħidu li ż-żerriegħa NIBTET (to sprout). Kull żerriegħa li tinbet fil-ħammiela tikber u ssir XITLA (pl. xtieli: plants). Meta jasal iż-żmien, ix-xitla tinqala’ mill-ħammiela u TITĦAWWEL [1] f’postha.
Kitba ta’ Ġużi Gatt. Dan ix-xogħol meħud mill-ktieb “Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni (L-Ewwel Ktieb)”
Xi żmien ilu ġiet f’idejja pubblikazzjoni maħruġa mis-Società Economico-Agraria del Gruppo di Malta fl-1849. Kien jisimha Calendario Dell’Agricoltore per l’Anno 1849. X’aktarx li ma kenitx l-ewwel darba li s-Società Economico-Agraria ħarget dan il-kalendarju, imma fis-sena 1849, u fis-sena ta’ wara (1850), għall-ewwel darba l-Kalendarju ħareġ b’żewġ lingwi: bit-Taljan u bil-Malti. L-isem bil-Malti kien: Calendariu tal Bidwi ∩al Sena 1849 pubblicat mis-società Economico-Agraria tal-Ghizer (sic) ta Malta. Il-Malti tiegħu hu Malti tajjeb ħafna, imma żgur li min kitbu ma kellux f’rasu li juża l-“Malti Safi”. Hu Malti maħsub biex jinftiehem minn min kien interessat fis-suġġett; jiġifieri, fost l-oħrajn, il-bdiewa Maltin. Tistagħġeb, għalhekk, kemm fih kliem li ntilef; u tista’ tgħid li hu kollu kliem li llum ma ġiex mibdul minn kliem ieħor; immu hu kliem li għalih issa nużaw il-kelma bl-Ingliż. L-eżempji li se nġibu huma kollha meħuda mill-Kalendarju tal-1849. Fl-ewwel paġna ta’ dan il-Kalendarju hemm li kien “mictub mis-Signuri: Dr. C. Ab. Camilleri, G. Gauci Azopardi, Dr. G.C. Grech Delicata, Dr. P. Ab. Pullicino, Ant. Schembri”.
Il-Kalendarju tal-Bidwi ta isem jew laqam lix-xhur kollha tas-sena. Hekk Marzu hu x-Xahar tar-RAĦS, April hu x-Xahar tal-INWAR, Mejju x-Xahar tal-ĦSAD, u nibqgħu sejrin hekk. Frar hu x-xahar tal-ĠELBIN (bit-Taljan: germogliamento). Issa l-kelma bit-Taljan tfisser to germinate li għadna kemm għidna li bil-Malti tiġi “tfelles”. Mela għaliex l-ilsien Malti kien jinkludi wkoll il-kelma IĠĠELBEN? Din il-kelma ġralha bħalma ġara lill-kelma NWAR. Jekk illum ngħid li ħaġa bidet TNAWWAR, ninftiehem li qed ngħid li din il-ħaġa mmuffat jew nitnet. Imma jekk noqgħodu bil-pinna u l-klamar, il-kelma “tnawwar” tfisser “ħarġet l-inwar”, jiġifieri ħarġet il-fjuri kif jagħmlu l-uċuh tar-raba’ f’April. L-istess ġralha l-kelma IĠĠELBEN. Illum din saret tinftiehem li tfisser “iċċarċar” – ngħidu aħna “d-dmugħ iġelben ma’ ħaddejha”, anzi, nasal biex ngħid li llum din il-kelma hi marbuta biss mad-dmugħ iġelben mal-ħaddejn; jew forsi max-xita ġġelben mal-ħġieġ. Imma mhux minn dejjem hekk kien. U mhux hekk għandu jkun. IĠĠELBEN IL-FUL tfisser “tisprawtja l-ful!”. Jiġifieri ġġelben hu dak li bl-Ingliż jissejjaħ sprouting. Biex nifhmu dan x’inhu rridu niftakru aħna l-Maltin x’nagħmlu liż-żerriegħa tal-ĠULBIENA fi żmien il-Milied: Inxarbbuha biex din tinbet, u n-nebbieta tagħha tikber u titwal, imbagħad inqegħduha ħdejn Ġesu Bambin. Fi żmienna, proċess bħal dan qed isir b’ħafna żrieragħ oħra, imbagħad iż-żerriegħa tittiekel bin-nebbieta b’kollox. Min hu konxju ta’ dieta tajba żgur sema’ bil-bean sprouts u bl-alfa sprouts. Jekk irridu, għandna kelma bil-Malti għal dan il-process ukoll: bean sprouts hu ĠELBIN TAL-FUL, alfa sprouts hu ĠELBIN TAL-ALFALFA, eċċ. Issa jekk IRRIDUX nużaw din il-kelma – dik ħaġa oħra. Imma mbasta ma jkunx hemm minn jgħid li bil-Malti m’għandniex kelma għal bean sprouts!
Għal kull xahar tas-sena, dan il-Kalendarju tal-Bidwi li ħareġ fl-1849, jiġifieri fi żmien meta niesna kienu għadhom jafu jitkellmu l-Malti tajjeb, jagħti lista ta’ liema siġra “tenza, issajjar, tizhar, u traħħas”. Il-fatt li siġra TINŻA’, jew ISSAJJAR, u nittama li anke TIŻHAR, għadu miftiehem sal-lum. Imma TRAĦĦAS? Bit-Taljan din il-kelma hi mogħtija bħala Frondescenza. Is-siġra traħħas meta tibda taħseb biex ittella’ weraq ġdid wara li tkun neżgħat fi żmien ieħor tas-sena. Ngħidu aħna, dejjem skont dan il-kalendarju, is-siġra tat-tin issajjar f’Ġunju/Lulju, tinża’ f’Awwissu, u traħħas f’Marzu. Imma anke siġra li ma tinżax, traħħas ukoll, u dan meta tibda ttella’ weraq ġdid. Il-ħarrub, ngħidu aħna, jraħħas f’Jannar. Forsi tgħiduli – llum nużaw il-kelma TARMI. Imma le! Il-kalendarju dik il-kelma jafha wkoll. Ir-RIMJA ssir fergħa ġdida, waqtilli r-RAĦSA ssir werqa (bl-Ingliż tista’ tiġi leaf bud). Meta tkellem fuq it-tabakk (li dari kien għadu jitkabbar), u qal li dan f’ċertu żmien tas-sena għandu “jitqaċċat”, il-Kalendarju qal ukoll li għandhom jitneħħew ir-rimjiet kollha li x-xitla toħroġ minn wara. Bit-Taljan, il-kelma “rimjiet” hi mogħtija bħala “rami”, li tfisser “friegħi”.
Mela RIMJA hi shoot, u RAĦSA hi leaf bud. Issa ŻAHRA x’inhi? Żahra hi fjura żgħira li wara xi żmien issir frotta. Bl-Ingliż tiġi blossom, u ma’ din il-kelma jintrabat ukoll il-verb to bloom: bil-Malti TIŻHAR. Iċ-ĊITRU (larinġ, lumi, mandolin, eċċ) JIŻHAR, jiġifieri joħroġ iż-ŻAHAR. Imma ż-żahar m’humiex taċ-ċitru biss. Il-FROTT IRQIQ (il-berquq, iċ-ċirasa, il-pruna, l-għajn baqar, il-ħawħ, eċċ) JIŻHAR ukoll. Is-siġar tal-frott kollha JIŻHARU.
Issa skont il-Kalendarju, April hu “x-Xahar tal-NWAR”. INWARA xi tkun? L-INWARA hi flura żgħira bħaż-żahra, imma waqtilli ż-żahra ssir frotta, l-inwara ma ssirx frotta u tibqa’ fjura. Imma l-fjura xorta hi maħsuba min-natura għat-tkattir u n-nisel, għax l-insetti jmorru fuqha u minnha JDAKKRU xitla m’oħra. Jiġifieri l-inwara hi l-fjura raġel li minnha tiddakar il-fjura mara – iż-żahra. Issa hawn siġar li jintagħżlu bejn siġar irġiel u siġar nisa, u hawn siġar oħra li jkunu nisa u rġiel fl-istess ħin, għax in-natura hi kumplessa. Imma l-Malti kien kapaċi jagħżel bejn ŻAHRA – fjura mara li ssir frotta, u NWARA, fjura raġel li ddakkar.
Il-kelma li nużaw meta naraw ix-xitla tibda tgħaqqad il-frott tiddependi mix-xitla li tkun:
Il-BĦAJRA, jiġifieri d-dulliegħ u l-bettieħ, TFAQQAS, jiġifieri toħroġ il-FAQQUS. Ix-xitla tonfoħ il-faqqus biex tagħmlu dulliegħa jew bettieħa.
It-TAGĦAM, (grain), jiġifieri l-qamħ u x-xgħir, JISBEL, jiġifieri joħroġ is-sbula. Is-sbula tintaħan biex minnha nieħdu d-dqiq, is-smid, is-smida, in-nuħħala, eċċ.
Il-BUS, (pulses) jiġifieri l-ful, il-fażola, il-piżelli, u l-ĦEMSI, (pulses) jiġifieri ċ-ċiċri, l-ġulbiena, l-għazz, IMIŻWED, jiġifieri joħroġ il-miżwed (pod). Fil-miżwed tikber il-fula, piżella, għazza, eċċ.
Id-DIELJA tgħaqqad l-GĦENIEQED, imbagħad tibda TONFOĦ l-għeneb.
Taħt il-ħamrija, ix-xitla jkollha l-GĦERUQ (roots) u x-XNIEXEL (root hairs). ‘Il fuq mill-ħamrija ikun hemm il-FAXXINA (foliage).
Ix-xitla mhux dejjem tagħtina l-GĦALLA (pl. għelejjel – crop) mill-faxxina tagħha. Hawn xtieli li l-għalla jew il-prodott tagħhom ikun taħt il-ħamrija. Hekk tagħmel, ngħidu aħna, il-patata. Meta x-xitla tagħmel l-ewwel pass biex tibda tgħaqqad il-patata, ngħidu li x-xitla BIEDET.
Il-ħxejjex kollha li semmejna s’issa nkabbruhom, jew biex nieklu ż-żerriegħa, jew biex nieklu l-frotta li ġo fiha jkun hemm iż-żerriegħa. Ġol-miżwed ikun hemm iż-żerriegħa tal-ful, tal-fażola, tal-piżelli, eċċ. Iż-żerriegħa tat-tgħam tkun ġos-sbula; tal-bħajra tkun ġol-bettieħa jew ġod-dulliegħa, eċċ. Imma hawn ħxejjex li jitkabbru għall-għerq tagħhom – ngħidu aħna z-zunnarija, il-fiġel u l-pitravi. Hawn ħxejjex li jitkabbru għall-weraq jew għaz-zokk – bħall-ħass, il-kabocci, il-karfus, u it-tursin. Fejn tkun iż-żerriegħa tal-ħxejjex li jitkabbru għall-għerq, għall-weraq jew għaz-zokk? Li kellek tħalli zunnarija jew kaboċċa fil-ħamrija, meta jasal iż-żmien din TBERKEN, jiġifieri toħroġ Il-BERKUN. Il-berkun ikun bħal fergħ wieqaf, x’aktarx f’għamla ta’ bukkett b’ħafna fjuri żgħar. Il-berkun jikber u jitwal, u meta jinxef, ġo fih issib iż-żerriegħa.
Il-basal u t-tewm ukoll jagħmlu ż-żerriegħa minn speċi ta’ berkun, imma fil-każ tagħhom ngħidu li l-basal u t-tewm IBANNAT, jiġifieri joħroġ Il-BONT (stem).
Iż-żerriegħa tas-siġra tal-ballut (oak) jgħidulha ĠANDRA (acorn). Tant hu hekk li lill-balluta hawn min isejħilha “siġra tal-ġandar”. Is-siġar taż-żnuber u taċ-ċipress jagħmlu d-DEBBUS (cone). Ġod-debbus ikun hemm iż-żerriegħa. Id-debbus taż-żnuber jissejjaħ PRINJOL. Il-kittieba tal-lum lill-cones taż-żnuber jgħidulhom “koni”. Il-futur tal-Malti qiegħed f’idejn il-kittieba tal-Malti. Huma l-kittieba tal-Malti li jħollu u jorbtu liema kliem jintrema biex jidħol kliem għarib. Iż-żerriegħa tas-siġra tal-palm – li tkun fit-tamra, ngħidulha NEWWA. Fejn iż-żerriegħa tkun iebsa, ngħidu aħna tal-ħawħ, tal-għajnbaqar, u anke taż-żebbuġ, tissejjaħ GĦADMA.
Hawn pjanti li ma jiddependux fuq iż-żerriegħa biex jitnisslu. Il-frawli, ngħidu aħna, IRAQQAD; ix-xitla toħroġ bħal fergħ twil li jimtedd fuq il-ħamrija. Fejn dan imiss mat-trab, joħorġu x-xniexel, u mix-xniexel tikber xitla ġdida. Ħafna drabi dat-TIRQID (layering) isir mill-bniedem stess. Il-bniedem jaqbad fergħa ta’ siġra (ngħidu aħna fergħa ta’ siġra tat-tin), imiddha fuq il-ħamrija, iżommha marbuta fil-post, u maż-żmien, f’dik il-parti tal-fergħa li tmiss mal-ħamrija, jikbru x-xniexel. Jekk taqta’ l-fergħa minn mas-siġra bix-xniexel b’kollox, tkun tista’ tħawwilha u jkollok siġra tat-tin ġdida.
U mhux hekk biss. Hawn pjanti oħra li jaħdmu l-biċċa mod ieħor. Minflok ma jraqqdu fergħa fuq wiċċ il-ħamrija, joħorġu bħal għerq taħt wiċċ il-ħamrija. Kull tant tul, dan l-għerq jagħmel ĦANXUL (corm, bulbo-tuber). Mill-ħanxul tikber xitla ġdida.
ID-DAKRA
Ħafna xtieli għandhom bżonn jiddakkru biex jagħmlu frott u żerriegħa tajba. Id-DAKRA (pollination) jagħmluha l-insetti (bħan-nemus, in-naħal, iż-żnażan, eċċ.). L-insetti jtiru u jaqbżu minn xitla għal oħra, minn żahra għall-oħra, u jieħdu magħhom l-GĦABRA jew it-TRAB TAD-DAKRA (pollen) jew is-SUGU (nectar) ta’ fjura fuq oħra. Ngħidu aħna: siġra tal-ħarrub tista’ tkun siġra raġel (li ngħidulha “bagħal”) jew siġra mara. (Siġra tat-tin raġel tissejjaħ “Dukkara”). Għall-ħabta tar-rebbiegħa, is-siġar irġiel u nisa joħorġu bħal bukketti ta’ fjuri żgħar ħafna u jarmu riħa qawwija li tiġbed lejha l-insetti. L-insetti jtiru għal fuq il-fjuri rġiel. L-għabra (pollen) ta’ dawn il-fjuri rġiel teħel magħhom u meta l-insetti jtiru għal fuq il-fjuri nisa, idakkruhom bl-għabra tal-fjuri rġiel. Siġar oħra jista’ jkollhom sistema oħra. Jista’ jkollhom iż-żahar nisa u rġiel fl-istess siġra. L-insetti jdakkru minn waħda għal oħra. Xi kultant id-dakra ssir anke meta ma tkunx tixtieqha. Ngħidu aħna, jekk ikunu qrib xulxin, il-qara’ bagħli jista’ jdakkar il-bettieħ; u qargħa ħamra tista’ tiddakkar minn qargħa bagħlija.
XEBLIK
Jekk siġra jew xitla ma jkollhiex dawl biżżejjed, tmut. Biex issib id-dawl li għandha bżonn, ix-xitla titħabat biex titwal u titla’ dejjem iżjed ‘l fuq. Meta jiġri hekk ngħidu li x-xitla TISSEBBEL. Imma jekk titwal ħafna u jkollha zokk irqiq dan jista’ ma jiflaħhiex, jew inkella r-riħ jista’ jiksirha. Biex isolvu dil-problema hawn pjanti li JIXXEBILKU (climbers/creepers). Hi u tikber, il-fergħa ta’ xtieli bħal dawn toħroġ DAFAR (pl. dfur – tendrils). Fil-fatt toħroġ iktar minn dafar wieħed u dawn id-dfur għandhom il-ħila li jinbarmu u jitgħawġu ma’ kulma jsibu quddiemhom jew kull ħaġa li tmiss magħhom. Hekk, il-pjanta tintrabat fis-sod u tkun tista’ titwal kemm trid. Hekk tagħmel id-dielja; u l-qara’ bagħli u l-qara’ twil, u kull xitla jew siġra li tixxeblek.
PARASSITI
Xitla li tixxeblek, tiggranfa ma kulma ssib ħdejha, imqar jekk tkun xitla oħra. Imma dan m’hu xejn ħdejn x’jagħmlu pjanti oħra. Hawn pjanti li huma PARASSITI, jiġifieri jgħixu minn fuq ħaddieħor. L-iktar pjanta parassita magħrufa f’Malta hi l-BUDEBBUS (broomrape). Il-budebbus jaħdem hekk: Għeruqu jfittxu taħt il-ħamrija sakemm isibu l-għeruq ta’ xitla bħal tal-ful jew tal- piżelli. L-għeruq tal-buddebus għandhom il-ħila li mhux biss jintrabtu ma’ l-għeruq tax-xitla tal-ful, imma anke jidħlu ġo fihom b’mod li s-sustanzi li jerdgħu mill-ħamrija dawn l-għeruq, minflok ġox-xitla tal-ful imorru ġox-xitla tal-budebbus. Ix-xitla tal-budebbus, għalhekk, tikber u tisbieħ, filwaqt li x-xitla tal-ful tnin u tmut. Meta jiġri dan ngħidu li l-ful REFGĦU l-budebbus. Din l-espressjoni m’għandhiex titħalla tintrema. Il-Maltin ta’ veru jgħidu: “Dak il-ful li żrajt, kollu REFGĦU IL-BUDEBBUS” u “Jekk tiżra’ l-ful fl-istess post fejn żrajtu s-sena l-oħra, il-ful JERFAGĦULEK IL-BUDEBBUS”. Illum in-nies (min ma jifhimx) qed jgħid “attakkah” minglok “refgħu”. Dnub.
Parassiti oħra, bħall-PITTMA (dodder) jixxebilku ma’ xtieli oħra u jerdgħulhom is-sustanzi mill-weraq.
IS-SIĠAR TA’ MALTA
Is-siġar ta’ Malta jinqasmu fi tlieta:
1) Siġar INDIĠENI (indigenous), jiġifieri dawk is-siġar li kienu Malta ferm qabel ma rifes il-bniedem fi gżiritna; siġar li kien hawn bħalhom sa minn eluf kbar ta’ snin ilu. Fost dawn nistgħu insemmu: il-BALLUT (oak), iż–ŻNUBER (pine), il-FRAXXNU (ash), ir-RAND (bay laurel), iż–ŻAGĦRUN (hawthorn/quickthorn), u ż-ŻIJU (buckthorn).
Meta siġra jew xitla ma jkunx hawn eżatt bħalha fid-dinja kollha ħlief f’Malta, dik tissejjah siġra ENDEMIKA (endemic). Eżempju ta’ dan hu t-TENGĦUD TAX-XAGĦRI (Maltese spurge).
2) Siġar ARKEOFITI (archeophyte), jiġifieri siġar li nġiebu Malta mill-bniedem fil-qedem, tant li llum saru ħaġa waħda mal-ambjent li aħna mdorrijin insejħulu “l-ambjent Malti”. Fost dawn insemmu l–ĦARRUB (carob), it–TIN (fig), in–NAĦAL jiġifieri s-SIĠRA TAT-TAMAL/PALMA (palm), u l–GĦANŻALOR (azarole/cretan hawthorn).
3) Siġar BARRANIN (foreign), jiġifieri siġar li nġiebu Malta inqas minn ħames mitt sena ilu. Minn dawn għandna ħafna siġar tal-frott u siġar taż-żina (dil-kelma tingħad u tinħass “żijna”; m’għandhiex x’taqsam maż-żina’ tas-sitt kmandament. “Taż-żina tfisser biex iżżejjen bihom, dekorattivi).
Fis-selvaġġ, is-siġar jikbru f’imkejjen differenti:
Jikbru fil-MASĠAR jew BOSK (woodland/forest). Il-masġar jew il-bosk ikun fih siġar kbar jew imdaqqsin li jkunu tant sfiq ġo xulxin li l-friegħi ta’ siġra waħda jmissu ma’ ta’ siġra oħra. Billi ftit jara dawl, taħt is-siġar ftit jikbru pjanti oħra. Fi msaġar bħal dawn isaltnu l-aktar il–BALLUT (oak) u ż–ŻNUBER (pine). Imma hemm tipi differenti ta’ msaġar:
Hemm il-MASĠAR TAL-QIGĦAN (riparian forest/woodland). Jgħidulu tal-qigħan għax ikun f’qiegħ xi wied fejn jinġabar jew jiġri l-ilma. Fih isaltnu siġar li għandhom bżonn ħafna ilma u li l-biċċa l-kbira JOĦORFU jew JINŻGĦU (deciduous trees) fix-xitwa. Siġar bħal dawn huma il-LUQ (white poplar) u n-NEMMIESA (elm). Dari aktar mil-lum, kont issib ukoll is-SAFSAF (willow), u l-FRAXXNU (ash).
Hemm ukoll il-MASĠAR TA’ MAL-BAĦAR (coastal woodlands) li ismu miegħu. Minn dawn ftit fadal għax ħafna nqerdu mit-toroq, il-lukandi u l-vilel. Is-siġar li jokormu f’postijiet bħal dawn huma t-TARFA jew il–BRUK (tamarisk), l-GĦADIBA jew il-BŻAR TAL-PATRIJIET jew is-SIĠRA TAL-VIREG (chaste tree), u l-GĦAWSEĠ (boxthorn).
Is-siġar jikbru wkoll fil–ĠMIEM (maquis/matorral). Peress li ħafna ma semgħux b’dil-kelma, issa qegħdin jgħidu “makkja”. Il-ġmiem hu post fejn l-ambjent naturali ma jippermettix li jikbru l-imsaġar, forsi wkoll minħabba l-indħil tal-bniedem, imma xorta jistgħu jikbru xi siġar u arbuxxelli. Dan jista’ jkun ġo xi wied żgħir, jew xi raba’ żdingat, jew ma’ xi ġenb ta’ rdum. Hawnhekk insibu l-ĦARRUB (carob), iż–ŻEBBUĠ jew iż–ŻEJTUN (olive), il–LEWŻ (almond), it–TIN (fig) u xi kultant mqar xi RUMMIENA jew SIĠRA TAL-BULLAR (pomegranate).
IT-TILQIM TAS-SIĠAR
Li kellek tiżra’ ż-żerriegħa minn xi frotta li jkabbar il-bniedem fil-biedja, iż-żerriegħa tinbet u x-xitla li titla’ tikber f’siġra tal-frott. Imma xi wħud mis-siġar tal-frott li jikbru miż-żerriegħa ma jagħmlux frott tajjeb biżżejjed għall-ikel. Siġar bħal dawn iridu JITLAQQMU (to be grafted). Li tlaqqam ifisser li tgħaqqad flimkien parti minn siġra li ma tagħmilx frott tajjeb, ma’ parti minn siġra oħra bħaha imma li tagħmel frott tajjeb għall-ikel. Il-parti li ma’ tagħmilx frott tajjeb bil-Malti tissejjaħ is-SALVAĠĠ (understock/rootstock), il-parti t-tajba tissejjaħ il-BROKK (scion). Is-salvaġġ ikun dejjem il-parti t’isfel tas-siġra fejn ikun hemm l-għeruq li minnhom is-siġra terda’ s-sustanzi mill-art biex tieħu saħħitha. Il-brokk, meta jikber, isir il-fergħa jew il-friegħi tas-siġra li jagħtu l-frott t-tajjeb.
Hemm iktar minn mod wieħed ta’ kif tlaqqam. Fi żmienna, bis-saħħa tal-Internet, daħlu metodi ġodda ta’ tilqim, metodi li forsi ma kinux magħrufa ħafna dari. Hawnhekk se nniżżlu xi metodi ta’ tilqim li n-nies li ltqajt magħhom jien fi żmieni kienu jafu bihom u anke kellhom isem bil-Malti għalihom:
Tista’ tlaqqam BIL-FELES (cleft graft). Is-salvaġġ jinqata’ bejn wieħed u ieħor sitt ċentimetri ’l fuq mill-art; imbagħad issir qasma fih kif jidher fid-disinn. Il-brokk jinqata’ mis-siġra t-tajba.
Dan il-brokk ma jridx ikun għama, imma jrid ikollu GĦAJN (bud) li minnha tista’ toħroġ RIMJA (shoot). Il-brokk jiddaħħal fil-qasma li saret fis-salvaġġ, u l-qoxra tal-brokk trid tmiss mal-qoxra tas-salvaġġ. It-tilqima mbagħad tintrabat tajjeb bil-lastiku tat-tilqim u l-ferita tinkesa bix-xema’ biex tingħalaq tajjeb.
Minflok b’qasma f’nofs iz-zokk, il-brokk jista’ jiddaħħal f’qatgħa li tkun saret fil-qoxra tas-salvaġġ, kif jidher fid-disinn ta’ taħt. F’dan il-każ inkunu laqqamna bil-FELES TAĦT IL-QOXRA (bark graft).
Peress li l-iktar parti importanti mil-brokk hi l-għajn (jew l-għejun) li minnha toħroġ rimja ġdida, tista’ tlaqqam billi minflok tuża l-brokk kollu, tieħu biss l-għajn. Din l-għajn trid tittieħed, m’għandniex xi ngħidu, mis-siġra t-tajba.
- Fis-selvaġġ tagħmel qatgħa fil-qoxra għamla ta’ l-ittra “T”
- Id-daħħal il-qoxra bl-għajn li tkun qtajt mis-siġra t-tajba.
- Torbot kollox tajjeb.
- Jekk Alla jrid it-tilqima tieħu, l-għajn tarmi u toħroġ fergħa li tagħti frott tajjeb.
Jekk iz-zokk tas-siġra li se tlaqqam fuqha jkun ftit oħxon, minflok tagħmel il-qatgħa fil-qoxra fl-għamla ta’ l-ittra “T” maqluba rasha ’l isfel, tista’ tagħmilha fil-għamla ta l-ittra “H” maqluba fuq ġenbha. F’dan il-każ, ix-xaqq il-wieqaf jinqata’ ftit wiesa’, u fil wisa’ tiegħu titqiegħed il-qoxra bl-għajn, sewwa sew kif jidher fid-disinn. Dan it-tip ta’ tilqim bil-għajn jissejjaħ TILQIM BIT-TIEQA (shield grafting).
Jekk mill-banda l-oħra iz-zokk li se tlaqqam fuqu jkun irqiq ħafna (ngħidu aħna ħxuna ta’ lapes jew ftit iktar), tista’ tlaqqam bil-mod li jidher fid-disinn ta’ hawntaħt. Dan it-tilqim jgħidulu TILQIM BIS-SUFFARA (whip grafting). Jgħidulu hekk għax il-qatgħa li tagħmel fis-salvaġġ u fil-brokk, lill-bdiewa tagħna fakkrithom fil-bedbut tal-qasab li kienu jagħmlu meta kienu tfal; bedbut li ddaħħlu f’ħalqek, tonfoħ, u jsaffar.
Is-siġar tal-larinġ, li ħafna drabi jitlaqqmu meta jkunu għadom żgħar ħafna, jistgħu jitlaqqmu bis-suffara.
TILQIMA BIT-TRESSIQ (approach grafting). F’dan it-tip ta’ tilqim, żewġ pjanti li qed jgħixu weħidhom, it-tnejn b’għeruqhom fil-ħamrija, jitressqu ma’ xulxin u jitlaqqmu flimkien biex isiru ħaġa waħda. Biex dan il-tilqim jirnexxi, iż-żewġ pjanti jridu jkunu diġaċ mħawlin qrib xulxin. Jintgħażlu żewġ rimjiet, waħda minn kull pjanta, kemm jista’ jkun qrib ta’ xulxin u kemm jista’ jkun ta’ l-istess ħxuna. Fil-post fejn ir-rimjiet ikunu se jitlaqqmu flimkien, titqaxxar il-qoxra, f’tul ta’ żewġ jew tliet ċentimetri, u ż-żewġ partijiet bil-qoxra mqaxxra jitressqu flimkien u jintrabtu sew bil-lastiku tat-tilqim. Il-faxxina fin-naħa ta’ fuq taż-żewġ partijiet imlaqqmin flimkien triq titħaffef xi ftit mill-weraq.
TILQIM BIL-WASLA jew BIT-TWASSILA (brigde grafting). Dan isir meta siġra jkollha xi ħsara fil-qoxra, ngħidu aħna meta l-bhejjem igerrmu l-qoxra ta’ barra, jew inkella meta l-ħsara ssir apposta minn xi ħadd li jrid jeqred is-siġra. F’dan il-każ trid terġa’ tgħaqqad il-parti il-ħajja tal-qoxra n-naħa t’isfel mal-parti l-ħajja tal-qoxra n-naħa ta’ fuq. F’dan il-każ trid tipprepara daqsxejn il-qoxra billi tnaddaf it-trufijiet u tara li kxift il-parti l-ħajja fuq iż-żewġ naħat. Taqta’ l-brokk, jew il-brokkijiet, u tinfilsaħ jew tinfilshom taħt il-qoxra kif jidher fid-disinn. Id-disinn juri wkoll modi differenti ta’ kif tista tinfilsa l-brokk.
MIKLEM
Qed inniżżlu xi ftit kliem li l-Maltin jistgħu jiltaqgħu miegħu meta jaqraw bl-Ingliż u li forsi jkollhom diffikulta biex isibu l-ekwivalenti tiegħu bil-Malti. Il-kliem mhux qiegħed fl-ordni alfabetiku, imma qiegħed miġmugħ skond is-suġġett:
Fil-Ġnien u fl-Għalqa
| To sow | Tiżra’ |
| To plant | Tħawwel |
| Moisture | Indewwa |
| To germinate | Tfelles |
| Radicle | Rimja ta’ l-għerq |
| Shoot | Rimja |
| Seedling | Nebbieta (jekk tinbet naturali taħt xi siġra) |
| Seedlings | Xitel (xitel tal-frawli, xitel tal-pastard, eċċ) |
| To sprout | Tinbet (jew iġġelben – jekk tkun qed “tisprawtja” ż-żrieragħ) |
| Leaf Bud | Raħsa |
| New leaf | Raħsa |
| Blossom | Żahra |
| Flower (male) | Inwara |
| Shoot Bud | Għajn |
| Roots | Għeruq |
| Root hairs | Xniexel |
| Calyx | Berkun |
| Corm, bulbo-tuber | Ħanxul |
| Seed-bed | Ħammiela |
| Cloche/tunnel | Baqiqa |
| Windbreaker | Qanniċ/milqa’ |
| Grain | Tgħam |
| Pulses | Bus u Ħemsi |
| Wheat | Qamħ |
| Barley | Xgħir |
| Oats | Ħafur |
| Rye | Sikrana |
| Pod | Miżwed |
| Foliage | Faxxina |
| Layering | Tirqid |
| Pollination | Dakra |
| Pollen | Għabra tad-dakra |
| Nectar | Sugu jew Nektar |
Is-Siġar
| Woodland | Masġar/Bosk |
| Riparian Woodland | Masġar tal-Qigħan |
| Coastal Woodland | Masġar ta’ mal-baħar |
| Maquis | Ġmiem |
| Acacia/Wattle | Akaċja |
| Acorn | Ġandar |
| Alder | Alnu |
| Almond | Lewż |
| Aloe Vera | Sabbara |
| Ash | Fraxxnu |
| Bay Laurel | Rand |
| Bean Trefoil Tree | Fula tal-Klieb |
| Birch | Betula |
| Blackthorn | Prajn tax-Xewk |
| Boxthorn | Għawseġ |
| Bramble | Għollieq |
| Buckthorn | Żiju |
| Carob | Ħarrub |
| Chaste tree | Għadiba/Bżar tal-Patrijiet/Tal-Virgi |
| Christ’s Thorn Tree | Xewk tal-Kuruna |
| Cretan Hawthorn | Għanżalor |
| Cypress | Ċipress |
| Date Palm | Naħla/Siġra tat-Tamar/Siġra tal-Palm/Palma |
| Dwarf Palm | Ġummar |
| Elder | Sebuqa |
| Elm | Nemmiesa |
| Eucaliptus | Tal-Gamiem/Ewkaliptus |
| Grape Vine | Dielja |
| Hawthorn/Quickthorn | Żagħrun |
| Hazelnut | Ġellewż |
| Judas Tree | Siġra ta’ Ġuda |
| Jujube | Żinżel |
| Juniper Tree | Ġniepru |
| Laurestinus | Meruna |
| Lentisk | Deru |
| Maltese Salt Tree | Xebb |
| Medlar | Fomm il-lipp |
| Myrtle | Riħan |
| Nettle tree | Majjiesa/Buglar |
| Norfolk Island Palm | Awrikarja |
| Oak | Ballut |
| Oleander | Difla/Tal-Wirdien |
| Olive | Żebbuġ/Żejtun |
| Pine | Żnuber/Prinjol |
| Pistachio Nut Tree | Batan/Pistaċċi |
| Plane Tree | Dolf/Dolb |
| Prickly Pear | Bajtar tax-xewk |
| Quickthorn/Hawthorn | Żagħrun |
| Sandarac Gum tree | Għargħar |
| Spurges | Tengħud |
| Salt Tree (Maltese) | Xebb |
| Sumach | Xumakk tal-Konz |
| Tamarisk | Tarfa/Bruk |
| Trementina | Siġra tal-Fosdoq |
| White Poplar | Luq |
| White Willow | Żafżafa Kbira jew Żgħira |
| Wild Pear | Lanġas ta’ Malta/Selvaġġ |
Stone fruit trees: Siġar tal-frott irqiq:
| Apple | Tuffieħ |
| Apricot | Berquq |
| Cherry | Ċirasa |
| June Pear | Bambinella |
| Nectarine | Nuċiprisk |
| Peach | Ħawħ |
| Pear | Lanġas |
| Plum | Għajnbaqar |
| Prune | Pruna |
| Quince | Sfarġel |
Citrus trees: Siġar taċ-citru:
| Lemon | Lumi |
| Sweet Lime | Lumiċell |
| Mandarine/Tangerine | Mandolin |
| Orange | Larinġ |
| Seville Orange | Larinġ tal-bakkaljaw |
| Blood orange | Larinġ tad-demm. |
| Citron | Tronġ |
| Grapefruit | Pomelo |
Other Fruit Trees: Siġar oħra tal-frott:
| Black Mulberry | Tut |
| Blackberry | Tuta tal-Għolliq |
| Chestnut | Qastan |
| Elderberry | Tuta tas-Sebuqa |
| Fig | Tin/Bajtar ta’ San Ġwann Parsott Iswed/Abjad |
| Firkizzan | |
| Tin Iswed/Ixheb/Isfar/Abjad/Aħdar | |
| Tin tad-Dikkiena | |
| Tin tal-Buskett | |
| Tin tal-Baħrija | |
| Tin tas-Sur | |
| Tin ta’ Ħal Lija | |
| Tin ta’ Alla u Ommu | |
| Tin ta’ Smirna | |
| Tin ta’ San Sidori (Żondadori) | |
| Tin tal-Ħannieqa | |
| Tin Ġludi | |
| Tin Żibdi | |
| Tin Lanġasi | |
| Tin Imnaqqax | |
| Japanese Medlar/Loquat | Naspli |
| Nuts | Ġewż |
| Pomegranate | Rummien |
| White Mulberry | Ċawsli |
| Grapevine | Dielja |
| Għeneb | Beżżula bajda/sewda |
| Beżżula ratba | |
| Beżżul il-baqra | |
| Ġellewża sewda | |
| Ġellewża twila | |
| Insolja Għawdxija | |
| Insolja ħadra | |
| Insolja marsusa | |
| Insolja taż-żbib | |
| Iswed tal-ħawwief | |
| Iswed tal-bejka | |
| Iswed tal-laħam | |
| L-Imtarfa | |
| Marsusa bajda/sewda | |
| Marsusa tan-nebbiet | |
| Melliħija | |
| Miġnuna bajda/sewda | |
| Miġnuna tawwalija | |
| Muskatell iswed/aħmar/roża | |
| Muskatell ta’ l-għasafar | |
| Nebbieta ta’ Wied Ħażrun | |
| Nebbieta ta’ Wied Liemu | |
| Passulina sewda/bajda | |
| Żaqq in-nagħġa ħoxna | |
| Żaqq in-nagħġa sewda | |
| Żebbuġija |
Other fruts: Frott Ieħor
| Prickly Pear | Bajtar tax-xewk |
| Strawberry | Frawli |
| Melons | Bħejra |
| Bettiħ/Bettieħ | |
| Bettiħ ta’l-aħrax/tax-xibka/isfar | |
| Sweet-scented melon | Bettiħ tax-xammiem. |
| Cantaloup melon | Bettiħ tal-flieli |
| Water Melon | Dulliegħ |
Tree grafting: It-Tilqim tas-siġar
| Cleft graft | Tilqim bil-feles |
| Bark graft | Tilqim bil-feles taħt il-qoxra |
| Budding | Tilqim bil-għajn/bil-qoxra |
| “T” budding | Tilqim bil-għajn/bil-qoxra |
| Shield budding | Tilqim bit-tieqa |
| Whip graft | Tilqim bis-suffara |
| Approach grafting | Tilqim bit-tressiq |
| Brigde graft | Tilqim bil-wasla/bit-twassil |
| Rootstock/understock | Is-salvaġġ |
| Scion | Brokk |
| Bud | Għajn |
Herbs & Spices: Ħwawar:
| Anise/Aniseed/Sweet Cummin | Ħlewwa |
| Basil | Ħabaq |
| Bay Leaves | Rand |
| Borage | Fidloqqom |
| Capers | Kappar |
| Celery | Karfus |
| Chayote/Chake | Ċentinarja |
| Chamomile | Kamumilla |
| Chervil | Sorfolja |
| Chillies | Filfel/Bżar Aħmar |
| Chives | Kurrat selvaġġ |
| Cinnamon | Kannella |
| Cloves | Msiemer tal-Qronfol/Trab tal-imsiemer tal-qronfol |
| Comfrey | Widnet l-Għomor |
| Coriander | Kożbor |
| Cumin | Kemmun |
| Dill | Xibt |
| Fennel | Bużbież |
| Garden Rocket | Insalata/Eruka |
| Garlic | Tewm |
| Horse Radish | Rafanel |
| Hyssop | Żuf |
| Juniper Berries | Żerriegħa tal-Ġnibru |
| Ladies’ Fingers/Okra | Bamja |
| Lavander | Spika |
| Lemon Balm | Melissa |
| Love-in-a-mist | Niġella |
| Marjoram | Merqtux |
| Millet | Minju |
| Mint | Nagħniegħ |
| Oregano | Origanu |
| Parsley | Tursin |
| Polenta | Dqiq tal-Qamirrum |
| Thyme | Sagħtar |
| Rosemary | Klin |
| Rue | Fejġel |
| Saffron | Żagħfran |
| Sage | Salvja |
| Savory | Sagħtrija |
| Sesame Seed | Ġulġlien |
| Terragon | Stragun |
| Turmeric | Kerkum/Żagħfran Indjan |
Vegetables Ħaxix għall-Borma:
| Artichokes | Qaqoċċ |
| Asparagus | Spraġ |
| Aubergines | Brunġiel |
| Beans (green) | Ful |
| Beans | Fażola |
| Beet/Chard | Selq |
| Beetroot | Pitravi |
| Broccoli | Brokkli |
| Cabbage | Kaboċċi |
| Carrots | Zunnarija |
| Cauliflower | Pastard |
| Celery | Karfusa |
| Corn | Qamħirrum |
| Courgettes/marrows | Qarabagħli |
| Chard Beet | Selq |
| Chicory | Indivja |
| Chic peas | Ċiċri |
| Cucamber | Ħjar |
| Green Peppers | Bżar aħdar |
| Jerusalem Artichoke | Artiċokks |
| Kale | Kejl |
| Kohlrabi | Ġidra |
| Leeks | Kurrat |
| Lentils | Għads/Għazz |
| Lettuce | Ħass |
| Marrows/courgettes | Qarabagħli |
| Mushrooms | Faqqiegħ |
| Onions | Basal |
| Peas | Piżelli |
| Potatoes | Patata |
| Pumpkin | Qara’ aħmar |
| Radish | Fiġel |
| Spinach | Bqajla |
| Tomatoes | Tadam |
| Trumpet Gourd | Qara’ twil |
| Turnips | Lift/Nevew |
[1] Is-siġar, ix-xtieli u l-basal JITĦAWLU. Iż-żerriegħa TINŻERA’. Mela m’għandna qatt ngħidu “niżirgħu siġra” imma “nħawlu siġra”.
Kotba ta’ referenza:
AQUILINA, Joseph, Maltese-English Dictionary, 2 volumi, Malta, 1987.
BALDACCHINO, A.E.; LANFRANCO, E & SCHEMBRU, P.J. Discovering Nature in the Maltese islands, Malta 1990.
BALDACCHINO, A.E. & STEVENS S. T (ed.), Is-Siġar Maltin – l-użu u l-importanza, Seminar nazzjonali ta’ ġurnata mlaqqa’ l-Furjana, Malta, 1998
BORG, J. Descriptive Flora of the Maltese Islands, Malta, 1927
BORG, J. Cultivation and Diseases of Fruit Trees in the Maltese Islands, Malta, 1922
BORG, Joseph, Wirt l-Għassara ta’ l-Għeneb, Malta, 1996
BORG, Joseph, Street Trees in Malta, Malta, 1976
BORG, Joseph, Il-Ġardinaġġ Malti, Tal-Pietaċ, Malta, 2001
BOWEN JONES, Agriculture in Malta – A Survey of Land Use, Department of Geography, Durham Colleges in the University of Durham, l-Ingilterra, 1955
SCHEMBRI, P.J. & SULTANA, J. (ed.), Red Data Book for the Maltese Islands, Malta, 1989.
SERRACINO-INGLOTT, E., Il-Miklem Malti, 9 volumi, Malta, 1975-1987.
SULTANA J. (Ed.), Flora u Fawna ta’ Malta, Malta, 1995
ĦAJR:
Ġanni Gatt, miż-Żejtun
Salvu Gatt, minn Santa Luċija
Dr. Joseph Borg minn Ħ’Attard
(C) Ġużi Gatt
















Hawn zerrija jajdula
Etwiza
Hawn zerrija jajdula
Erwiza