Introduzzjoni

Skont dak li hu magħruf s’issa, il-bniedem kien “ivvinta” l-biedja u t-trobbija tal-bhejjem anke sa għaxart elef sena ilu.  Il-gżejjer Maltin jidher li ġew mgħammra bin-nies kmieni ħafna – x’aktarx anke sa ħames jew sitt elef sena ilu.  Biex ġie jgħammar f’Malta, il-bniedem bilfors li kien jaf ikabbar xi għelejjel bħall-qamħ, xgħir, u x’aktarx li anke ful, għads, u ħxejjex bħal dawn.  Kien ukoll irabbi n-nagħaġ, il-mogħoż, u l-ħnieżer, kien jixrob il-ħalib, jiekol il-laħam, u bilfors li kien jaf xi ħaġa fuq kif taħżen l-ilma tax-xita biex issibu fis-sajf meta kważi kollox jinxef qoxqox.

Kitba ta’ Arnold u Jeffrey Sciberras

Dan ix-xogħol kollu ma kienx faċli, anke minħabba n-nuqqas ta’ ħamrija fonda u ċ-ċokon tal-art għammiela.  Biex seta’ jgħammar hawn, il-bniedem kellu jimmodifika l-ambjent ta’ madwaru biex jaddatta l-art għall-biedja u b’hekk jgħix hu, u jgħajjex u jkattar il-bhejjem tiegħu. Naturalment, Malta, Għawdex u Kemmuna, l-ikbar tliet gżejjer, offrew l-iktar art għal għajxien, u nistgħu ngħidu li għadhom vijabbli sal-ġurnata tal-lum. Pero’, xi uħud mill-gżejjer żgħar ta’ madwarhom,  li huma il-Gżira ta’ Manoel, Il-Gżejjer ta’ San Pawl, Kemmunett, Filfla, Il-Ponta tal-Qawra u il-Ġebla tal-Ġeneral, ukoll kellhom skopijiet agrikoli u skopijiet antropoġenici oħrajn matul iż-żmienijiet. Kważi f’kull rokna tal-gżejjer Maltin instabet evidenza t’użanza antropoġenika, jiġifieri xhieda ta’ tibdil fl-ambjent ikkaġunat mill-ħidma tal-bniedem, primarjament għal skop agrikolu, imbagħad għal skopijiet militari, kif ukoll għal passatempi.

Manoel Island, jew Il-Gżira tal-Isqof

Il-Gżira ta’ Manoel

Dik li tissejjaħ bl-Ingliż Manoel Island, għax hekk l-iktar magħrufa, hija l-ikbar gżira ‘zgħira’ fl-arċipelagu Malti, (għalkemm teknikament saret peniżola sa mill-1750) u li, s’issa, ma jgħixux nies fiha, almenu b’mod permanenti. Fi żmien il-kavallieri kienet tissejjaħ il-Gżira tal-Isqof. X’aktarx li l-Isqof ma kellux il-gżira biss biex ikollu fejn jgħum, imma x’aktarx li kellu d-dħul minnha mill-ħidma agrikola li kien hemm fiha.  Bla dubju, matul iż-żmien, fost il-ġzejjer żgħar, din ġiet l-iktar waħda żviluppata. Saħansitra inbena sptar ta’ kwarantina, forti, uffiċini, bini residenzjali, ġibjun, bunkers u kmamar tal-ħażna, xelters u anke restoranti, villaġġ għal papri (illum magħdux jeżisti) kif ukoll parkeġġi. Minkejja dan kollu, stampa ċara ta’ skop agrikolu fuq din il-gżira ma nstabx, u jekk kien hemm xi darba qabel l-izvilupp mill-kavallieri, kollu sparixxa.

Il-Gżira ta’ San Pawl, jew Selmunett

It-tieni l-ikbar gżira ta’ bla nies, teknikament hija gżira waħda u mhux tnejn, għalkemm l-isem spiss jingħad “gżejjer”.  Hemm istmu – ilsien ta’ art naturali – li jgħaqqad iż-żewġ partijiet. Tissejjaħ ukoll Selmunett, għax qiegħda viċin il-lokalita ta’ Selmun. Minkejja li huma ġżira waħda, iż-żewġ partijiet tal-gżira ta’ San Pawl huma totalment differenti minn xulxin. Il-parti ż-zgħira, li hija iktar baxxa, hija kollha xagħri tal-kosta u baqgħet saħansitra fost l-iktar postijiet naturali fil-gżejjer Maltin.  Il-parti l-kbira tal-gżira ġiet mittiefsa dratiskament. L-evidenza tal-agrikoltura hija kbira fuq din il-parti minħabba l-ammont kbir ta’ ħitan tas-sejjieħ għaċ-ċokon tagħha ikkumparat mal-gżejjer kbar. Fil-qalba tal-parti l-kbira insibu razzett  żgħir li x’aktarx inbena f’dak li qabel kien t-torri ta’ Lascaris.  Sa qabel il-gwerra, ċertu Ċensu Borg, imlaqqam ta’ Bajdafin, kien għadu jużah bħala razzett, kellu bir, u max-xatt kien hemm anke menqa żgħira, li tesa’ dgħajsa waħda, u skal jew żellieqa żgħira.  Laħaq inkiteb li dan Ċensu Borg kien anke jgħawwwem il-baqra tiegħu mix-xatt ta’ Selmun sa fuq il-gżira, biex jaħrat biha. X’aktarx li anke n-nagħaġ u l-mogħoż kien ikollhom jgħumu.  Fin-naħa tal-gżira li tħares lejn Selmun insibu barriera zgħira li x’aktarx intużat biex tipprovdi l-materjal għall-ħitan tas-sejjieħ u għar-razzett. Bla dubju l-iktar landmark viżibli tal-gżira hija l-istatwa ta San Pawl, li mix-xatt tista’ titla’ għaliha minn trejqa tal-konkos.  It-trejqa tibda minn ħdejn artal tal-konkos (illum imfarrak) li kien intuża għall-quddiesa li kien qaddes il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni meta ġie Malta.

Kemmunett

Kemmunett

Din hi t-tielet l-ikbar gżira f’din il-lista, u l-iktar viċin Kemmuna.  Kemmunett illum saret popolari għall-aċċess li toffri għal-baħar ta’ bejn il-kmiemen, blue lagoon. Fl-antik ukoll Kemmunett kienet tintuża għall-agrikoltura minħabba l-ammont ta ħitan tas-sejjieħ li jinstabu fuqha, għalkemm żgur mhux daqs kemm hemm fuq Selmunett.  Il-ħitan kollha jħarsu lejn in-naħa t’Għawdex.  Minkejja ċ-ċokon tagħha, u l-kontra ta’ dak li ġara fuq il-parti l-kbira ta’ Selmunett,  il-vegetazzjonijiet indiġena ta’ Kemmunett irkuprat, qisu qatt ma kien hemm intervent agrikolu. Faċċatta ta’ Kemmuna insibu struttura mibnija li kienet isservi bħala ħażna tal-polvri. Fuq il-gżira nistgħu insibu ukoll  marka  ta’ stilla magħmula mil-ġebel zgħir. Din hija xi ħaġa riċenti , prinċiparjament għal skop ornamentali u spritwali.

Filfla, mill-bogħod.

Ir-raba’ l-akbar, din il-ġżira hija fost l-aktar popolari mal-Maltin, u l-iktar waħda imbiegħda mix-xatt ta’Malta. Minkejja dan, Filfla ukoll spiċċat post ta’ refuġju għan-nies, speċjalment mas-sajjieda bħala post għal kenn waqt xi maltempati.  Kien hemm każ fejn saret post ta’ isolament għal familja waqt il-pesta.  Mhux ħaġa kbira li anke Selmunett serviet għalhekk. Huwa magħruf sew li xi darba kien hemm kappella zgħira li x’aktarx kienet ġo “għar” li għadu magħruf  bħala “l-Għar tal-Madonna”. F’1339, grupp ta’ sajjieda inqabdu f’maltempata li kważi ħaditilhom ħajjithom, u sabu lil Filfla bħala kenn. Fi 1343, bħala rringrazzjament, bnew kappella iddedikata lil  Santa Marija Assunta u kienet issir quddiesa regolari għas-sajjieda. Il-Kappella inqerdet fl-1856, possibilment b’terremot. Il-pittura tal-Madonna ta’ Filfla li ilha teżisti mis-sena 1604, ġiet imneħħija, u tqiegħdet fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq.

Evidenza t’ agrikoltura ma jidhrix li qatt kien hemm fuq din il-gżira. Madankollu, il-persuna li marret toqgħod fuq Filfla fi żmien il-pesta, Ġanni Attard, x’aktarx li l-attività tiegħu kienet waħda iktar tas-sajd, milli biedja.  M’għandniex xi ngħidu, żgur li sab xi roqgħa biex iħawwel  xi basla jew tewma, imma x’aktarx li laqqat l-iktar mill-baħar.  Il-bniedem irid jixrob ukoll, u fuq Filfla kien hemm “il-qattara” li taħtha s-sajjieda kienu jħaffru ħofra fonda fit-tafal, u din timtela bl-ilma.  Anke t-Torok jidhru li kienu jafu biha.  Il-Kavallieri riedu jisploduha,  minħabba il-biża tal-piraterija, imma ma rnexxilhomx – u dan is-sors ta’ ilma splodewh l-Ingliżi bil-bombi li tefgħu fuqha.

Il-Ponta tal-Qawra

Il-Ponta tal-Qawra

Il-Ħames fil-lista, din hija teknikament gżira illum il-ġurnata – l-iżjed gżira riċenti fl-istorja ta’ pajjiżna.  Fi żmien l-ingliżi l-istmu bejn Malta u il-Ponta tal-Qawra tħaffer biex jifforma banju kostali, pero tħaffer b’tali mod li l-perimetru kollu tan-naħa ta’ Malta inqata’ għal kollox, u b’hekk inħolqot gżira.  Lokalment hija ukoll hija magħrufa bħala il-Gżira tal-Qawra, jew il-Gżira ta Ta’ Fra Ben, għat-Torri żgħir b’restorant li jħares lejn il-Lvant ħdejn din il-gżira. Fuq il-gżira nsibu dura, l-unika waħda li insibu fuq il-gżejjer iż-żgħar.  Jinstabu wkoll tlett ċrieki kbar forma ta’ bulls-eye, li jidhru biss mill-ajru. X’aktarx li dan biex il-gżira tkun tista’ tintuża bħala target practice mill-Ingliżi.

Il-Ġebla tal-Ġeneral

Minkejja li zgħira bħala surface area ħdejn il-gżejjer l-oħra li semmejna , din hija l-iktar għolja minn wiċċ il-baħar. Difficli biex titla’ fuqha, bħal Filfla, u saret iktar diffiċili fi żmien il-Kavallieri meta l-eqreb sies tal-Ġebla,  li huwa dak viċin t’Għawdex, ġie imnaqqax biex ħadd ma  jista jitla’ fuqha, ħlief l-għassiesa li kienu jistkennu f’għar żgħir imħaffer taħt il-quċċata tal-Ġebla. Saħansitra nbena ħajt tas-sejjieħ u ftit turġien fuq nett. Dan kollu biex jipproteġu l-Għerq Sinjur, pjanta għamla ta’ faqqiegħ ħamrani, li huwa  speċi parassita fuq pjanti kostali. L-Għerq Sinjur jinstab biss fuq din il-Ġebla tal-Ġeneral, u antikament kienu jemmnu li l-għerq kien jista’ jfejjaq kull tip ta’ mard, minkejja li issa instab li dan mhu veru xejn.

Il-Ġebla tal-Ħalfa

Il-Ġebla taċ-Ċawl u il-Ġebla tal-Ħalfa

Dawn iż-żewġ gżejjer żgħar, minkejja li ma kellhomx fuqhom intervent fiżiku mill-bniedem, xorta kellhom parti mill-istorja. Fuq il-Ġebla taċ-Ċawl insibu  salib żgħir tal-ġebel, biex jimmarka traġedja b’dgħajsa bin-nies li seħħet fil-1948. Fuq il-Ġebla tal-Ħalfa, hemm leġġenda li tgħid li Dragut, gwerrier tork fi żmien l-assedju, ħalef li jrid jaħkem lil Għawdex kollu. Iktar hu l-każ li l-isem oriġina minn pjanta li tgħix fuq dil-gżira żgħira, u li tissejjaħ ukoll “ħalfa”. Faċċata ta’ kemmuna fuq din il-ġebla nsibu fenomenu ġeoloġiku li jixbaħ ħafna l-istruttura ta’ fugass.

Is-Salib li hemm fuq il-Ġebla taċ-Ċawl

Konklużjoni

Illum il-ġurnata dawn il-ġżejjer żgħar ma tantx fadlilihom skop antropoġeniku, ħlief dak kummerċjali f’sens ta’ turismu. Għaldaqstant, irridu napprezzaw  kemm, minkejja d-daqs zgħir tagħhom, kellhom rwol importanti għal missierjietna, tant li xi individwi sabu l-għejxien fuqhom. Illum iridu narawhom mod ieħor, bħala żoni ta’ importanza ekoloġika (kull gżira għandha l-endemiżmu ta’ biodiverista’ unika għall-post) u ta’ importanza storika, ta’ wirt naturali u kulturali għal pajjiżna.

Referenzi

CINI, G. (2005) Filfla had a chapel dedicated to our lady.Times of Malta . January 4th pg 15.

ATTARD.E(2012) The 1948 Ħondoq ir-Rummien tragedy.Times of Malta .October 28th pg 6

SCIBERRAS, A. (2007) The presence of Chamaleo chamaleon  (Reptilia) on  the  Maltese  islands with a  note  on  the  occurrence  of “this species on Cominotto Island and its possible effects on the endemic local lizard. – Herpetological Bulletin, 102: 38-40.

SCIBERRAS, A. (2007) Lizards At Id-Dwejra. – Dwejra Heritage Park Gozo (Dwejra Management Board): 28-33.

SCIBERRAS, A.  &  LALOV,  S.V.  (2007): Notes  On The  Impact Of  The  Black Rat (Rattus  rattus  L.)  On  The  Flora And  Fauna  Of “Fungus Rock (Maltese Islands). – The Central Mediterranean Naturalist (Nature Trust Malta publications), 4 (3): 207-210.

SCIBERRAS, A. & SCHEMBRI, P..J. (2008):  Conservation Status of  St Paul`s Island Wall Lizard (Podarcis filfolensis kieselbachi). – Herpetological Bulletin, 105 : 28-34.

SCIBERRAS, J. & SCIBERRAS, A (2014):  Behavior of lizards in the Maltese and Pelagian islands: a personal experience. Lacteridae 10pgs.

SCIBERRAS,A.&SCIBERRAS, J.( 2021) It-toponomastika tal-gżejjer żgħar Maltin. I- lewwel parti : Il- Ġebla tal- Ħalfa u taċ – Ċawl. Ilmiklem.com.

SCIBERRAS,A.&SCIBERRAS, J.(2021)It-toponomastika tal-gżejjer żgħar ta’ madwar Malta u Għawdex. It- tieni parti : IL- Ġebla tal- Ġeneral u ġebel ta’ madwar Għawdex. Ilmiklem.com

SCIBERRAS,A.&SCIBERRAS, J.(2021) It-toponomastika tal-gżejjer żgħar ta’ madwar Malta u Għawdex. It- tielet parti : Selmunett, il – Ponta tal – Qawra u L-iskoll ta l- Għallis. Ilmiklem.com.

SCIBERRAS,A.&SCIBERRAS, J.(2021) It-toponomastika tal-gżejjer żgħar ta’ madwar Malta u Għawdex. Il-raba parti : Il-Gżira tal-Isqof u l-isfel ta’ Malta. Ilmiklem.com.

SCIBERRAS,A.&SCIBERRAS, J.( 2021) It-toponomastika tal-gżejjer żgħar ta’ madwar Malta u Għawdex. Il- Hames  parti :  Filfla, il – Ħagra tas-sajjietta u minn bengħisa sal-aħrax tal-Mellieħa. Ilmiklem.com.

SCIBERRAS,A.&SCIBERRAS, J.( 2021) It-toponomastika tal-gżejjer żgħar Maltin. Il- sit parti : Partijiet mil – Gżira ta’ Kemmuna u il -gzejjer satelliti tagħha . Ilmiklem.com