Ftit ftit, qed inġibu x’kiteb il-Professur Salvatore Luigi Pisani fil-ktieb tiegħu: Ktieb il-Qâbla.  Il-ktieb kien ħareġ fl-1883, u fih xi kliem li aħna l-Maltin tal-lum, billi aħna klieb tagħna nfusna, ħallejnih jintilef meta fil-fatt kien għad għandna bżonnu.  Meta l-Profs. Pisani ħareġ il-ktieb tiegħu maħsub biex jgħallem, diġa kien hemm skola tal-qwiebel, imma fil-biċċa l-kbira dawn il-qwiebel kienu nisa li ħadu l-esperjenza tagħhom minn l-omm għall-bint.  Dan ifisser li t-terminoloġija, jew il-kliem li kienu jużaw fis-sengħa tagħhom, kien kliem magħruf f’ilsien il-poplu.  Il-Profs. Pisani qagħad b’seba’ għajnejn li juża l-kliem li l-qwiebel, jew dawk li kienu jixtiequ li jsiru qwiebel, kienu jafuh, u meta kellu juża xi kelma li kien jaf li kienet tqila, kitbha bil-korsiv, u fissirha bi kliem ieħor aktar komuni.

Kitba ta’ Ġużi Gatt

Xi kultant qed naqbżu xi siltiet mill-ktieb, u qed nagħżlu dawk biss li fihom it-terminoloġija li għandna bżonn; imma xorta qed nimxu pass pass mal-ktieb, ħalli jekk jista’ jkun, ma nitilfu xejn minnu.

INTEMMU T-TNAX-IL TAQSIMA TAL-KTIEB

Tarbija għandha toħroġ barra, wara għoxrin (ġurnata) fis-sajf, erbgħin fix-xitwa. Aktarx li aħna noħorġuha wara erbgħin dejjem, u l-ewwel darba tkun għall-knisja, biex issir il-preżentazzjoni tagħha lill-Madonna.

Fil-magħmudija il-qabla għandha tagħti lill-Kappillan l-isem tal-missier u tal-omm, u jekk il-missier ma jridx juri ruħu, jekk intom tiktbu t-twelid lill-puluzija, tagħtu tal-omm biss, sewwa jekk trid jew ma tridx. U iftħu għajnejkom li ma tagħtux xi isem li tkunu tafu li mhux ta’ dik il-mara li wildet f’idejkom.  Lill-Kappillan għatu l-isem tal-parrinu wkoll, u l-isem li tagħti l-omm lit-tarbija u dak li għandha tissemma bih.  Għidulu meta twieldet u jekk għandhiex il-Forma. Waqt il-magħmudija tieħu ħsieb li tneħħi l-iskufja meta l-Kappillan ikun sejjer jixħet l-ilma fuq rasha, u twarrab il-ħwejjeġ minn fejn għandu jitqiegħed iż-Żejt Mqaddes. Wara kollox, għandha tlibbes lit-tarbija l-iskufja taż-żejt, u l-oħra, u tgeżwirha fix-xall bħal ma kienet.    

IL-KUMMENTI TAGĦNA

Qed inġibu biss dil-biċċa qasira għax naħseb li għandna x’nikkummentaw fuqha.

It-tarbija għandha toħroġ barra wara għoxrin fis-sajf, erbgħin fix-xitwa: Hawnhekk jidhirli li rridu niflu daqsxejn x’qed jgħid il-Professur Pisani.  Jekk tieħu għal dak li kiteb, qisu qed jgħid li t-tarbija toħroġ mid-dar l-ewwel darba wara erbgħin jum, u dan biex tiġi ppreżentata lill-Madonna fil-knisja.  Imma fis-sentenza li jmiss isemmi l-magħmudija.    Nixtieq li nqabblu dak il-kiteb il-Profs ma’ dak li kiteb Rafel Bonnici Cali, fl-Imnara Nru 5, f’Awwissu tal-1982.  Wieħed irid jiftakar li Cali twieled fl-1907, u l-artiklu hu fuq id-drawwiet li ghex hu, u li llum għebu minn fostna jew inbiddlu.  Ejja naqraw ftit x’kiteb Rafel Bonnici Cali:

Ir-ras tinżamm mill-parrinu raġel jekk it-tarbija tkun tifel, u mill-parrina mara jekk it-tarbija tkun tifla.

Dari, l-magħmudija kienet aktarx issir l-għada stess tat-twelid tat-tarbija, u kull tarbija titgħammed għaliha fuq il-fonti qrib il-bieb ta’ barra tal-knisja. Minn ftit snin ‘l hawn, it-trabi bdew jiġu kollha flimkien il-knisja, u jigħammdu fuq l-artal stess, wara xahar jew aktar fuq it-twelid, u għalhekk illum l-omm stess tressaq it-tarbija għal dan is-sagrament.  Dari, l-omm qatt ma kienet tara l-magħmudija ta’ wliedha, għax kien hawn id-drawwa li l-omm ma toħroġx mid-dar qabel jgħaddu erbgħin jum mit-twelid.  Għalhekk dari t-tarbija kienet tinġarr lejn il-knisja minn mara li tissejjaħ: ir-Reffiegħa, u din kienet tieħu ħsieb ta’ kollox: il-ħin, il-qabla (li fl-ibliet kienet tissejjaħ “il-majjistra”), u saħansitra l-isem tat-tarbija.  Iżda l-missier spiss kien jieħu sehem ukoll, għax wara kollox id-dritt hu tiegħu li jagħti l-isem, u jieħu ħsieb il-ħlas tax-xemgħa, u xi flus oħra lil min kien jgħammed.  Ma dawn kienu jieħdu sehem ukoll, l-istess bħalma għadu jsir, il-parrinijiet – raġel u mara ħbieb tal-familja, li x-xogħol tagħhom kien li jżommu t-tarbija mimduda sakemm il-qassis isawwab l-ilma fuq rasha.  Ir-ras tinżamm mir-raġel jekk it-tarbija tkun tifel, u minn mara jekk it-tarbija tkun tifla.

Din kienet il-magħmudija tal-ħaddiem u ta’ dawk ta’ klassi medja komuni.  Min kien jista’ mhux ħażin kien iżid xi ħaġa oħra: flok xemgħa ta’ kwart kien jagħti waħda ta’ ratal, u flok disa’ rbajja lil-qassis, kien jagħti tmintax irbiegħi (żewġ xelini u nofs).  Imma min kien tassew sinjur kien jagħti lira tad-deheb lill-qassis, u jqassam nofs lira oħra lis-sagristan u lit-tifel abbati li jkun hemm.  Tirrakkanota ommi li kulħadd kien skanta meta s-Sur Ġużeppi D’Amato ta lira tad-deheb lill-qassis meta kien għammed l-ewwel tifla li kellu, meta l-knisja ta’ Raħal Ġdid saret parroċċa fl-1910.  Tirrakkonta wkoll li l-Markiż Barbaro ħa t-tarbija tiegħu biex titgħammed, fil-knisja ta’ Ħal Tarxien, bil-parilja, u ż-żwiemel kellhom in-nagħal tad-deheb – għall-okkażjoni.  Ħa ukoll miegħu buqar u friskatur tal-fidda, u xugaman tal-għażel irrakkmat, biex il-qassis jaħsel idejh, u meta kien lest kollox, tefgħalu fuq idu fwieħa minn flixkun ċkejken; minn dan il-flixkun raxx ukoll il-fwieħa fuq idejn kulmin kien hemm fil-knisja.  Din il-biċċa tal-fwieħa intogħġbot wisq, u ftit ftit saret drawwa wkoll tan-nies tal-klassi medja.  Niftakar fost l-oħrajn, lil missieri jroxx il-fwieħa fuq dawk li kienu fil-knisja għall-magħmudija ta’ oħti ż-żgħira Lorenza.  Dak iż-żmien jien kelli xi disa’ snin, u mort il-knisja mdaqqaq, inżomm ix-xemgħa mal-kumpannija sħiħa tal-familja u tal-parrinijiet, kulħadd bil-mixi qisna proċessjoni, għax hekk kienet id-drawwa dak iż-żmien.

Il-Markiż Barbaro ħa t-tarbija tiegħu biex titgħammed riekba fuq il-parilja, u ż-żwiemel kellhom in-nagħal tad-deheb, għall-okkażżjoni.

 

Inkomplu bil-kummenti tagħna:

Ma naħsibx li għandu jkollna dubju li fi żmien il-Profs ma kinux jistennew erbgħin jum biex jgħammdu lit-tarbija. Bit-trabi jmutu bil-gziez, il-magħmudija kienet issir, jekk mhux l-għada stess, kif qal Bonnici Cali, mhux iktar minn ftit jiem wara t-twelid. M’hemmx dubja, lanqas, li ma kinitx tkun l-omm li tieħu t-tarbija l-knisja, imma l-qabla.  Nistgħu nemmnu li l-omm ma kinitx toħroġ mid-dar qabel erbgħin jum.

Wara erbgħin jum it-tarbija jidher li kienet tiġi ppreżentata lill-Madonna, x’aktarx (dak iż-żmien) fil-knisja parrokkjali tal-lokal li jkun.  Din il-preżentazzjoni għadha ssir sal-lum.  Fi żmienna x’aktarx li ssir ċerimonja organizzata fit- 2 ta’ Frar, il-festa tal-Preżentazzjoni ta’ Kristu fit-Tempju – jiġifieri eżatt erbgħin jum mill-Milied.  Il-ġenituri, daż-żmien, jagħżlu huma meta jippreżentaw lil uliedhom, u x’aktarx joqgħodu jistennew din iċ-ċerimonja pubblika, u allura jgħaddu iktar minn erbgħin jum.

Il-ġenituri, bit-trabi f’dirgħajhom, jippreżentawhom fil-knisja tal-Madonna ta’ Pinu.  Ritratt meħud minn Newsbook Malta

Jekk il-missier ma jridx juri ruħu:  Fil-ktieb tiegħu, il-Professur Pisani semma, aktar minn darba, każi fejn il-miluda tkun trid taħbi li hi tqila.  Darba minnhom, il-Profs. kiteb hekk:

Daqqiet il-Qabla tkun imsejħa minn nies mara tqila li ma tkunx qalet jew emmnet li hija tqila, u l-uġigħ li jkollha tkun trid tgħid li hu xi ħaġa oħra; jew għad li tkun bl-uġigħ tal-ħlas ma tkunx uriet lil niesha. Ma nisa hekk, il-Qabla trid timxi bil-għaqal: l-ewwel u t-tieni waħda jridu jqarrqu biha, u hija, bla kliem xejn, tista’ tagħraf il-qerq tagħhom.

Dawn ikunu każi fejn il-mara tkun inqabdet tqila barra ż-żwieġ – ħaġa li dari kienet skandlu.  Hawn, il-Profs qed jgħid li “l-missier ma jkunx irid juri ruħu”.  Il-kitba ma tikkummentax fuq il-missier, l-ebda kumment ta’ tmaqdir, imma tgħid biss li jekk il-qabla “tikteb it-twelid lill-puluzija”, għanda tagħti l-isem veru tal-omm, “sewwa jekk trid jew ma tridx”.

Fi żmienna, il-ġenituri huma marbuta bil-liġi li jirreġistraw lill-uliedhom mar-Registru Pubbliku sa żmien ħmistax mit-twelid. M’għandix nifhem li llum hawn ħafna li jonqsu li jagħmlu dan – xejn xejn, biex jieħdu l-benefiċċji li jagħti l-Istat.  Imma mhux minn dejjem hekk kien:

Nannuwi, Alla jaħfirlu, twieled lejn l-aħħar tal-1899, u miet fis-sena 2000 (iva, għex mitt sena). Kien jgħix f’razzett xi ftit maqtugħ mir-raħal, u lejn l-aħħar ta’ xjuħitu kien inxteħet f’qiegħ ta’ sodda u kien hemm il-bżonn li jittieħed f’dar tax-xjuħ.  Irriżulta li meta twieled, niesu kienu ħaduh il-knisja biex jitgħammed, imma ma qalu lil ħadd iktar bih!  Ma “kitbuhx għand il-puluzija”.  X’inhu affari tagħhom? Allura meta daħal fid-dar tax-xjuħ, in-nannu ma kellux Karta tal-Identita, u kellhom joħorġulu waħda proviżorja. Nassumi li dan ifisser li qatt ma vvota (ħlief meta kien f’did-dar), u li qatt ma ħa xejn mill-Gvern – ħlief forsi xi ċitazzjoni!  Lil dan-nannu niftakru sew, u ma jidhirlix kien jikkoppa ħafna li l-Gvern bilkemm kien jaf bih!

(Il-Qabla) Tgħid lill-Kappillan jekk it-tarbija għandhiex il-Forma:     Jiena din nifhimha li tfisser li l-qabla tgħid lill-Kappillan jekk amministratx il-magħmudija hi stess lit-tarbija waqt il-ħlas minħabba l-biża’ li din forsi tmut f’idha.

Iż-Żejt Imqaddes u l-iskufja taż-Żejt:  Fir-ritwal tal-magħmudija Kattolika, wara li jissawwab l-ilma fuq ir-ras, il-qassis jidlek ras it-tarbija “biż-żejt imqaddes” – żejt taż-żebbuġa mbierak għall-okkażżjoni.  Il-kitba ssemmi żewġ skufji – waħda “taż-żejt”, imma mbagħad hemm l-iskufja “l-oħra”.  Ma nafx sewwa xi tkun din “l-iskufja taż-żejt”.  Jekk hawn min jaf, jgħidilna.

Il-qassis jidlek iż-żejt ma’ ras it-tarbija waqt il-Magħmudija. Ma tidher l-ebda skufja.  Dari kienu jgħidu li qabel ma titgħammed, it-tarbija tkun għadha “torka”!

L-iskufja tintlibes fir-ras.  Għadni niftakar lil ommi, Alla jaħfrilha, bil-labar tas-suf f’idha, taħdem minn dawn l-iskufji u tbiegħhom fil-ħanut ta’ ħdejna, biex taqla’ sold ieħor għall-familja.