Issa ilna mhux ħażin li bdejna dis-sensiela li tifli x’kiteb il-Professur Salvatore Luigi Pisani fil-ktieb tiegħu: Ktieb il-Qâbla.  Il-ktieb kien ħareġ fl-1883, u fih xi kliem li aħna l-Maltin tal-lum, billi aħna klieb tagħna nfusna, ħallejnih jintilef meta fil-fatt kien għad għandna bżonnu. 

Kitba ta’ Ġużi Gatt

Meta l-Profs. Pisani ħareġ il-ktieb tiegħu maħsub biex jgħallem, diġa kien hemm skola tal-qwiebel, imma fil-biċċa l-kbira dawn il-qwiebel kienu nisa li ħadu l-esperjenza tagħhom minn l-omm għall-bint.  Dan ifisser li t-terminoloġija, jew il-kliem li kienu jużaw fis-sengħa tagħhom, kien kliem magħruf f’ilsien il-poplu.  Il-Profs. Pisani qagħad b’seba’ għajnejn li juża l-kliem li l-qwiebel, jew dawk li kienu jixtiequ li jsiru qwiebel, kienu jafuh, u meta kellu juża xi kelma li kien jaf li kienet tqila, kitbha bil-korsiv, u fissirha bi kliem ieħor aktar komuni.

Imma b’din is-silta wasalna fl-aħħar tas-sensiela.  Nittamaw li qanqalna xi ftit interess, u forsi, min jaf, tgħallimna xi kelma jew tnejn.  Intant din hi s-silta li għad jonqosna biex nagħlqu l-ktieb kollu:

IS-SITTAX U L-AĦĦAR TAQSIMA TAL-KTIEB

Meta mara tqila tmut qabel il-ħlas bit-tarbija ġewwa ġufha, il-Knisja trid li tinxaqq żaqqha u li noħorġu t-tarbija biex nagħtuha l-Forma tal-Magħmudija; u jekk tkun ta’ żmienha, għandha mnejn tgħix. Dana l-Knisja trid li jsir f’kull żmien tal-ħbiela, u jekk ma jkunx hemm it-tabib biex jagħmel din il-qasma, il-Kappillan, jew il-qabla, jew min ikun hemm, għandu jagħmilha. L-aħjar li ssir mit-tabib, u għandha ssir bħal li kieku l-mara kienet ħajja.  Din il-qasma fil-mewt issir ftit taż-żmien wara li l-mara tkun mietet.  U x’aktarx li ħadd ħlief it-tabib ma jaf jara jekk il-mara tkunx mejta jew għaxja.  U taħsbux li hija ħaġa ħafifa li tgħid jekk wieħed hux mejjet tas-sewwa.  Għalhekk fittxu dejjem li jkun tabib li jagħmel din l-operazzjoni. Iżda tistgħu tkunu fejn m’hemmx tabib, u intom bħala Nsara għandkom tagħtu il-Forma tal-Magħmudija.  Iżda fuq dana l-għorrief ma jaqblux fil-fehma.  Meta ma tistgħux teħilsu minn dina l-operazzjoni, intom ma tistgħux tagħmluha kif trid is-sengħa – għalhekk ma tistgħux tagħmlu ħaġa oħra ħlief ixxoqqu żaqq il-mara miż-żokra sal-pube, il-ġuf, u l-membrani, u bla telf ta’ żmien toħorġu t-tarbija u tgħammduha.  U biex tagħrfu jekk il-mara tkunx mejta, issemmgħu lil qalbha u missulha l-polz.  Iżda nerġa’ ngħid li dana kollu għandu jsir mit-tabib, għax hu jaf jagħmel dawn l-operazzjonijiet kbar, li jsiru wkoll fil-ħajja meta l-ħlas għad-djieq tal-pelvi ma jistax isir mingħajr it-taqtigħ tat-tarbija.  Meta hu hekk, ma hemmx xi jsir biex titwieled it-tarbija ħlief il-qasma tas-sultan.  Illum din l-operazzjoni saret ħafna drabi, u ma nafx kemm-il darbal-omm u t-tarbija baqgħu ħajjin.

IL-KUMMENTI TAGĦNA:

Il-qasma tas-sultan: Il-Professur spiċċa bil-kbir – spiċċa bil-qasma tas-sultan – jiġifieri meta t-tarbija titwieled b’ċesarja.   It-tobba jxoqqu żaqq il-mara “miż-żokra sal-pube”, u joħorġu t-tarbija minn dik il-qasma, għax minħabba d-djieq tal-pelvi tal-omm, it-tarbija ma tkunx tista’ toħroġ mod ieħor.

Jidhirli li “l-qasma” tista’ ssir mod ieħor, tista’ issir mimduda kif jidher fid-disinn t’isfel.  Issir kif issir, l-omm trid turi kuraġġ kbir.

L-spressjoni “il-qasma tas-sultan” jien insibha interessanti ħafna.  Fittixt fid-dizzjunari ta’ De Soldanis, ta’ Mikiel Anton Vassalli, ta’ Aquilina, u ta’ Serracino Inglott, u ma jidhirlix li semmewha.  Jidher li kienet espressjoni f’ħalq il-poplu, magħrufha l-aktar fost l-ommijiet li wildu, u l-qwiebel.

San Raimondo Nonnato jgħidu li twieled fl-1204, u jgħidulu “Nonnato” – jiġifieri “ma twelidx” għax kienu ħarġuh minn guf ommu mejta.  Illum hu wieħed mill-qaddisin patruni tat-trabi tat-twelid.  Jiġifieri l-fatt li jaqsmu żaqq l-omm biex joħorġu t-tarbija ilu magħruf mijiet kbar ta’ snin.  Xi kultant, din l-operazzjoni ssir anke fuq xi bhejjem tat-trobbija – bħall-baqar.

San Rajmond Nonnato – Patrun tat-trabi tat-twelid

Il-formula tal-Magħmudija:  F’silta oħra ta’ din is-sensiela ta’ artikli, konna tkellimna dwar l-importanza li tarbija li għadha qed titwieled, tingħata “il-Magħmudija bil-kundizzjoni” mal-iċken sinjal li t-tarbija tista’ tmut.  Il-qwiebel kienu jiġu mgħallma kif jagħtu din il-Magħmudija, u li jridu jagħtuha kif suppost, għax inkella, kif qal il-Professur, “ma tkunx sewwa”.   Isimgħu ftit x’kien kiteb il-Professur fuq dan is-suġġett:

Issa ħallejt għall-aħħar biex iżjed tibqagħlkom f’raskom ħaġa li għandkom tagħmlu dejjem, kull meta ikollkom xi biża’ fil-ħlas li t-tarbija tista’ titwieled mejta, jew meta titwieled u tkun għaxja.  Din hija l-formula tal-magħmudija – għandna nagħmlu kull ma nistgħu biex nagħtuha lit-tarbija li (tkun) tinsab filli għidtilkom. Il-forma tal-magħmudija tista’ tingħata fuq kull naħa li taraw jew tmissu tat-tarbija. Jenħtieġ li l-ilma nadif li tferrgħu jew titfgħu fuq it-tarbija jagħmel is-sinjal tas-salib fuq ġisimha, inkella ma tkunx sewwa. Għandkom l-ewwel tagħmlu l-ħsieb li tgħammdu kif trid il-Knisja Nisranija Rumana, imbagħad, b’ħaġa biż-żennuna, titfgħu l-ilma għal tliet darbiet bħal salib, u tgħidu: “Jien ngħammdek fl-isem tal-Missier, tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu”, u tgħidux “Ammen”.  Jekk ma tkunux taraw sewwa jew tafu sewwa li t-tarbija hija ħajja, jew jekk jidhrilkom li hija mejta, qabel ma tgħidu l-kliem tal-Magħmudija, għidu: Jekk inti ħajja u tista’ tkun mgħammda, jien ngħammdek fl-isem tal-Missier u l-bqija – jekk għandek tagħti l-forma fil-vaġina, ikollok tixħet l-ilma b’seringa ċkejkna tal-ħġieġ.

Ftit tas-snin ilu, ħabib tiegħi li hu ftit tas-snin ikbar minni qalli din l-istorja.  Isimgħuha:

“L-ewwel tarbija li kellha ommi, mietet ta’ ftit jiem. It-tieni tarbija mietet f’idejn il-majjistra.  Meta staqsiha l-Arċipriet, il-majjistra kellha tammetti li ma laħqitx għamdet it-tarbija għax sabitha mejta f’idha.  Allura l-Arċipriet dar fuq missier it-tarbija u qallu: “Mela ibni, din it-tarbija ma tistax tindifen f’art ikkonsagrata, u l-Knisja mhix se tkun preżenti.  Ħu paċenzja u rranġa l-affarijiet int mad-deffien.”

Fit-tieni volum tal-ktieb ferm interessanti ta’ Dr. Steve Borg, Il-Maltin, Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, insibu miktub hekk:

L-ieħor mietli bil-ħuttafa.  Ikun se jitwieled u lill-majjistra, Konsa Meli, ġabulha tazza ilma.  Kif rat ir-ras se tfeġġ, qalbet l-ilma fuq il-qurriegħa u għammditu.  Qalet:

“Jiena ngħammdek, fl-isem tal-missier, tal-iben, u tal-Ispirtu s-Santu.”

L-Ammen ma qalithiex għaliex hija ma kinitx qassis.[1]

Dari, ħafna trabi kienu jmutu fit-twelid jew ftit wara.  Għal ħafna żmien, it-tagħlim uffiċċjali tal-Knisja kien u għadu li l-bniedem jitwieled bid-Dnub tan-Nisel, u ħadd ma jidħol il-ġenna bid-dnub.  Il-Magħmudija biss taħfirlek id-Dnub tan-Nisel.  Allura l-konklużjoni hi waħda loġika: Tarbija mhix mgħammda titwikka bid-Dnub tan-Nisel, u jkollha tieħu paċenzja u toqgħod fil-Limbu. “It-Taqsima tal-Ispreċettati”, jew “il-Parti Profana”, kienet parti integrali mid-disinn taċ-Ċimiterju tal-Addolorata tal-Perit Galizia.  Kienet parti integrali minn kull ċimiterju Kattoliku. Skont tagħrif li għaddieli l-arkivista taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, f’din il-parti “tal-ispreċettati” hemm midfuna “mijiet ta’ trabi”.

Kien għalhekk li l-qwiebel waqt il-ħlas kienu jaraw li jkollhom fil-qrib tazza ilma ħalli jgħammdu “bil-kundizzjoni”  lit-tarbija malli tixref rasha fid-dinja tal-midinbin. Il-paragrafu t’hawn taħt ittieħed mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, l-edizzjoni riveduta ppublikata fl-2014:

F’każ ta’ ħtieġa, kulħadd jista’ jgħammed, basta jkollu l-intenzjoni li jagħmel dak li tagħmel il-Knisja, u jsawwab l-ilma fuq ras il-kandidat għall-Magħmudija, huwa u jgħid: “Jiena ngħammdek fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.

Jekk il-qabla tkun laħqet għammdet lit-tarbija “bil-kundizzjoni”, allura f’każ ta’ mewt, il-Knisja kienet taċċetta din il-magħmudija.  Dejjem skont l-arkivista taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, ir-reġistri ta’ dan iċ-ċimiterju jelenkaw mijiet oħra ta’ trabi, li ndifnu f’art ikkonsagrata, għax kienu mgħammdin “bil-fomm”.

Fil-Parti Profana kienu jindifnu wkoll dawk li jneħħu ruħhom b’idejhom, u xi nies oħra li jkunu xellfu difrejhom mal-Knisja.  Fil-kustjoni Politiko-Reliġjuża ta’ żmien l-interdett, din il-parti taċ-ċimiterju saret iċ-ċentru tal-attrazzjoni.  Illum l-affarijiet inbidlu u din il-parti taċ-ċimiterju m’għadhiex tiffunzjona.

L-omm mietet, imma forsi nsalvaw it-tarbija.

 

F’taqsima oħra tal-kiteb, il-Professur kien kiteb li jekk it-tarbija b’xi mod toħroġ jew tinħareġ mill-ġuf qabel s-sitt xhur u nofs, din ma tistax tgħix barra minn ommha.  Imma l-Profs insista li skont il-liġi tal-Knisja, jekk l-omm tmut, żaqq il-mara għandha tinxaqq xorta, u dan biex it-tarbija jew fetu, jkun jista’ jinħareġ u  jingħata l-Magħmudija tal-forma.

Wasalna fl-aħħar:  B’daqsxejn ta’ swied il-qalb wasalna fl-aħħar ta’ dis-sensiela ta’ artikli.  Qassamna Ktieb il-Qabla f’wieħed u erbgħin taqsima, u ppruvajna nieħdu minnu l-kliem kollu li hemm ċans li nitilfu minn ilsienna.

Ilsienna għandu bżonn l-għajnuna tagħna.  Ma jistax ikun li nibqgħu nitilfu l-kliem minn fomm uliedna bir-rata li qed nitilfuh bħalissa.  Imma l-battalja favur il-Malti ma nistgħux nirbħuha jekk se jkollna niġġieldu mall-Maltin stess li jitkellmu l-lingwa.

Il-mazz f’idejna.

 

[1] Borg, Steve, Il-Maltin, Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, Klabb Kotba Maltin, 2018, it-Tieni Volum, paġna 99