Ftit tas-snin ilu, Patrick Formosa, raġel imdaħħal sew fiż-żmien imma li sa meta qed nikteb dil-kitba għadu mimli bil-għomor, kien qalli dan l-għajdun:
IN-NAGĦĠA TLIBBSEK U TGĦITEK.
M’hemm l-ebda żball f’dil-kitba. Hekk qalli Patrick: “Tlibbsek u tgħitek”, u l-GĦ fil-kelma “tgħitek” hi “rgħajn” – jiġifieri “għajn” ħarxa li llum tlifniha tista’ tgħid għal kollox. Patrick trabba fir-raħal tal-Għarb, Għawdex, u hemmhekk din ir-rgħajn kienu għadhom iħossuha, sakemm id-dinja moderna daħlet fuqhom u webblithom li dik mhix tajba għax kerha, u ħadithielhom minn ilsienhom. Illum m’għandniex il-ħila nippronunzjaw dil-kelma sew. Trid tiġi xi ħaġa hekk: In-nagħġa tlibbsek u trijtek, imma l-erre fl-aħħar kelma trid toħroġha min-naħa ta’ wara tas-saqaf ta’ ħalqek. Tgħitek tfisser issostnik, taħjik, iġġegħlek tħossok mimli u sodisfatt, mhux bil-ġuħ – it nourishes you. Fittex il-verb GĦAT fid-dizzjunarju ta’ Aquilina biex tara li Patrick sewwa qed jgħid.
Kitba ta’ Ġużi Gatt
Il-mekkuk – li jingħadda minn naħa għall-oħra biex tinseġ ix-xoqqa.
Minbarra li n-nagħġa ssostnik u tgħitek għax mill-ħalib tagħha l-bniedem jieħu ħafna ġobon li jtuq il-ġisem, in-nagħġa tlibbsek għax mis-suf tagħha l-bniedem, għal eluf kbar ta’ snin, kien jinseġ id-drapp.
Issa minbarra mis-suf, il-Malti dari kien jinseġ id-drapp ukoll mit-tajjar li jiġi mix-xitla tal-qoton. U kif se naraw ukoll, x’aktarx li kien jinseġ id-drapp anke mix-xitla tal-kittien.
Dawn il-kitbiet huma maħsuba biex forsi nirbħu xi kelma jew tnejn, għax fi żmienna, il-lingwa marret il-baħar u tlifna s-sens ta’ kollox. Il-Maltin tal-lum x’aktarx li għadhom jafu li l-bużnanna kienet tinseġ id-drapp għall-ħwejjeġ, għal-lożor, u għall-kutri hi stess. Imma l-ewwel kelma li rridu nirbħu hi l-kelma NEWL. In-newl M’HUWIEX xi kwalita ta’ drapp, imma hu l-istess makkinarju li l-bużnanna kienet tiseġ fuqu. Il-bużnanna kienet tinseġ id-drapp fuq in-NEWL, u mid-drapp li tinseġ kienet tħit dak li kellha bżonn.
In-NEWL hu l-apparat tal-injam li tinseġ fuqu – m’huwiex xi kwalita ta’ drapp. Fir-ritratt jidher Antoine Vella għadu għaddej bil-ħidma tiegħu biex jinseġ fuq in-newl.
IX-XOQQA F’MOXTHA
Issa fil-Malti għandna (jew kellna) isem għal kwalitajiet differenti ta’ drapp – skont kif ikun minsuġ. L-aktar NISĠA ħafifa hi li ssallab ħajta wieqfa ma’ ħajta mimduda, u tagħmel hekk għal miljuni ta’ drabi. Meta tinseġ b’dal-mod, in-nisġa tiġi tidher bħal fl-istampa t’hawn taħt.
Ħajta wieqfa, msallba ma’ ħajta mimduda. Il-ħajta l-mimduda l-ewwel tgħaddi minn TAĦT ħajta wieqfa, imbagħad tgħaddi minn FUQ ħajta oħra wieqfa. Drapp minsuġ b’dal-mod jissejjaħ XOQQA.
IX-XOQQA
Meta tinseġ b’dan il-mod sempliċi, id-drapp jissejjaħ XOQQA. Biex tinseġ ix-xoqqa, kull m’għandek tagħmel hu li tgħaddi l-mekkuk bil-ħajt, min-naħa għall-oħra tan-newl. Imma stenna minuta. Fil-fatt l-affarijiet m’humiex daqshekk sempliċi – għax biex tibda tinseġ hekk, trid issib in-NEWL armat sewwa u kif għandu jkun. Biex tarma n-newl kienet biċċa xogħol diffiċli – ngħidu aħna l-bużnanna, li kienet taf tinseġ, ma kinitx taf tarma n-newl sewwa. Dil-biċċa xogħol kienet tagħmilha waħda tas-sengħa – x’aktarx mara, imma mhux bilfors, li kienu jgħidulha it-TEWWEJJA, li kienet tiġi għandek biex TITWI S-SEFĦA fuq in-newl tiegħek. Mhux se noqgħod naħli l-bżieq biex nispjega l-proċess kollu; biżżejjed tħares lejn id-disinn t’hawn isfel biex tara li l-biċċa xogħol kienet ikkumplikata mhux ħażin.
Meta t-tewweja tlesti mill-biċċa xogħol ikkumplikata tagħha, inti kont tista’ toqgħod bilqiegħda fuq iż-ŻERKUNA, u sempliċement tgħaddi l-mekkuk min-naħa għall-oħra tan-newl, u tara x-xogħol tiela’ u d-drapp jitwal. Fid-disinn t’hawn fuq tidher parti li tissejjaħ il-MOXT. Il-moxt ikollu mijiet ta’ ħjut weqfin, li minn bejn kull ħajta jew tnejn minnhom trid tgħaddi ħajta oħra mimduda. Dil-biċċa xogħol kienet tagħmilha wkoll it-tewwejja. Jiġifieri issa forsi tista’ tifhem li wara li ħaddieħor ikun ħa battikata biex rama n-newl kif għandu jkun, inti issa tista’ ssib il-ħajt diġa lest fil-moxt, u sempliċement tibda tgħaddi l-mekkuk min-naħa għall-oħra, tinseġ, u tieħu kredtu għad-drapp li nsiġt. Tkun sibt IX-XOQQA F’MOXTHA.
XOQQA
FUSTAN
IL-FUSTAN
Ġaladarba tkun ħadt il-qagħda u tgħallimt tinseġ ix-xoqqa bla tbatija ta’ xejn, tkun tista’ tagħmel il-pass li jmiss. Il-mekkuk tista’ tgħaddih, mhux ħajta iva u ħajta le, imma żewġ ħajtiet iva u waħda le. Jew jista’ jkun ukoll: żewġ ħajtiet iva, u żewġ ħajtiet le. Allura n-nisġa toħroġ mod ieħor. Mod ieħor kif? Toħroġ kif jidher fid-disinn t’hawn taħt u t’hawn fuq. Kulma trid tiftakar hu li missirijietna kellhom kelma għal kollox. Kienu jafu x’inhi d-differenza bejn xoqqa u fustan, u ħafna minna issa ma jafux.
FUSTAN. Tista’ tara li d-disinn tan-nisġa issa joħroġ ftit differenti minn tax-xoqqa. Xoqqa u fustan m’humiex l-istess.
MAQRUT
Meta tidra tinseġ, la x-xoqqa u lanqas il-fustan ma jkunu xi ħaġa diffiċli għalik (ġaladarba t-tewwejja tkun ġiet u twiet is-sefħa fuq in-newl bil-lest). Tkun tixtieq turi lilek innifsek li int bravu aktar minn hekk. Pass ieħor ‘il quddiem kont tista’ tagħmlu billi titgħallem tinseġ nisġa għamla ta’ maqrut. Il-kelma MAQRUT ukoll qed tiġi użata bl-addoċċ. L-imqaret, jgħidulhom imqaret, għax suppost li jkunu għamla ta’ maqrut. Għarukaż li l-imqaret daż-żmien qed jagħmluhom għamla ta’ kaxxa. L-imqaret iridu jkunu għamla ta’ maqrut. “Maqrut” dari kienet tfisser għamla ġeometrika – dik li bl-Ingliż tissejjaħ rhombus (għax dari għal kollox kellna kelma). Jekk illum trid toqgħod tispjega l-għamla ta’ maqrut kif tkun, tista’ tifhem kemm l-affarijiet marru l-baħar. Jekk ma tafx rhombus kif ikun, fittixha hawn isfel:
Hekk suppost li jkun il-maqrut meta tmur tixtri l-imqaret – għamla ta’ rhombus. Jekk ma jkunx hekk, għidulu lil tal-ħanut.
Għarukaża tara l-imqaret ta’ daż-żmien: imqaret li m’humiex għamla ta’ mqaret. Ipprotestaw. Għidulhom.
L-Imqaret għandu jkollhom l-għamla ta’ mqaret – u m’hemmx argumenti.
Mela issa li taf x’inhu maqrut, tista’ titgħallem biex, fuq in-newl, tinseġ drapp li n-nisġa tiegħu toħroġ b’disinn mimli mqaret. Tkun qed tinseġ MAQRUT. Ara r-ritratt t’isfel biex tifhem aħjar.
Drapp minsuġ MAQRUT.
SPIKA
Stampa taqdik ferm iżjed mill-kliem. Nisġa oħra li kienu jafu biha nannietna, u kienu jinsġu d-drapp biha, kienet l-ISPIKA. Jekk tħares lejn l-istampa t’hawn isfel tara b’għajnejk li xoqqa, fustan, maqrut, u spika m’humiex l-istess; tista’ tara li n-nisġa tagħhom kienet differenti, u l-bużnanna kellha kelma differenti għalihom.
Dan id-drapp hu minsuġ SPIKA. Tista’ tara b’għajnejk li hemm differenza bejn xoqqa, fustan, maqrut, spika, u nisġiet oħra.
ISMIJIET OĦRA
Meta, snin ilu, kont qed nirriċerka biex noħroġ l-ewwel ktieb “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni”, kienu tawni ħafna l-ismijiet ta’ nisġiet (weaves) oħra u kollha differenti. B’xorti ħażina ftit li xejn urewni kampjuni ta’ dawn id-disinji u allura ma stajtx nirripproduċihom:
TAL-ĦAMSA, TAL-ĦDAX, TAL-FJURA, TAL-OQMRA (jew qomra), TAL-ĦOFRA, TAL-LOŻOR, TAT-TAPITI, TAL-KUTRI, BUĊĊEJN.
Kien hemm dublett li kien jissejjaħ Ta’ Mitt Lembuba”. Id-disinn tad-drapp tiegħu kien joħroġ mill-KULURI differenti tal-ħajt TAL-MEDD. Jiġifieri li l-medd kien jintewa mill-ewwel bi strixxi ta’ ħajt ta’ kulur differenti. It-tagħma, imbagħad, (jiġifieri l-ħajta l-mimduda) kienet tintniseġ dejjem b’ħajta ċelesti, jew kaħla. Imma biex tifhem x’inhu MEDD u TAGĦMA, trid taqra l-kitba tiegħi li ssib ħolqa għaliha aktar ‘l isfel. Kieku ngħidu “Mitt LEMBUB” aħjar minn “Mitt LEMBUBA” – għax la l-lembuba tal-puluzija, u lanqas dik li għandek fil-kċina biex tiftaħ l-għaġina biha m’għandhom x’jaqsmu mal-isem. LEMBUB hu kannol ta’ qasba ħoxna li fuqu kien jitkebbeb il-ħajt. Biex tinseġ dad-dublett, trid mija minnhom (liċenzja poetika).
Id-dbielet li jidhru fir-ritratt huma verżjoni moderna, imma joqorbu lejn kif kien ikun id-dublett ta’ mitt lembub li bħalu kienet tilbes il-bużnanna. Ir-ritratt hu ta’ żeffiena folkloristiċi fil-pjazza tan-Nadur, Għawdex.
L-INSIĠ TAD-DRAPP MIX-XITLA TAL-KITTIEN.
Issa hawnhekk nibdew biċċa interessanti għax jidher li ħafna mit-tagħrif fuqha ħarbilna minn idejna. Kollox juri li ħafna snin ilu, il-Maltin kienu jkabbru x-xitla tal-kittien ħalli minnha jieħdu l-ħjut biex jinsġu d-drapp. Mill-kittien tista’ tieħu wkoll iż-żerriegħa, li tista’ tagħsarha għaż-żejt, u l-pasta li jibqa’ tużaha bħala magħlef għall-bhejjem. Imma li jinteressana għalissa hu biss l-insiġ tad-drapp mill-ħjut li joħorġ mix-xitla tal-KITTIEN. Drapp bħal dan, bil-Malti jissejjaħ GĦAŻEL – linen.
Mikiel Anton Vassalli, fid-dizzjunarju tiegħu tagħna l-verb IXXEJJET. Kulma qal fuqu hu li bit-Taljan jiġi scardassare, u ħdejha għamel Linum carmino. Daqshekk biss qal. Issa fil-verżjoni tad-Dizzjunarju msejħa Lexicon, ta’ Mons. Lawrenz Cachia (dizjunarju li lili għeni ħafna), hemm miktub bil-Malti: “maxat jew qardax il-qoton”. Imma Linus carmino mhux qoton, iżda kittien (fittixha biex tara). Aquilina, fid-dizzjunarju Malti-Ingliż, ifisser il-kelma tajjeb: to card flax. Vassalli tana wkoll il-kelma QARDAX, u Aquilina jerġa’ jfissirha tajjeb: to card. Tibżgħux, se nippruvaw infissru dawn il-kelmiet iktar ‘l isfel. Vassalli semma l-kelma FETTIELA, u Aquilina fissirha sew bħala distaff. U l-aħħar waħda: Fl-1904, Hans Stumme, li kien studjuż tal-lingwi Semitiċi u tgħallem il-Malti, ħareġ ktieb jismu MALTESISCHE STUDIEN: Eine sammlung prosaischer und poetisher texte in Matesischer sprache nebst Erlauterungen, Leipzig: J.C. Hinrichs. Dan il-ktieb ħaqqu ftit iktar attenzjoni għax fih hemm xi ħrejjef u taqbiliet li Stumme ġabar minn fomm il-Maltin meta kien fostna. Fosthom hemm din it-taqbila popolari:
Kien ma kien
Xtrajna wiżna kittien.
Għażilniha rqiq rqiq,
Bħala gomli tal-iġfien.
It-taqbila tkompli, imma hi speċi ta’ nonsense rhyme. Ngħidu aħna tkompli hekk:
Ħarġet in-nanna tara,
Ċapset sieqha bi ħjara (jew forsi bil-ħara). ‘Il quddiem se jidher artiklu fl-IMNARA, tal-Għaqda Maltija tal-Folklor, li se jippubblika t-taqbila kollha.
Allura nixtiequ nikkonċentraw fuq l-ewwel biċċa, ħalli ma nitilfux il-fil. Mela t-taqbila qed tgħid li xtrajna wiżna kittien u GĦAŻILNIHA rqiq, irqiq. In-nies dari kienu jafu xi tfisser il-kelma “għażilniha” fis-sens kif trid tinftiehem f’dan il-każ. Tagħżel hi dik li bl-Ingliż tiġi to spin – tagħmel il-ħajt. Tista’ tagħżel il-ħajt mis-suf tan-nagħaġ – billi tuża l-magħżel; tista’ tagħżel il-ħajt mit-tajjar li jiġi mill-qoton – billi tuża r-raddiena. Issa t-taqbila qed tgħid li l-kittien li xtrajna għażilnih ħajt, irqiq irqiq. Biex għażilnih. Il-kittien jingħażel bil-FETTIELA li semma Vassalli. Biex niftehmu mingħajr ħafna kliem, l-aħjar li nużaw l-istampi:
Ix-xitla tal-kittien tinġibed mill-art bl-għeruq u x-xniexel b’kollox. Ix-xitla trid tħalliha titherra fl-ilma għal xi żmien, biex il-magħseb (jiġifieri z-zokk) tagħha qisu jitmermer u minnu tkun tista’ tislet ħafna ħajt twil.
Il-ħajt twil li tislet mix-xitla tal-kittien trid IXXEJTU. Din hi l-kelma li semma Vassalli fid-dizzjunarju tiegħu: trid tgħaddih minn moxt, magħmul apposta biex mix-xitla tal-kittien jislet kemm jista’ jkun ħajt twil u individwali.
Mara Ġermaniża tagħżel il-ħajt tal-kittien billi tuża fettiela. Ritratt tal-Wikimedia Commons.
Il-ħajt twil tal-kittien li tkun xejjitt, trid tarmah fuq FETTIELA, bl-Ingliż distaff, u mill-fettiela, jekk tkun taf kif, tista’ tfettel il-ħajt individwali biex jintrabat waħda mal-oħra. Tiġi ħajta twila li ma tispiċċa qatt, u tista’ tkebbibha fuq mekkuk.
Il-ħajt tal-kittien għalhekk jista’ jintniseġ bħal kull ħajt ieħor. Imma d-drapp li joħroġ mix-xitla tal-kittien jissejjaħ GĦAŻEL.
Imma stenna minuta. X’jiġifieri meta t-taqbila tgħid li l-kittien li xtrajna, għażilnih irqiq irqiq bħala GOMLI tal-iġfien? Ejja nkunu pożittivi u nemmnu li għad hawn min jaf li “iġfien” hi l-plural ta’ “ġifen”, u li l-ġifen ikun bħal dak li nkalja San Pawl fuqu, jew dak li qabdu l-Kavallieri fil-poeżija “Il-Ġifen Tork”. GOMLI x’ikunu? Stumme kiteb it-taqbila kif semagħha. Il-kelma t-tajba hi GUMNA, u l-plural GUMNI. Id-dizzjunarji jgħidulna li GUMNA hi “ħabel oħxon li miegħu tkun marbuta l-ankra. Dari, l-ħbula kienu jkunu l-aktar tal-qanneb (li hi xitla wkoll); imma ħabel jista’ jsir mill-kittien ukoll (fittex flax rope biex tara). Kull ħabel ikun magħmul minn tliet partijiet miftula flimkien:
Fittixna flax rope fl-internet u għażilna waħda mill-istampi li telgħu. Kull ħabel (speċjalment dari) ikun magħmul minn ħjut – li jistgħu ikunu anke ħjut irqaq – miftula flimkien.
Dan kollu li għidna juri li x’aktarx li dari missirijietna kienu jafu bl-insiġ tal-ħajt tal-kittien u kellhom anke xi kelmiet partikolari marbuta ma’ din is-sengħa. It-taqbila popolari li sema’ Stumme tingħad f’Malta fil-bidu tas-seklu għoxrin, kienet għadha taf bl-għażil tal-ħajt irqiq mill-kittien. Bil-ħajt tista’ tiftel ħabel, għalkemm, jekk trid, tista’ tinseġ id-drapp fuq in-newl ukoll. Imma din is-sengħa x’aktarx li ilha li spiċċat minn Malta, anke għaliex biex tieħu l-ħajt mil-kittien irid ikollok postijiet bl-ilma qiegħed – li dari kellna kelma għalihom ukoll – GĦADIR. L-ilma qiegħed iġib in-nemus u l-Kavallieri jidher li kienu għamlu gwerra lin-nemus li waħħlu fih li kien iġib il-malaria.
(C) Ġużi Gatt
Jekk trid taqra iżjed fuq is-sengħa tal-insiġ, bit-terminoloġija Maltija, tista’ tiftaħ dawn l-artikli:


















Sur Gatt,
Prosit ħafna u grazzi mill-qalb.
Hu possibli li dawn l-artikli jiġu ippublikati wieħed wieħed jew flimkien u nkunu nistgħu nixtruhom.
Prosit. Kotba ferm interessanti b’mod partikolari għax tgħallimt kliem li qatt ma niftakar li smajthom u kliem oħra li ma kontx naf it-tifsira jew oriġini tagħhom.
Fil-każ tiegħi żgur li irnexxilek fl-iskop li ‘nirbħu xi kelma jew tnejn’.
xi gmiel ta kitba u interessanti ta veru.Prosit tassew but tifsira tal kliem u tax xoghol tan newl.Gmiel il malti