Ftit ftit, qed inġibu x’kiteb il-Professur Salvatore Luigi Pisani fil-ktieb tiegħu: Ktieb il-Qâbla. Il-ktieb kien ħareġ fl-1883, u fih xi kliem li aħna l-Maltin tal-lum, billi aħna klieb tagħna nfusna, ħallejnih jintilef meta fil-fatt kien għad għandna bżonnu. Xi kultant qed naqbżu xi siltiet, u nagħżlu dawk biss li fihom it-terminoloġija li għandna bżonn; imma xorta qed nimxu pass pass mal-ktieb, ħalli jekk jista’ jkun, ma nitilfu xejn minnu.
Illum se nibdew il-Ħmistax-il Taqsima. Isfelnett tistgħu taqraw il-kummenti tagħna:
Kitba ta’ Ġużi Gatt
Dak li n-nies isejħulu mola, mhux ħaġa oħra ħlief demm magħqud. Il-mola tassew issir minn ħbiela mħassra. Hemm il-mola tal-laħam, li aktarx issir mill-plaċenta, u (hemm) il-mola tal-għanqud, li tkun bħall-għeneb, u ssir mix-xniexel tal-korion. Dawn il-moli jġibu ħass ħażin bħal tal-ħbiela għall-ewwel, u s-sintomi razzjonali tal-ħbiela, u l-ballottament ukoll. Iżda s-sintomi pożittivi (tal-ħbiela) ma jaslu qatt, u l-mara tibqa’ tistenna. Aktarx meta jsiru dawn il-moli, jindaħal it-tabib, għaliex il-ħass ħażin tal-mara ma jkunx bħal ta’ dari.
Imbagħad hemm il-ħbiela li mhix tassew – il-ħbiela falza. Mara miżżewġa jkollha s-sintomi kollha razzjonali tal-ħbiela, u ma jkunx hemm ħlief nervi, steriżmu. Il-mara, li dejjem tkun imdaħħla fiż-żmien, tixtieq it-tfal, u billi dejjem tixtieqhom, tistpiċċa biex tibda tħoss bħalma jħossu n-nisa fil-ħbiela sewwa. Jekk wieħed jitwaħħax wisq, meta jkun tiela’ xi taraġ waħdu fid-dlam, u binhar ukoll, jew jinsab bla ħsieb f’xi dar waħdu, jew barra bil-lejl, bil-biża’ għajnejh juruh il-fatati u l-erwieħ. Minn dan ma jkun hemm xejn; u hekk il-mara ma tkunx tqila.
Iżda xi daqqiet, il-mard tal-ġuf jew tal-għanqud, jew xi mard ieħor, inbidel ma’ ħbiela. Ħasbu li mara kienet tqila, u kienet marida – kull xi daqqa nisimgħu xi ħaġa hekk; iżda mhux daqs dari.
IL-KUMMENTI TAGĦNA:
Dik li jgħidulha MOLA: Il-Maltin ta’ żmien l-Profs hekk kienu jgħidu. Skont Aquilina, bl-Ingliż din tiġi hydatidiform mole, jew false conception. Dik l-għodda li tissejjah grindstone bl-Ingliż, u li bil-Malti jgħidulha wkoll mola, x’aktarx li hi kelma ta’ nisel Taljan, u m’għandhiex x’taqsam mal-mola li qed isemmi l-Profs.. Bl-Ingliż hemm il-kelma mole, imma bit Taljan mid-dehra din tiġi neo. Il-Maltin kienu jgħidu: “mola tal-laħam”, u “mola tal-għanqud”. Fi żmieni dejjem hekk kien jiġri: Il-Malti kien isib il-kelma f’ħalqu mill-ewwel. Jara ċertu tip ta’ ġobon u jgħid “ġobon tat-toqba”, jara ġobon ieħor u jgħid “ġobon tat-tursina”, l-ieħor kien isejjaħlu “ġobob tal-ħakk”. U nibqgħu sejrin hekk: Qara Franċis, qara’ lanġasi, qara’ tat-turbant, ħadida tal-mogħdija, xkupilja tas-snien, kaxxa tal-ittri, kamra tar-ritratti, ħalib tal-bandiera, u tibqa’ sejjer hekk: Dak li jaraw l-għajnejn, jingħata kelma fl-ilsien. Illum qisu mhix dinjita tagħna nagħmlu hekk.
Mola tal-għanqud
Mola tal-laħam
Ix-xniexel tal-KORION: Il-korion hu wieħed mis-saffi li minnhom ikun magħmul il-ġuf tal-omm. Hi kelma medika u x’aktarx li l-qarrejja tal-ktieb tal-Profs. kienu jħalluha f’idejn u f’fomm it-tobba. Imma tal-anqas kienu jafu x’inhi mola.
Il-ballottament: Bit-Taljan: Ballottamento. L-Ingliż ħa dil-kelma mil-Latin ukoll, ħlief li bl-Ingliż iwaqqgħu il-vokali tal-aħħar u jgħidu ballottement. It-tifsira hi: a technique of feeling for a movable object in the body, esp confirmation of pregnancy by feeling the rebound of the fetus following a quick digital tap on the wall of the uterus.
Il-Professur qisu jrid jgħid li meta l-mara jkollha mola, u l-qabla tħoss żaqq il-mara biex tipprova tifhem x’qed jiġri, b’idha tħoss l-istess ħaġa bħal meta l-mara tkun tqila, imma fil-fatt, tqila ma tkunx.
Jitwaħħax meta jkun tiela’ t-taraġ fid-dlam:
Din illum trid tfissirha ftit, għax is-sens tagħha tlifnieh. Il-Malti ilu ħafna jibni d-djar b’iktar minn sular wieħed. Biex titla’ minn sular għall-ieħor irid ikun hemm taraġ. Fid-djar tal-bdiewa u dawk fl-irħula l-qodma, it-taraġ kien aktarx fil-bitħa, miftuħ għall-arja, u minnu titla’ għal fuq is-setaħ biex tkun tista’ tidħol fl-għorfa. Ommi, lili, fl-għorfa wilditni. Imma fid-djar daqsxejn kbar fl-ibliet, u fid-djar ta’ xi nies tat-tajjeb fl-irħula wkoll, kien ikun hemm taraġ fuq ġewwa, b’ħafna indani u tidwir. Fuq il-bejt, bi dritt l-indani tat-taraġ, kien ikun hemm tamboċċ (skylight) biex jagħti ftit tad-dawl. Isfel, fuq il-poġġaman tat-taraġ kien ikun hemm xi fanal bid-dawl inemnem li kien jinxtegħel billejl. Iżomm il-fanal forsi jkun hemm anke xi “Tork tat-Taraġ”.
Imma x-xemgħat u l-lanterni ta’ dari kienu jagħtu dawl bati u għajjien. L-indani tat-taraġ xorta kienu jibqgħu mudlama u tal-biża’, speċjalment għat-tfal iż-żgħar li jgħixu fid-dar. Biex tkompli tgħaxxaqha, mal-ħajt, int u tiela’ t-taraġ, kienu jiddendlu ħafna inkwatri b’temi reliġjużi. L-aktar moda fit-taraġ kienu stampi li juru “l-mewt it-tajba” u “l-mewt il-ħażina”. Fl-inkwatru tal-mewt it-tajba kien hemm ħafna anġli u qaddisin, imma f’dak tal-mewt il-ħażina kien hemm ix-xjaten qed iġorru l-moribond lejn l-infern bis-sodda b’kollox. Bejn id-dlam u d-dawl inemnem, bejn b’xi Tork l-iswed imqabbad mal-poġġaman, u x-xjaten iġorru n-nies lejn l-abbissi tal-infern, it-tfal kienu jitilgħu t-taraġ jiġru mwerwrin, saqajhom ma’ daharhom. Il-ġenituri kienu wkoll jikkonfermaw, li t-Tork tat-Taraġ kien ikun lest għat-tfal imqarbin, jitfagħhom ġo xkora, u joħodhom miegħu fil-kantina, li d-dħul għaliha kien ikun ħafna drabi minn bieb taħt l-istess taraġ.
Dari, it-taraġ li jtellgħek fis-sular ta’ fuq kien ikun post mudlam…
Biex tgħaxxaqha, in-nanna kienet iddendel ħafna nkwatri bix-xjaten u l-anġli jtiru…
Mill-kitba tal-Professur jidher li mhux it-tfal biss kienu jitwerwru huma u tilgħin xi taraġ mudlam. Il-kbar ukoll. Jekk fid-dar ikun hemm il-Ħares, dan kellu ħabta jimbuttak għal isfel u jwaqqgħek it-taraġ. Jekk tiffissa fuq dawn l-affarijiet, tista’ timrad.
Kull xi daqqa, imma mhux daqs dari: Xi ġmiel ta’ kliem. Illum forsi ngħidu “xi minn daqqiet, imma mhux daqs qabel”. Tal-Professur, isbaħ.





