Wasalna fit-tnax-il silta ta’ din is-sensiela li fiha qed naqbdu, wieħed wieħed, mal-karattri tal-fantasija li jeżistu mistoħbija fl-ilsien Malti u niġbru kulma nafu fuqhom, ħalli ma jintnesewx u jintremew minn moħħna, imma nibqgħu niftakruhom ħalli ngħadduhom lil uliedna. Qegħdin ukoll nippruvaw noħolqu ikonografija għal kull karattru, ħalli aħna u uliedna nkunu nistgħu inpenġuhom u nagħrfu ‘l wieħed mill-ieħor bħalma nagħrfu lil Batman minn Superman. Minn irid jaqra x’għidna fuq il-karattri li ktibna fuqhom qabel, jista’ jsib dan it-tagħrif HAWN. Din id-darba jmiss li nitkellmu fuq:
L-GĦUL
Forsi diġa indunajtu, bħali, li ftit ftit deħlin f’territorju daqsxejn perikoluż, u rridu noqgħodu attenti x’ngħidu. Semmejna lix-xjaten u lill-għefieret u għidna li lil dawn mhux l-ilsien Malti biss jafhom imma jafuhom ukoll il-popli kollha li b’xi mod messew mal-kultura Semitika. Issa l-kultura Semitika issemmi aktar karattri tal-fantasija li huma mir-razza tax-xjaten u l-għefieret. Fost dawn insibu lill-GĦUL, u lil dan il-karattru ilsienna jafu wkoll; għalkemm fi żmienna, fejn kollox qed jintilef, in-nies iktar jafu bin-Nanna Għula milli bl-Għul. Imma fuq l-Għul, isimgħu ftit din:
Jekk tneħħi barra lid-dizzjunarju tal-Kavallier Thesan, Gianfrangisk Agius De Soldanis kiteb dak li ħafna jqisu bħala l-ewwel dizzjunarju Malti.[1] Kitbu madwar mitejn u ħamsin sena ilu. De Soldanis isemmi lill-Għul, u jgħid li kien “serpe, serpente” imma jkompli li n-nies jifhmu li l-Għul hu xi xitan, xi mingħul.[2]
Mikiel Anton Vassalli, ħareġ id-dizzjunarju tiegħu lejn l-aħħar tas-Seklu Tmintax – jiġifieri wara dak ta’ De Soldanis imma xorta waħda ilu li ħareġ aktar minn mitejn sena. Vassalli kien jaf bl-Għul ukoll u qal li kien: “Post miftuħ u deżert li jfixkel lil min jinsab fih”, u ta l-eżempju: “Bqajt waħdi bħal Għul”.[3]
Il-Professur Ġuże Aquilina fid-Dizzjunarju tiegħu jgħid li l-Għul hu “Bhima kbira leġġendarja li tgħix fid-deżert”. Jikkwota lil Magri li l-Għul hu ukoll orku (ogre), imma Magri fil-fatt kiteb hekk: “Serp dari ngħidulu Għul. Għul huwa dbiba (hekk kont nisma’ lix-xjuħ jgħidu) li tgħix fil-boskijiet”.[4] Id-dizzjunarju ta’ Aquilina jgħinna ħafna għax isemmi għanja li kienet titgħanna dari. L-Għanja kienet xi ħaġa hekk:
Inħobbok ja ħanina,
daqs l-inwar tal-ful,
u issa li jien drajtek,
narak bħal wiċċ ta’ GĦUL.[5]
Din l-għanja tgħinna għax turina kif għandna nlissnu l-kelma “Għul”. Din trid taqbel mal-kelma “ful” – jiġifieri m’għandniex ngħidu “awl” imma “uwl”. Dan għaliex l-GĦ fil-kelma Għul mhix l-GĦ komuni imma l-oħra li issa ntilfet: غ
Imm’issa isimgħu xi jgħid Erin Serracino Inglott fid-dizzjunarju tiegħu imsejjaħ “Il-Miklem”. Jgħid li Għul tfisser:
“Ġorf daqsiex li jiġri fix-xagħri u li hu magħdud li jiekol in-nies; annimal kbir u fantastiku, ikreh għal darba; qabblu ma’ sarangu, waħx il-baqar, il-qawqam, mostru goff; kull ħaġa tal-għaġeb immaġinarja, mgerrxa min-nies, iżda tagħmel għalihom; fatat, fantażma, spettru, spirtu ħażin, tal-infern, ix-xitan mibdul f’sura tal-ikbar kruha; orku; kull ħaġa tal-biża’ maħruba minn kulħadd, waħxija; waħx.”[6]
Naħseb li taqblu miegħi li hawnhekk irridu nżommu daqsxejn ir-riedni, għax ma jistax ikun li l-Għul hu kollox u kulħadd.
X’jafu fuq l-Għul kulturi oħra?
L-Ewropa saret taf bl-Għul meta l-ktieb magħruf bl-isem ta’ Elf Lejl u Lejla beda jinqaleb mill-Għarbi għal xi lingwi Ewropej.[7] Minn dak iż-żmien ‘il hawn, il-kelma Ghoul daħlet fil-vokabularju Ingliż. Imma l-kelma Għul ġejja mill-Għarbi, u l-ilsien Malti, li hu ħabib sew tal-Għarbi, din il-kelma ilu ħafna snin jafha. Tant hu hekk li l-istess De Soldanis, li kiteb mitejn u ħamsin sena ilu, qal li dil-kelma kienet qadima tant li s-sens tagħha issa beda jintilef f’ilsien il-poplu.[8] Imma mil-letteratura Għarbija għadna nistgħu nifhmu sew dan l-Għul x’suppost li hu:
L-Għul hu monstru jew spirtu ħażin li jiġri f’postijiet diżabitati imma li hu miġbud lejn iċ-ċimiterji u jħobb jiekol in-nies, mqar jekk ikunu katavri (dan dejjem fil-fantasija tal-poplu). L-Għul jista’ jieħu wkoll is-sura ta’ annimal, l-aktar ta’ xi hyena, li tixbaħ ħafna lil xi kelb salvaġġ, u jħobb jindiehes ma’ xi vjaġġatur li jkun miexi fix-xagħri waħdu u jieħdu miegħu f’xi post fejn ikun jista’ jaqbeż fuqu, jibilgħu, u jieklu.[8]
Mill-kitba ta’ Mikiel Anton Vassalli, ta’ Ġuże Aquilina, u ta’ Erin Serracino Inglott, li t-tlieta semmejnihom aktar ‘il fuq, nistgħu ngħidu li l-Ilsien Malti jaf bir-rabta li l-Għul għandu mal-“postijiet diżabitati”. Mill-kitba ta’ Agius De Soldanis, ta’ Ġuże Aquilina, ta’ Erin Serracino Inglott, u ta’ Manwel Magri, jidher li l-ilsien Malti jaf ukoll li l-Għul “jista’ jieħu sura ta’ annimal”. U ċ-ċimiterji? Isimgħu ftit ix-xjuħ ta’ dari x’qalu lil Manwel Magri meta kellmuh fuq “il-Waħx”:
“Il-Waħx jgħidu li joħroġ billejl meta jmut xi ħadd. Ir-riħa tal-mejjet tiġbdu; huwa għandu għamla ta’ kelb.” [9]
Hawnhekk għandna l-ingredjenti kollha li għandna bżonn, imma, bħas-soltu, qegħdin imħawdin u mgerfxin, u ilhom sekli sħaħ jistennew lil xi ħadd minna biex jirrangahom u jqiegħed kollox f’postu.
L-Għul hu ħlejqa tal-fantasija li tħuf u tiġġerra f’postijiet diżabitati u tfittex il-ħireb abbandunati, u xi xagħri ‘l bogħod min-nies; l-Għul jista’ jieħu l-għamla ta’ serp iswed jew kelb ikrah; joħroġ l-aktar bil-lejl; jinteressa ruħu ħafna u jersaq lejn in-nies meta jmut xi ħadd għax, kif qalu x-xjuħ tagħna lil Manwel Magri, “Ir-riħa tal-mejjet tiġbdu”.
Innutajtu bħali li l-Għul għandu ħafna mill-karatteristiċi tal-Ħares? Il-Ħares nafu li jħobb jidħol ġo xi dar vojta, jew ġo xi ħirba (dar imwaqqa’), jew ipoġġi ġo xi għar ikrah u mudlam; L-Għul iħobb il-postijiet diżabitati, u jfittex il-ħireb ukoll. Nafu wkoll li l-Ħares għandu l-ħila li jieħu l-għamla ta’ xi serp, jew l-għamla ta’ kelb. Missirijietna kitbu li l-Għul hu serpent, imma qalu wkoll li “għandu għamla ta’ kelb”. Il-Ħares għandu l-mara tiegħu, li jgħidulha l-Ħaddiela. L-Għul għandu mara?
Fost il-ħrejjef ta’ missirijietna, insibu l-ħrafa tan-Nanna Għula.[10] M’hemmx dubju li kienet mara, u m’hemmx dubju li kienet Għula. Waħda mill-iktar karatteristiċi tal-Ghoul f’kuntest internazzjonali hu li “jħobb jiekol in-nies, imqar jekk ikunu katavri”[11]. Hu minnu li x-xjuħ kienu qalu lil Manwel Magri li ċertu karattru tal-fantasija kien “joħroġ billejl meta jmut xi ħadd. Ir-riħa tal-mejjet tiġbdu”[12] imma jkun diffiċli biex issib fil-Folklor Malti xi storja ta’ xi spirti ħżiena li jieklu l-mejtin. B’dana kollu, l-istejjer tan-Nanna Għula jilħqu l-qofol tagħhom meta l-Għula tisraq tarbija lil waħda omm. Isimgħu kif tibda l-ħrafa tan-Nanna Għula, dejjem kif ġabarha Ġuże Cassar Pullicino minn fomm il-poplu:
Kien hemm mara xtaqet tiekol karfusa. Telqet għal għonq it-triq, u timxi timxi timxi sa fl-aħħar sabet karfusa. Sabet karfusa, ġibditha, u qalgħetha. Mit-toqba ħarġet in-Nanna Għula u qaltilha: “Dik il-karfusa tiegħi. Issa jekk ikollok tarbija tkun tiegħi!” [13]
Diġa semmejna (f’taqsima oħra) kemm dari n-nisa tagħna kienu jibżgħu mit-tqala. Ħafna nisa mietu waqt li kienu qed jildu, u forsi aktar milli mietu nisa, mietu trabi tat-twelid. In-Nanna Għula tisraq it-trabi hu x’aktarx mod poetiku ta’ kif tesprimi dan il-fenominu u tagħmlu inqas tal-biża’. L-omm tiled it-tarbija, u ftit wara, lil din it-tarbija jeħduha r-reffiegħa, imkeffna ġo tebut. Il-ħrafa tan-Nanna Għula tkompli hekk:
Il-mara kellha tifla, u meta kibret li bdiet titfarfar, darba ġiet in-Nanna Għula u ħadithielha. Ħaditha fejn kienet toqgħod hi, f’xi mkien għoli.[14]
Din il-ħrafa tkompli tikkonfermalna kif għandna nlissnu l-kelma “Għula”, għax meta n-Nanna Għula kienet toħroġ mid-dar tagħha li kienet “f’xi mkien għoli”, biex terġa’ tidħol fiha kienet tgħid lit-tifla biex iddendel xagħarha minn ġot-tieqa ħalli n-Nanna tkun tista’ tiggranfa miegħu u titla’. Kienet tgħidilha:
Dendel xagħarek, sbula sbula!
Ħalli titlta’ n-Nanna Għula!
Mela “Għula” trid taqbel ma’ sbula, u “Għul” trid taqbel ma’ ful.
Fil-ħrejjef ta’ niesna, l-aktar li jħobbu jieklu n-nies kienu l-Ġganti. Fil-ħrafa Tifla Teqred Ġganta[15] Manwel Magri jgħidilna li darba Ġganta qabdet tifla tisirqilha l-ful, xeħtitha ġewwa barrada kbira, u kienet iżżoqqha tajjeb biex imbagħad iddaħħalha fil-forn u ssajjarha. Il-Ġganta spiċċat ħażin, għax it-tifla sajret lilha ġol-forn. Imma l-ħrafa tixbaħ ħafna, talanqas fil-bidu tagħha, lill-ħrafa tan-Nanna Għula – mara xiħa, jew kerha, tisraq tifla u toħodha fejn ma jsibuhiex. Ħrafa oħra fejn mara xiħa “belgħet” xi tfajliet – did-darba mhux waħda, imma sebgħa – hi dik li semma Ġorġ Pisani fil-Ktieb tiegħu Għawdex Joħlom fil-Leġġendi, jiġifieri Il-Belliegħa tax-Xbejbiet.[16] Il-ħrafa hi marbuta ma’ post f’Għawdex li fih hemm għar li għadhom sal-lum isejħulu “Il-Belliegħa” – qiegħed qrib ħafna tal-Kunvent tal-Kapuċċini, fuq ir-riħ tat-triq u l-wied li jeħduk lejn Marsalforn. Il-ħrafa tgħid li darba, lejn dawk l-inħawi, kien hemm mara Għawdxija jisimha Selika li kellha sebat ibniet – kollha xbejbiet sbieħ trid seba’ għajnejn biex tarahom. Selika bagħtet it-tifla l-kbira biex iġġibilha l-ilma mill-għar li llum nafuh bħala “tal-Belliegħa”, u meta din damet ma ġiet, bagħtet lit-tifla l-oħra ta’ warajha biex tmur tfittixha u tara xi ġralha. Meta din it-tieni tifla baqgħet ma ġietx, Selika bagħtet it-tielet waħda, u baqgħet sejra hekk sakemm is-seba’ xbejbiet li kellha għebu kollha u baqgħu ma’ reġgħux lejn id-dar. Selika marret b’qalbha ttaqtaq tfittixhom ġol għar, imma sabitu vojt. Mal-art kien hemm seba’ ħnienaq li l-omm għarfithom bħala dawk li s-seba’ wliedha kienu jilbsu madwar għonqhom. B’għajnejha mimlijin dmugħ, Selika ħarġet mill-għar u quddiemha ma taqtgħux li min tara?! Tara mara xiħa li Għawdex kollu kien jibża’ minnha, għax kienet kerha u magħrufa li tgħajjen u ġġib lil kulħadd fil-għali. Selika staqsietha kienetx rat lis-seba’ wliedha xbejbiet, u x-xiħa fetħet dirgħajha t-tnejn, ċartet ħalqha, u nfaqgħet tidħak – daħka twila twila li baqgħet tidwi u żżarżar ma’ kullimkien. Ix-xbejbiet baqgħu ma nstabux.[17]
Aħna naħsbu li l-mara xiħa li rat Selika quddiem l-għar tal-Belliegħa ma kienet ħadd ħlief in-Nanna Għula li, għal darb’oħra, serqet it-tfal mingħand ommhom, bħalma qabel kienet serqet it-tifla ta’ dik il-mara li kilitilha l-karfusa. B’xorti tajba, Ġorġ Pisani li għaddielna din il-ħrafa, ħallielna deskrizzjoni tajba ta’ kif kienet din il-mara xiħa li aħna naħsbu li kienet Għula: Għalkemm in-nies ma kinux jafu din il-mara fejn kienet toqgħod, kienu jarawha ġejja minn qalb l-għoljiet, b’mogħża miexja dejjem warajha. Xagħarha kien dejjem maħlul u jmiss mal-art, u f’idejha kienet iġġib ħatar oħxon li fuq rasu kienet tidher minquxa ras ta’ mewt. In-nies kienu jgħidu li din ix-xiħa ma kienet torqod qatt, u kienet tgħaddi l-iljieli tiġġerra, b’idejha msallbin, fuq il-quċċata tal-għoljiet. Bil-ħarsa tagħha kellha s-setgħa li tkisser il-ħġieġ, toqtol it-tjur u l-bhejjem, u tmarrad in-nies. Ikel ma kienet tiekol qatt – tgħix biss bil-ħalib tal-mogħża li kellha tiġra wara djulha.[18] Kien jingħad ukoll li din il-ħalja kellha l-ħila li tiftaħ il-bibien magħluqa tad-djar, billi tmisshom kemm kemm bir-ras tal-ħatar tagħha u tibqa’ dieħla ġewwa; kienet tidħol għand il-furnara u titlobhom żewġ ħobżiet. Meta ma kenux jilqgħu it-talba tagħha, dakinhar il-furnata kollha kienet toħroġ sewda faħma, maħruqa mill-forn. Kellha wkoll il-ħila li tisraq l-imsielet minn widnejn in-nisa billi tmissilhom kemm kemm il-ponta ta’ geddumhom, taparsi qed tifraħ bihom.[19] Ma rridux inħallu barra l-fatt li din il-mara xiħa kienet qabdet żewġ tfajliet Għawdxin u biddlithom fil-Qolla l-Bajda u l-Qolla s-Safra li hemm qrib id-daħla tax-Xwejni, Għawdex
Forsi tgħiduli: “Imma l-għar fejn Selika rat lil dil-mara xiħa mhux bħala “tal-Belliegħa” hu magħruf? Kif il-Belliegħa issa saret Għula? Diġa urejna, aktar ‘il fuq, kif matul iż-żmien, il-karatteristiċi ta’ karattri tal-fantasija differenti tħallew jitgerfxu u jitħawdu flimkien. Dan ġara għax l-intelletwali tagħna s’issa kienu traskurati ferm fuq dan is-suġġett, u ħallew li dan jiġri. Hu ċar li l-Belliegħa hi l-iktar marbuta mal-bjar, u hi ħlejqa li tgħix fl-ilma, għandha għamla tixbaħ lil ta’ sallura, imma għandha swaba’ twal u bid-dwiefer li jitilgħu għalik minn qiegħ il-bir, jaħtfuk u jgħaddsuk ‘l isfel. Jekk inpenġu lill-Belliegħa b’dawn il-karatteristiċi li tant huma sinonimi magħha, kif nistgħu mbagħad norbtuha ma’ mara xiħa tiġri fuq l-għoljiet b’mogħża dejjem miexja warajha? Il-ħrafa ta’ Selika u s-seba’ xbejbiet tagħha, tixbaħ xi ftit lil ħrafa oħra li tingħad Għawdex ukoll. Kif kulħadd jaf, f’dak il-post magħruf bħala “id-Dwejra”, kien hemm dik li l-Għawdxin semmewha bħala “t-Tieqa tad-Dwejra”. Dan l-isem, bl-iskuża tat-turisti, kien ġie iffalsifikat u kien sar The Azure Window. B’xorti ħażina t-Tieqa tad-Dwejra m’għadhiex magħna – għax ħadha l-baħar. Imma meta kienet għadha wieqfa, faċċata tagħha, int u tħares lejn il-Ġebla tal-Ġeneral, hemm għar taħt l-ilma li jissejjaħ “Il-Ħofra tal-Bidwin”. Dan l-isem ukoll ġie iffalsifikat u sar The Blue Hole – dejjem bl-iskuża tat-turisti. Il-Ħofra tal-Bidwin jgħidulha hekk għax darba waħda, tliet bdiewa, jew bidwin, wieħed wara l-ieħor ittantaw jgħodsu bin-nifs għal ġo fiha – u qatt ma dehru aktar.[20] Ara f’dan il-każ, ġaladarba kienu ġo l-ilma, mhux ħaġa kbira biex dik li belgħathom kienet xi milgħuba, jew forsi s-Serp tas-Seba’ Rjus, dak li jinstema jgħajjat minn taħt l-ilma n-naħa tad-Dragunara. Imma lit-tfal ta’ Selika x’aktarx li belgħathom jew ħadithom magħha l-Għula, li l-għors tagħha hu li tisraq it-tfal m’għand ommhom.
Meta niġu biex inpenġu l-Għul u l-Għula għandna nżommu dejjem quddiem għajnejna d-deskrizzjoni li tana Ġorġ Pisani tal-mara xiħa li rat Selika ħdejn l-Għar tal-Belliegħa; għax bis-saħħa ta’ dik id-deskrizzjoni nistgħu npenġu lill-Għula. Issa l-Għul irridu nistħajluh bħala l-verżjoni maskili tagħha. Innutaw li wiċċ l-Għula għandu l-fattizzi tal-klieb. Il-Ħares ukoll għandu l-fattizzi tal-klieb. Bejnietna, aħna nissuspettaw li l-Ħares hu Għul ukoll, imma hu karattru li għadu fl-aqwa tiegħu, fl-aħjar ta’ ħajtu. Filwaqt li n-Nanna Għula hi l-verżjoni femminili tiegħu, li issa xjaħet u tgħawġet, imma xorta għadha vendikattiva u tħobb tagħmel il-ħsara.
Bħas-soltu, qabbadna lill-artist bravu Eric Leone, li tana xbiha ta’ dik li tidher qisha mara b’xuxitha twila tmiss mal-art, b’bastun f’idha li fuqnett għandu minquxa ras ta’ mewt, u mogħża timxi dejjem warajha u tħares bl-ikrah lejna. Għalkemm is-sura tixbaħ lil ta’ mara, nixtiequ li wiċċha jkun ifakkrek f’wiċċ il-Ħares. Il-Ħares għandu l-fattizzi ta’ kelb, u l-Għula għandha jkollha l-fattizzi ta’ xi kelba xiħa u kattiva. Jekk dil-ħlejqa jkollha bixra ta’ xiħa b’xagħarha iblaq, twil u msebbel, ħatar b’ras ta’ mewt f’idha, u mogħża ma’ djulha, jekk naħslu narawha quddiemna, nagħrfuha mill-ewwel.
In-Nanna Għula, kif penġihielna l-artist tagħna Eric Leone.
Il-verżjoni tax-xiħa tal-Għar tal-Belliegħa kif stħajjilha John Spirteri Gingell
Ritratti tal-istatwetta li għamlilna Richard Bartolo.
Il-verżjoni tal-Għul li dehret fil-wirja Hotel Babaw li ttellgħet fil-Belt Valletta fl-2016, mill-artist bravu Joseph Bugeja. Innutaw li l-wiċċ ukoll għandu l-fattizzi ta’ ħajina (hyena) li tixbaħ ħafna lill-klieb.
(C) Ġużi Gatt
REFERENZI
[1] Id-dizzjunarju li kiteb “Il-Kavallier Thesan” nafu bih ukoll. Mhux ċar meta inkiteb dan id-dizzjunarju għax isem min kitbu ma nafuhx, u kien hemm iktar minn Kavallier wieħed li kien kunjomu Thesan. Imma x’aktarx li nkiteb għal nofs is-seklu sbatax – jiġifieri qabel dak ta’ De Soldanis. Dan id-dizzjunarju, pero, iktar qisu lista ta’ kliem milli ħaġ’oħra. L-Għul ma jissemmiex fih, għalkemm jissemma l-Gawgaw (miktuba qauqau) . Għall-Kavallier Thesan, “Waħx” kienet tfisser biss “paura”, imma jżid dan il-qawl: Aħjar waħxek milli wensek”, li turi li kien jaf ukoll li “waħx” tifisser “in-nuqqas tiegħek” u l-qawl jiġi jfisser “aħjar mingħajrek milli bik”. Ara l-Edizzjoni ta’ Mons Lawrenz Cachia: Il-Kavallier Thesan: L-Ewwel Dizzjunarju Malti, Malta, 1999 paġni 49 u 144..
[2] DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel fom tal Maltin u Ghaucin, Editriċi Rosabelle Carabott, ippubblikat mill-Akkademja tal-Malti fl-2016, paġna 331.
[3] Lexicon jew Dizzjunarju Malti-Latin-Taljan, editjat minn Mons. Lawrenz Cachia, Malta, 2016, paġna 132
[4] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, 574
[5] GĦUL, Aquilina, Joseph, Maltese-English Dictionary, 2 volumi, Malta, 1987, paġna 1009
[2] GĦUL, Il-Miklem, Erin Serracino Inglott, paġna 234.
[6] https://en.wikipedia.org/wiki/Ghoul
[7] DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel fom tal Maltin u Ghaucin, Editriċi Rosabelle Carabott, ippubblikat mill-Akkademja tal-Malti fl-2016, paġna 331.
[8] https://en.wikipedia.org/wiki/Ghoul
[9] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, 574
[10] Guże Cassar Pullicino, Stejjer ta’ Niesna, Dipertiment tal-Informazzjoni, Malta, 1967, Paġna 11
[11] https://en.wikipedia.org/wiki/Ghoul
[12] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, 574
[13] Guże Cassar Pullicino, Stejjer ta’ Niesna, Dipertiment tal-Informazzjoni, Malta, 1967, Paġna 11
[14] Ibid.
[15] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, 146
[16] Pisani, George, Ghawdex Johlom fil-Leggendi, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, Malta 1980, Paġna 69
[17] Ibid.
[18] Ibid. Din il-ħrafa dehret l-ewwel darba fir-Review, edizzjoni bil-Malti, fil-21 ta’ Diċembru 1960, paġni 3, 7.
[19] Pisani, George, Triqat il-Ħolm, it-Tieni Volum, 2020, Paġna 117 u 118
[20] Camilleri, Alex, Id-Dwejra u l-Inħawi ta’ Madwarha, fl-Imnara Nru. 30, 2006, paġna 125.



