Wasalna fil-ħdax-il silta ta’ din is-sensiela li fiha qed naqbdu, wieħed wieħed, mal-karattri tal-fantasija li jeżistu mistoħbija fl-ilsien Malti u niġbru kulma nafu fuqhom, ħalli ma jintnesewx u jintremew minn moħħna, imma nibqgħu niftakruhom ħalli ngħadduhom lil uliedna. Qegħdin ukoll nippruvaw noħolqu ikonografija għal kull karattru, ħalli aħna u uliedna nkunu nistgħu inpenġuhom u nagħrfu ‘l wieħed mill-ieħor bħalma nagħrfu lil Batman minn Superman. Minn irid jaqra x’għidna fuq il-karattri li ktibna fuqhom qabel, jista’ jsib dan it-tagħrif HAWN.
Din id-darba jmiss li nitkellmu fuq:
L-GĦAFRIT
Diġa għidna, fit-taqsima fuq il-Waħx, li l-kliem ma jaqax mis-sema imma jkollu storja twila warajh. Xi kliem għandu storja ferm itwal u ferm aktar interessanti minn dik ta’ kliem ieħor. Kelma li għandna f’ilsienna, li dari kienet komuni ħafna imma ż-żgħażagħ tal-lum qed jitilfuha hi l-kelma GĦAFRIT. Fi tfuliti dil-kelma kienet fuq fomm kulħadd. Nannti, u ommi, kienu jgħiduha spiss. L-aktar espressjoni komuni kienet “jiġri daqs Għafrit”, jew jekk, ngħidu aħna, xi ġuvni kesaħlu jgħaddi jiġri bil-karozza mit-triq – triq li kienet aktar maħsuba għall-karettuni milli għall-karozzi tan-nar – in-nanna kienet tgħajjat: “Pu…għadda qisu Għafrit, nirrah jixxawwat!” Dan l-aħħar, waqt li għaddej b’din il-kitba, fraħt ħafna meta dil-kelma użata oħti wkoll. Oħti trabbiet miegħi, u għandha żmien ftit iżjed minni. Waqt li qed titħaddet fuq l-imgħallem tagħha li għandu stamperija żgħira, u li xi kultant kien iġenninha, u li dejjem jara ma xiex se jaqbad, u tiela’ u nieżel u ħiereġ u dieħel, oħti qalet: “dejjem għaddej qisu Għafrit!” Imma ż-żagħżagħ tal-lum jibqgħu iħarsu lejk qishom boloh, bħal qishom dil-kelma qatt ma semgħuha. Ħasra. Dil-kelma għandha storja twila f’ilsienna.
Dawk li, bħali, trabbew fis-sistema antika tat-tagħlim tad-duttrina, jafu li l-Mitoloġija Nisranija tagħżel bejn kategoriji different ta’ anġli: Hemm l-Anġli, l-Arkanġli, is-Serafini, Il-Kerubini – li jgħassu l-bieb tal-Ġenna, il-Puttini, eċċ. Fi żmieni kienu jissemmew “is-Seba’ Kori tal-Anġli”, għalkemm hawn min jgħid li l-kori huma disgħa mhux sebgħa.[1]
Fi lsien il-poplu, ix-xjaten ukoll kellhom ħafna ismijiet. Fil-ktieb tiegħu Mid-Dinja tas-Seħer u l-Folklor, Anton F. Attard iniżżel fil-lista dawn il-kelmiet: Brejbes, il-Fergħun, il-Blis, Karfusu, l-Għammad il-Kbir, Budenbu, eċċ.[2] Ħafna minn dawn l-ismijiet, għalkemm mhux kollha, ivvintajnihom aħna. Bil-Malti insemmu wkoll “il-Mniegħel”. Is-singular ta’ din il-kelma jiġi “Mingħul”, u dan l-isem ġej minn għerq ta’ verb qadim, li b’xorti ħażina llum hu mitluf fi lsienna, verb li jfisser “tisħet”. Mela l-Mingħul tfisser “il-Misħut”, u l-Mniegħel tfisser “Il-Misħutin” – isem li jgħodd għall-kategoriji kollha tax-xjaten: misħutin minn Alla. Imma hu ta’ interess kbir lingwistiku u storiku li aħna l-Maltin nafu bil-kelma “Iblis”. Din il-kelma tidher ukoll fid-dizzjunarju ta’ Vassalli, għalkemm dan kitibha “Blis”.[3] Id-diminuttiv ta’ din il-kelma jiġi “Blejbes” li fi lsienna saret “Brejbes” kif taha Anton F. Attard.[4] Iblis hu l-isem li jingħata lill-mexxej tax-xjaten fil-kultura Semitika, li lkoll nafu kemm influwenzat lil niesna. L-istudjużi ma jaqblux jekk dan l-isem hux ġej mill-Grieg διάβολος (diábolos), jew mill-Għarbi إبليس (Iblis).[5] Lilna jinterssani biss li dan l-isem jinsab fi lsienna. Jinteressana wkoll li l-isem li jingħata lill-mexxej tax-xjaten fil-kultura tal-Punent – jiġifieri “Satana” hi ġejja mill-kelma “Xitan” li aħna
ħadniha mill-Għarbi imma li fl-aħħar mill-aħħar ġejja mill-Lhudi שָּׂטָן satan.[6] Dan kollu jkompli juri kemm hu minnu li l-kliem ma jaqax mis-sema imma jkollu ġebbieda twila warajh.
Fil-kultura Semitika jissemmew diversi kategoriji ta’ xjaten, bħalma jissemmew id-diversi kategoriji ta’ Anġli. F’dik il-lingwa Semitika li hi l-aktar qrib tagħna, jiġifieri l-Għarbi, jingħad li Alla ħalaq l-Anġli mid-dawl, u ħalaq l-ispirti l-ħżiena “min-nar ta’ riħ li jaħraq”.[7] L-ispirti l-ħżiena kollha f’daqqa jissejħu “Ġnun”. Is-singular tiġi “Ġinn”. Dil-kelma nsibuha f’ilsienna imma qiegħda xi ftit mistoħbija: għax meta ngħidu li xi ħadd hu “miġnun”, dari din kienet tinftiehem li għandu “il-Ġinn”, jew spirtu ħażin, ġo fih; il-kelma “Ġinn” saret “ġenn” u ġiet tfisser dak li bl-Ingliż jissejjaħ madness. Il-Genie li Aladin kien joħroġ minn ġol-lampa m’hu xejn ħlief Ġinn ieħor. Issa hemm iktar minn kategorija waħda ta’ Ġnun. Fost il-ġnun hemm ix-Xjaten u hemm l-Għefieret. Lsienna, lil dawn jafhom it-tnejn li huma.
Niesna ta’ dari kienu jafu li l-Għafrit kien jiġri daqs ir-riħ. Kienu jafu wkoll li kien b’saħħtu ħafna. Karmnu Vella hu bidwi li għex u trabba l-Wardija. Xi kull tant immur narah biex joqgħod jgħidli xi storja. Darba minnhom qalli li “Lejn l-Għar ta’ San Martin hemm ħajt għoli li jgħidu li bnewh l-Għefieret. Il-ġebel li hemm fil-filati ta’ fuqnett hu ferm ikbar mill-ġebel fil-filati ta’ taħt. Dak il-ġebel il-kbir kif tela’ hemm fuq jekk mhux għax tellgħuh l-Għefieret?” Tabilħaqq! Hawn min jgħid li anke r-Razzett tax-Xitan li hemm fil-post imsejjaħ Il-Qasam il-Barrani, fl-Aħrax tal-Mellieħa, l-Għefieret bnewh. Ir-razzett għandu kull kamra daqshiex, u hu magħmul minn ġebel kbir u goff, u x-Xitan kien qabbad lilhom biex jibnuh, għax l-Għefieret jinqalgħu għal dawn l-affarijiet. Jekk mhux l-għefieret, min tridu jibnih razzett bħal dak?
Ir-Razzett tax-Xitan, ritratt mill-internet
Għidna li l-Għafrit jiġri daqs ir-riħ. Mill-ftit stejjer li għandna li fihom jissemma l-Għafrit, ma rridx inħalli din barra u allura tibqa’ bla miktuba. Dil-istorja kien qalieli xi ħadd, illum m’hemmx mod ta’ kif nista’ niftakar min kien, meta f’lejl sajfi, ħafna u ħafna snin ilu, konna qegħdin, ta’ tfal li konna, nilgħabu fi sqaq dejjaq u mudlam iż-Żejtun, b’xi erbat ixjuħ bil-qiegħda fuq l-għatba ta’ darhom, jew fuq siġġu minn dawk li jkollhom il-maqgħad tas-sogħda, u li dari x-xjuħ u n-nisa kien jagħmlu maġenb il-bieb ta’ barra fis-sajf filgħaxijiet meta jaqa’ d-dlam biex igawdu ftit iż-żiffa ta’ barra:
Mela darba, Majsi ta’ Konsa mar jistad lejn Xifer l-Infern – post magħruf magħruf miż-żwieten, li jiġi taħt il-fanal ta’ Dellimara. Post perikoluż kemm trid, imma tajjeb għas-sajd bil-qasba. Majsi kien ilu ħafna bilqiegħda, u ma kienx tella’ mill-baħar imqar ħuta waħda mġiddma! Imma ħin minnhom Majsi jara bilqiegħda ħdejh bħal xitan żgħir; għafrit. L-għafrit qal lil Majsi: “Aqbadli żewġ ħutiet, Majs!” Majsi ħass imsarnu jinżlulu f’saqajh. Ħassu marbut mal-art u ma jistax jiċċaqlaq. Anke lsienu ntrabatlu mas-saqaf ta’ ħalqu. Imma bla ma jaf kif, sema’ lilu nnifsu jgħid lill-Għafrit: “Xejn ma qbadt. M’għandix ħniex!” L-għafrit kien pront wieġbu: “Ħa mmur inġiblek mix-Xatt” (il-mod ta’ kif iż-żwieten kien jirreferu għal Marsaxlokk). L-għafrit għeb minn ħdejn Majsi, u dan ta s-salt biex iqum minn postu u jlebbet lura lejn ir-raħal. Imma lanqas laħaq qam minn bilqiegħda li ma reġgħax ra lill-għafrit ma ġembu bi flixkun tal-ħġieġ f’idu, mimli ħniex. Majsi kellu bil-qalb it-tajba, jillixka s-sunnara u jkompli jistad. U beda jtella’ ħuta wara l-oħra. Majsi jtella’ u l-għafrit jiekol u jqarmeċ. Lanqas xewka ma ħallielu. Mur obsor li l-Għafrit iħobb il-ħut nej. Għandi għali li ma staqsejtx lil min qalli l-istorja, Majsi kif irnexxielu jeħles mill-għafrit fl-aħħar. Naħseb li billi tefgħalu xi ftit melħ fuq denbu!
Mela l-Għafrit b’saħħtu ħafna u jiġri ħafna. Dik issa nafuha, imma kif se naqbdu npenġuh? L-aqwa karatteristika tiegħu hi li jiġri ħafna: ngħidu “jiġri daqs Għafrit”, u fil-Malti għandna l-espressjoni “jiġri daqs ir-riħ”. Imma diffiċli li tpenġi xi ħaġa bħala riħ. Fi żmieni, jiġifieri fi żmien meta l-Maltin kienu għadhom jafu jitkellmu bil-Malti tajjeb, meta jkun hemm xi ħadd irqiq, nervus, u qisu m’għandu sabar imkien, saqajh ħfief, jimxi jgħaġġel u jħaffef u jiġri, konna ngħidu; “Qisu suffarell!” Allura aħna penġejna lill-Għafrit hekk: qisu suffarell.
L-Għafrit, kif penġieh għalina l-artist bravu Eric Leone
L-Għafrit, kif jistħajlu John Spiteri Gingell
L-Għafrit, kif penġieh Joseph Bugeja – pittura li dehret fil-wirja tiegħu “Hotel Babaw”, li ttellgħet fil-Belt Valletta fl-2016
(C) Ġużi Gatt
REFERENZI
[1] http://www.newadvent.org/cathen/01476d.htm
[2] Attard, Anton F., Mid-Dinja tals-Seħer u l-Folklor, Għawdex, 2002, vii – viii
[3] Lexicon jew Dizzjunarju Malti-Latin-Taljan, editjat minn Mons. Lawrenz Cachia, Malta, 2016, paġna 30
[4] Attard, Anton F., Mid-Dinja tals-Seħer u l-Folklor, Għawdex, 2002, 47
[5] Iblis, Encyclopedia of Islam, it-2 Ediz., Leiden, Brill, 668
[6] Fittex il-kelma “Satan” fil-Wikipedia.
[7] Lebling, Robert, Legends of the Fire Spirits, I.B. Tauris & Co. Ltd., Londra. 2010, paġna 22




Prosit kbira ta’ dawn l-artikli. Ikun sabih u utli hafna li dawn l-artikli tigbruhom tippublikawhom fi ktieb. Hekk ingawduhom ahna u nghatu l-ktieb rigal lit-tfal taghna. Grazzi.