Ftit ftit, qed inġibu x’kiteb il-Professur Salvatore Luigi Pisani fil-ktieb tiegħu: Ktieb il-Qâbla. Il-ktieb kien ħareġ fl-1883, u fih xi kliem li aħna l-Maltin tal-lum, billi aħna klieb tagħna nfusna, ħallejnih jintilef meta fil-fatt kien għad għandna bżonnu. Xi kultant qed naqbżu xi siltiet, u nagħżlu dawk biss li fihom it-terminoloġija li għandna bżonn; imma xorta qed nimxu pass pass mal-ktieb, ħalli jekk jista’ jkun, ma nitilfu xejn minnu.
Kitba ta’ Ġużi Gatt
Id-disinji li qed inġibu, ħloqnihom aħna għax il-ktieb ma kellux stampi – jiġifieri kull żball li jista’ jkun hemm fihom hu tagħna, imma qagħdna attenti li nsegwu l-ktieb, jew li nimxu fuq dak li diġa hu magħruf fit-tradizzjoni orali, jew imniżżel fid-dizzjunarji tagħna.
Jekk jidher xi kliem bl-aħmar u b’sinjal taħtu dak ikun kliem li ġej mit-Taljan u li l-Profs. Pisani kitbu bil-korsiv għax kien jaf li għall-qwiebel kien kliem ġdid u ma kinux jafuh. Imma l-kliem li jidher bl-aħmar biss, mingħajr sinjal taħtu, dak hu kliem li nixtiequ niġbdu l-attenzjoni fuqu, għax hemm ċans li issa aħna ma nafuhx jew ilsienna m’għadux idurilna biex nitkellmu hekk.
Illum se nkomplu nisiltu mit-tnax-il taqsima tal-ktieb. Isfelnett tistgħu taqraw il-kummenti tagħna:
TKOMPLI T-TNAX-IL TAQSIMA TAL-KTIEB
Mela issa se ngħidilkom kif għandkom tagħmlu din l-esplorazzjoni (jiġifieri kif għandkom tmissu l-mara biex taraw f’liema żmien tal-ħlas tinsab).
Il-mara tista’ tibqa’ bilwieqfa jekk għadha bgħid; iġġibuha daharha ma’ x’imkien, ħalli ma terġgħalkomx lura; u tqegħidulha biex iżomm saqajha mfettħa. Il-qabla toqgħod fuq l-irkobba tal-lemin, u tidlek it-tiena sabgħa ta’ idha tal-lemin biż-żejt jew b’xi ħaġa oħra. Imbagħad b’idha tax-xellug, l-ewwel terfa’ ftit djul il-mara kemm tkun tista’ tgħaddi idha l-oħra, u wara tqegħdha (jiġifieri din idha l-oħra) fuq żaqqha biex tirfed il-qiegħ tal-ġuf. Idħa tal-lemin tibqa’ tiela’ sal-vulva, u meta tasal hawna, il-qabla għandha tiftaħ wieqaf sebagħha l-midluk u tagħlaq l-oħrajn. Għandha tqiegħed it-tieni sabgħa quddiem ix-xaqq tal-vulva, bit-tarf ‘l isfel lejn il-fundament, u għandha tmiss il-vulva bil-ġenb tiegħu ……Dan isir biex tista’ ssib it-toqba tal-vaġina mingħajr ħafna teftif li jdejjaq lill-mara.
Darba li sibtu fomm il-vaġina, iddaħħlu sabgħakom man-nofs tal-fetħa sakemm tħossu l-fomm tal-ġuf. Jekk il-mara tkun fis-sodda, għandkom tagħmlu kull m’għidtilkom mingħajr ma tikxfu l-mara.
L-aħjar li tmissu l-mara jkun ftit qabel ma tibda l-weġgħa; u żżommu sabgħakom mall-fomm (tal-ġuf) sakemm tgħaddi (l-weġgħa). B’hekk – b’daħla waħda tas-sabgħa (tistgħu) taraw il-mara waqt, u bejn, l-uġigħ. Kif ikollkom sabgħakom ġol-vaġina, (tistgħu) taraw ukoll jekk il-musrana tkunx mimlija, u l-bużżieqa għandhiex awrina. Meta jkun hemm ħmieġ fil-musrana, sebgħakom iħoss, ‘il wara, ħotob jew għoqda li tista’ tfattarha. U meta l-bużżieqa tkun mimlija, tħossu li n-naħa ta’ quddiem tal-vaġina tkun għolja. B’dina l-messa, il-qabla tagħraf jekk fomm il-ġuf jibbiesx mal-weġgħa, u jekk hux jinfetaħ jew (diġa) miftuħ; (tagħraf) iżjed jekk hemmx sqija, u meta l-ħlas ikun mexa (tagħraf) liema hi n-naħa tat-tarbija, u kif inhija qiegħda. Jekk ikun għad hemm l-isqija, għandna nibżgħu għaliha – waqt il-weġgħa, immissuha qalqajl – u meta tgħaddi l-weġgħa nistgħu naraw inħossux it-tarbija. Ikun jentieġ li mmissu l-mara mill-inqas li nistgħu; darba meta naslu, xi darba oħra meta l-mara taħbat tiddardar, u xi darba oħra wara xi żmien, biex nagħrfu kemm imxiet it-tarbija.
Issa ngħaddu għas-sodda tal-ħlas. Tafu li dari n-nisa tagħna kienu jeħilsu fuq is-siġġu. Il-ħaqq ta’ żmienna ma jridx li dana jsir iżjed, għax il-qabla ma tistax tirfed sewwa l-perinew tal-mara meta tkun qiegħda fuq is-siġġu, u t-tarbija ma tkunx imwieżna sewwa – u jistgħu jsiru ħsarat oħra. Imma n-nies jidhrilhom li jeħilsu aħjar fuq is-siġġu, imma (dan) mhux tassew. L-aħjar qagħda fil-ħlas hija meta l-mara tkun mimduda. Barra minn Malta kulħadd jeħles mimdud, u t-tobba kollha jgħidu li hu wisq aħjar għall-omm u għat-tarbija li teħles mimduda. Araw kemm huma boloh in-nisa tagħna u x’fehma għandhom: kif il-liġi neħħiet lill-qwiebel is-siġġu, kien hemma min għamel siġġu għalih, jew minn webbes rasu u ħeles fuq żewġ siġġijiet ħada xulxin; u kuljum nisma’ li jheddu lill-qabla li ma jgħajtulhiex jekk ma tħallihomx jeħilsu kif iridu. Xtaqt li l-qwiebel kellhom il-ħila jiftehmu bejniethom li ma jagħmlu xejn li ma tridx il-liġi. U jekk ma jagħmlux hekk, sa fl-aħħar tinqabad xi waħda, imbagħad jgħadduha maġistrat, u x’aktarx jeħdulha l-warrant ta’ qabla. Jekk ma tridux tagħlu, m’għandkomx xi triduh dan is-siġġu u kulma jixbħu. Mela l-mara għandha teħles mimduda, għal daharha jew la ġenba, fuq sodda jew kanape. Lili jogħġobni iżjed li l-mara teħles f’sodditha, biex wara l-ħlas ma jkollhiex għax titħarrek. Għalhekk din is-sodda tal-ħlas m’hija xejn ħlief is-sodda ta’ kuljum, hemma fejn tkun qiegħda għal għall-ħlas, għandha tkun mifruxa kif sejjer ngħidilkom, biex wara l-ħlas tkunu tistgħu tqiegħdu lill-miluda fin-nadif u n-niexef.
IL-KUMMENTI TAGĦNA
Forsi tiftakru kif fit-taqsima ta’ qabel din konna għidna li l-Professur Pisani, meta kiteb il-kelma “teżaminawha” kitibha bejn il-virgoli (bl-inverted commas). Dawn il-virgoli mhux jien żidthom, imma kienu fil-kitba tal-Professur. Il-Proffs, dak iż-żmien, ħass li “teżaminawha”, kienet kelma li ħafna Maltin ma kinux jifhmuha, u qagħad attent li qabel ma użaha kien diġa fisser bi kliem ieħor x’jiġifieri li l-qabla teżamina lill-mara tqila. Issa did-darba reġa’ għamel l-istess ħaġa bil-kelma “l-esplorazzjoni” – qagħad attent li jgħid il-kelma xi tfisser bi kliem ieħor Semitiku. Fi żmienu, kelmiet bħal dawn kien jinstemgħu Taljani wisq, u l-kotra tal-poplu kienu jinqdew tajjeb bi kliem ieħor. Tant hu hekk li l-Profs. darba biss uża dil-kelma fis-silta li qed inġibu. Minflokha kiteb espressjonijiet bħal tmissu l-mara u B’dina l-messa, jew mmissu l-mara mill-inqas, eċċ. Imma ż-żmien itul, u l-qarn idur, u llum il-lingwa mtliet bi kliem Rumanz.
Djul il-mara: Ftakru biss li jien trabbejt ma’ nies li kliem bħal dan kienu jużawh u jqisuh bħala normali. Il-Professur qagħad attent biex ifakkar lill-qwiebel li m’għandhomx jikxfu l-għera tal-miluda iktar milli hemm bżonn. Il-qabla kellha biss terfa’ ftit djul il-mara – ftit, kemm tgħaddi idha biss. Djul il-mara huma d-dbielet, ta’ taħt jew ta’ fuq, li tkun liebsa l-mara minn qaddha ‘l isfel. Meta jkun hemm xi tifla jew tifel daqsxejn imgerrex min-nies, konna ngħidu “dejjem miexi mqabbad ma’ djul ommu” – għax dejjem iżomm magħha, mqabbad mad-dublett, biex ma taħrablux. Imma meta l-lingwa kienet b’saħħitha, stajt ukoll tgħid “djul is-siġar” u dik tkun tfisser dawk il-friegħi li jiddendlu għal isfel u forsi jkollok twarrabhom minn quddiem wiċċek meta tidħol taħthom. Kellna wkoll l-espressjoni: “tih biċċa minn djulek u ddendilx kusek miegħu”. Din tingħad għal xi ħadd pezza kustjoni li aħjar tara kif tinqata’ minnu u taħarbu, akkost li tagħtih biċċa minnek li tista’ tinqata’. Il-lingwa kienet sabiħa ħafna meta konna għadna nafu nużawha.
Għoqda li tista’ tfattarha: Hawnhekk il-Professur ried jgħid li meta l-qabla ddaħħal subgħaha ġol-għant (ġol-vaġina) tista’ tħoss il-musrana tal-mara, u ġo fiha tħoss ukoll bħal għoqda, imma għoqda li tista’ tagħfasha b’idek u tiċċattjaha. Għoqda li tista’ tfattarha. Għalkemm xorta m’inthomx se temnuni, nixtieq ngħidilkom xi ħaġa fuq il-verb FATAR. Hu minnu li dan jista’ jfisser li xi ħadd għamel “ftira” – xi ħaġa ċatta; imma dari, verb ieħor li jinstema’ l-istes kellu tifsira ferm aktar interessanti. L-ilsien Malti jaf il-qawl: “Il-fomm JOFTOR il-qalb”. Dan ifisser li l-kliem li joħroġ mill-fomm jikxef x’ikun hemm maħżun fil-qalb. Kliemek “ifisser” x’hemm f’qalbek. Jew aħjar: il-kliem JINTERPRETA dak li hemm moħbi fil-qalb. Hu għalhekk li meta xi ħadd jgħid xi ħaġa, u jaqbeż ħaddieħor u jgħidlu: “Hemm hu – malajr “fattarha” – illum din tinftiehem li “għamel ftira”, jew li qal paprata. Imma meta l-Maltin kienu għadhom jafu l-Malti sew, kienu jafu li din tfisser: “hemm hu, malajr ta l-INTERPRETAZZJONI tiegħu. Malajr FATARHA. M’jinix se noqgħod naħli ħafna bżieq fuq din. Jifhimha biss min għandu l-ħila.
L-isqija: Ma niddejjaqx nerġa’ niġbed l-attenzjoni għal dil-kelma. Il-Professur użaha spiss, imma donnu li anke hu beda jitlef is-sens tagħha. Biex id-diskors ikun sew, irridu nifhmu li l-isqija hi l-amniotic fluid, issir l-isqija tfisser l-amniotic discharge, jiġifieri meta l-mara “jiġiha l-ilma”, u l-amniotic sac bil-Malti tiġi il-borqom. Il-Professur ġieli ħawwad l-isqija mal-borqom. Aħna nħawdu ferm aktar minnu.
Is-siġġu tal-qabla: Qgħadt attent li nimmarka dak li kiteb il-Professur fuq is-siġġu tal-qabla, bl-aħmar – ħalli tarawh sew. Ta’ bniedem “modern” li kien, il-Proffessur ried li kulħadd jagħmel bħalma jagħmlu n-nies “barra minn Malta”. Issa ibqgħu ċerti li meta l-Proffs kiteb “Barra minn Malta kulħadd jeħles mimdud”, żgur ma kellux f’moħħu n-nisa kollha tal-Asja, l-Afrika, l-Oċeanja, u l-bqija. Kellu f’moħħu n-nisa puliti tal-Gran Brittanja, u forsi l-bliet il-kbar tal-Italja; għax nissogra ngħid li anke fi Sqallija, l-Italja t’isfel, u ħafna pajjiżi oħra tal-Mediterran in-nisa tqal kienu għadhom jużaw is-siġġu tal-qabla, u jildu bilqiegħda. Il-Profs qalilna wkoll li “il-ħaqq ta’ żmienna ma jridx li dan jibqa’ jsir”. Interessanti din: jiifieri qed jgħid li s-siġġu tal-qabla fi żmienu sar kontra l-liġi. Il-liġi saret fi żmien il-Gvern Ingliż. Il-Professur anke hedded lill-qwiebel li “jgħadduhom maġistrat” u jeħdulhom il-warrant. Issa jien m’jinix qabla, u qatt m’jien se nkun; u qatt ma wlidt, u qatt ma jien se niled. Jiġifieri mhux se niżżattat ngħid kif l-aħjar toqgħod mara fil-ħlas; imma aqraw ftit x’qed jingħad daż-żmien fuq is-siġġu tal-qabla (verżjoni moderna, m’għandniex xi ngħidu):
As of the 1980s the birthing chair has been making a comeback in the modern medicine of childbirth. Some expecting mothers have reverted to the birthing chair for its upright position because it allows gravity to assist in the expulsion of the baby, and a position ”upright but more or less immobile’.Studies have shown that the birthing chair speeds up the time of delivery and increases comfort for expecting mothers. The position of the birthing chair allows muscles (including vaginal and abdominal as well as those in the back, stomach, legs, and arms) used in childbirth to work to efficiency. Since the 1980s many hospitals have begun installing birthing chairs due to the large number of enquiries about them.
A modern birthing chair/stool can be made of many different materials including PVC inflatables such as the CUB support, plastic such as the Kaya stool and padded wooden stools. More recently birthing chairs/stools have been made to accommodate several upright positions such as squatting, all fours, kneeling and sitting, and are used as supports not necessarily as chairs or stools. Research suggests that being upright during labour can have many positive benefits for mother and baby. Using a modern-day birthing chair/stool/support during the first stage of labour can aid a woman in having an upright birth.
Qed tara? Mela l-Professur ma kellux għalfejn joqgħod jitbaqbaq u jhedded lin-nies bil-maġistrat. Is-siġġu tal-qabla, għalkemm sħabu għamluh kontra l-liġi, kien jiswa għal xi ħaġa.
“Siġġu tal-qabla” modern. Ritratt meħud mill-Wikipedia.
Din lili tfakkarni f’kemm-il darba “esperti” Maltin jintbagħtu barra, bi flus il-poplu, biex jaraw u jikkupjaw ħaddieħor x’qed jagħmel. L-aqwa eżempju hu meta uffiċjali mill-qasam tal-edukazzjoni jmorru f’xi pajjiż Skandinavu, xi Finlandja, jew xi Svezja, biex jaraw dawn kif jamministraw l-edukazjoni tat-tfal fl-iskejjel tagħhom. L-uffiċjali jkunu saru issa “esperti”, jiġi lura Malta b’xi rapporti li ġabu magħhom minn barra, li jirriflettu ċ-ċirkustanzi ta’ ħaddieħor, u jfissrulna li aħna issa għandna nibdlu s-sistema tagħna “għax barra kulħadd hekk jagħmel”. Ir-riżultat ikun li jkollna nerġgħu nqallbu s-sistema xi sentejn jew tlieta wara, għax wara kollox aħna m’aħniex Skandinavi, u dak li nagħmlu f’pajjiżna għandu jkun imkejjel b’xibirna, mhux b’xiber ħaddieħor.
Imma forsi għandi żball fuq din.

