Fl-Imnara Nru. 29, tal-2005, deher artiklu ta’ Joseph Caruana, bl-isem ta’ Għodda Meħtieġa fil-Bini tad-Dgħajjes. Ħin minnhom, f’dan l-artiklu nsibu miktub hekk:
Dari mhux l-injam kollu kien jiġi lest għax-xogħol bħal lum, jiġifieri mqatta’ fi twavel, virguni, eċċetra, kollha ta’ diversi ħxunijiet, imma kien jiġi fi zkuk sħaħ. Xi wħud mill-bennejja tad-dgħajjes kienu jimpurtaw zkuk tar-ruvlu mgħawġa apposta biex jintużaw fil-bini tad-dgħajjes. Biex jikkonvertu dawn iz-zkuk fi twavel kien hemm nies tas-sengħa apposta. Dawn kienu jużaw il-lupa.
Kitba ta’ Ġużi Gatt
Biex ifisser aħjar dak li kien qed jgħid, is-Sur Caruana żied disinn li juri żewġt irġiel, wieħed fuq, u l-ieħor isfel, jisserraw tavla ħoxna (id-disinn t’hawn fuq). Dak ta’ fuq jissejjaħ “il-Prim Serrar” – għax billi jkun fuq, ikun jista’ jara l-linja mħażża fuq iz-zokk li turi fejn għandu jaqta’, w’allura jkun jista’ jiggwida lil sieħbu li jkun taħt.
Biex inkunu aktar ċari, qed inġibu ritratt li sibna fuq l-internet, li juri żewġ ħaddiema jisserraw zokk oħxon, biex minnu joħorġu t-twavel li għandhom bżonn. Ir-ritratt juri biċ-ċar li t-twavel għandhom bżonnhom għall-bini ta’ xi biċċa tal-baħar. Juri biċ-ċar ukoll li l-ħaddiema qed jużaw serrieq differenti mil-lupa li tidher fid-disinn ta’ J. Carunana. Ir-ritratt ittieħed fl-1964, fil-gzira ta’ Samos Carnage, il-Greċja. (1964 Samos Carnage in Pythagoria, photo: Konrad Helbig, Deutsche Fotothek).
Serrieq bħalma jidher fir-ritratt nafu bih f’Malta wkoll. Tagħna nafuh ftit iżgħar u nsejħulu “munxar”.
Dawn iż-żewġ disinji t’hawn fuq huma disinji ta’ Joseph Caruana, fl-istess artiklu.
Il-kelma “munxar” hi l-mimmat tal-verb NAXAR. Illum dal-verb nużawh biss għal meta wieħed “jonxor” il-ħwejjeġ fuq il-ħabel tal-inxir; imma dari kellu tifsira ‘usa minn hekk.
TONXOR TFISSER UKOLL TISSERRA
Il-fatt li “tonxor” kellu tifsira ‘usa nistgħu narawh fil-letteratura, meta naqraw, ngħidu aħna, li xi ħadd ta’ daqqa ta’ mus lil xi ħadd, u ħallieh “minxur” mal-art.
Minxur mal-art: B’saqajh u dirgħajh miftuħin, u ċatt mal-art. (Għalkemm tidher li hi mara)
Imma s-sens ta’ x’jiġifieri “tonxor” joħroġ aħjar jekk niflu x’jagħmel il-mastrudaxx: Ikollu zokk ta’ siġra oħxon, u “jonxru”; iġibu twavel ċatti. Anke meta tonxor il-ħwejjeġ, dawn jiddendlu u jistiraw ruħom ċatti mdendlin mal-ħabel tal-inxir.
Tonxor zokk ta’ siġra – iktar ma tmur lura fiż-żmien, kont “tonxor” bil-“munxar”. Zokk oħxon iġġibu twavel ċatti. Aktar tard ġiet għamla ta’ serrieq ieħor u konna nsejħulu “lupa”.
Tonxor il-ħwejjeġ. It-tifsira tal-kliem tinbidel maż-żmien. Illum tonxor tfisser biss iddendel il-ħwejjeġ mal-ħabel tal-inxir, imma fin-nisel tagħha kienet aktar tfisser “tiċċattja”. Tista’, ngħidu aħna, tonxor tapit mal-art – ikun irrumblat, imbagħad tifirxu biex jiġi ċatt mal-art. Għall-missirijietna ta’ ħafna żmien ilu – int kont tkun “inxart” it-tapit, ċatt mal-art. Imma l-aqwa eżempju jibqa’ dejjem tal-mastrudaxxi – li jonxor bil-munxar.
Issa fir-raħal fejn trabbejt jien kien hemm familja li kellha l-laqam ta’ “Tas-Seratur”. Dak il-laqam kont nisimgħu spiss jissemma madwari fi tfuliti. Għalkemm in-nies tal-lum tilfu s-sens tal-kelma, “is-seratur” kienet tirreferi għal dak li “jisserra” l-injam, u minn travu jew zokk ta’ siġra kien joħroġ twavel tal-ħxuna li tgħidlu. Jiġifieri kien bħal dak li J. Caruana qed isejjaħ “serrar”.
Il-kelma “jisserra” hi kelma ta’ nisel Romanz – ġejja mill-Isqalli. Skont id-dizzjunarji tagħna “sirrari” tfisser: recidere con sega. Jiġifieri “tisserra” kif nafuha aħna – taqta’ bis-serrieq. Imma bl-Isqalli “serrieq” tiġi “serra”.
Mela “serrieq” hi kelma li ħloqniha aħna meta l-Malti kien għadu joħloq u jħaddem u jikkonjuga l-kliem kif tagħmel kull lingwa li għadha ħajja. Dak li juża s-serrieq ikun qed jisserra, u min jisserra jkun ukoll serrar jew seratur. Il-familja Tas-Seratur ħadet laqamha għax xi darba l-kap tal-familja kien jgħajjex il-familja billi jisserra z-zkuk u t-travi biex jagħmilhom twavel skont kif jordnawlu. U dari, bħal-lum, mhux il-bennejja tad-dgħajjes biss kellhom bżonn it-twavel tal-qies, imma l-mastrudaxxi kollha. Allura dak li jisserra m’għandux għalfejn ikun armat biss qrib il-baħar.
Imma qabel ma daħal is-serrieq, missierijiet ta’ ħafna żmien ilu kienu jafu biss bil-“munxar”. Bil-munxar kont tista’ “tonxor” – mhux il-ħwejjeġ, imma l-injam jew z-zkuk tas-siġar biex tagħmilhom twavel, seratizzi, eċċ. Dak li juża l-munxar biex jonxor iz-zkuk kont tista’ ssejjaħlu wkoll “naxxar” – dak li jonxor bil-munxar. M’għandix dubju li r-raħal tan-NAXXAR ħa ismu minn xi ħadd li, ħafna żmien ilu, kien armat f’dawk l-inħawi, jonxor iz-zkuk bil-munxar u jġibhom twavel tal-qies. Ħaddiema li jagħtu servizz bħal dan ma kinux komuni, u n-nies kienu jiġu mill-inħawi ta’ madwar, u kienu jgħidu “se mmorru għand in-naxxar”. Jew biex nagħtu eżempju ieħor “L-għalqa tiegħi qiegħda biswit fejn hu armat in-naxxar”.
In-NAXXAR u Ż-ŻEBBIEGĦ
F’Malta għandna mill-inqas raħal ieħor li ħa ismu minn ħaddiem li kellu sengħa partikolari, sengħa bżonjuża, li ma kienx hawn ħafna li kienu jipprattikawha.
Fis-sena 2017, il-Klabb Kotba Maltin ħarġu ktieb ta’ Guido Lanfranco bl-isem ta’ Minn Fomm il-Poplu. Guido kien jagħmel ħafna programmi fuq ir-radju, u f’ħafna minnhom kien jistieden is-semmiegħa jgħidulu x’jafu fuq xi suġġett li kien jagħżel hu. F’paġna minnhom semmiegħa kienet qalet hekk (paġna 4):
“Fi żmien kien jiġi wieħed jgħidulu “ż-żebbiegħ. Kien jiġbor it-tajjar magħżul ħajt – għax aħna konna bir-raba’ u kien ikollna l-qoton. Wara li nagħżluh (jiġifieri nġibuh ħajt billi nagħżluh fuq il-magħżel), kien jiġbru. Kien jgħajjat: “Hawn iż-żebbiegħ”…u kien jiżbgħu blu, aħmar, isfar, biex imbagħad (il-ħajt il-miżbugħ) kienu jagħmluh lożor għas-saqqijiet. Kien minn Ħaż-Żebbuġ. Kien jiġi biż-żiemel, jgħajjat fit-triq: “Min għandu xi ħaġa għaż-żebgħa?”
L-għajta x’aktarx li kienet “Għaż-żebgħa min għandu?!” Semmiegħ ieħor kien qal hekk (paġna 6):
Quddiemi kien hawn familja jgħidulha “taż-żebbiegħ”. Mietu kollha. Kienu jiżbgħu it-tajjar, ikun merilli. Kienu jkebbuhom fuq l-idejn. Kien jiżbogħ billi jgħalli r-rummien…il-qxur tar-rummien…(jgħalli wkoll) in-nir u l-vitrijol. Imbagħad kien hemm sqaq. Hawn kienu jqabbdu n-nar u jgħallu kollox ġo tank fuq il-ħatab. Imbagħad ġewwa kellu kamra kbira u kien hemm il-mejjilli u fuqhom ħadida forma ta’ ganċ. Imbagħad jgħaddas fiż-żebgħa, imbagħad idaħħalhom (Il-merilli) fil-ganċ u jdawwar b’ħadida biex jagħsarhom. Qabel il-Gwerra dan. Imbagħad kien itella’ dat-tajjar (mill-ilma jagħli) u kellu xriek kbir oħxon xi pied, u kien jaqbad il-marżeppa…u jibda jballat. Kien iqum xi t-tlieta ta’ filgħodu jballat fuq dat-tajjar, itih, jaqbdu, dejjem idawwar u dejjem itih…imbagħad kienu jnixxfuh fuq il-bejt….”
Għal ħafna u ħafna snin, pajjiżna kien magħruf għad-drappijiet li niesna kienu jinsġu fuq in-newl. Biex tinseġ irid ikollok il-ħajt. Il-ħajt kien ikun jew tas-suf – li jiġi min-nagħaġ, jew tat-tajjar (li jsir mill-qoton). Is-suf kont tagħżlu ħajt fuq il-magħżel, u l-qoton, wara li jgħaddi għand ħaddiem ieħor li jissejjah “id-daqqaq” li “jdoqqu” biex isir “tajjar”, kont tagħżlu ħajt fuq ir-raddiena. Fl-istat natural tiegħu, il-ħajt kien ikun bajdani, jew forsi jagħti daqsxejn fl-isfar u l-kannella. Imma l-bniedem dejjem xtaq kuluri oħra. Bis-saħħa tas-semmiegħa tal-programmi li kien jagħmel Guido Lanfranco, issa għandna ddokumentat iż-żebgħa kif kienu jagħmluha. Dik li “jgħallu l-qxur tar-rummien” niftakarha anke jien. Mill-qxur kien joħroġ kulur safrani.
Is-sengħa taż-żebbiegħ hi sengħa qadima ħafna. Inċiżjoni li turi l-kaldaruni, bid-duħħan ħiereġ minnhom li jfisser li hemm xi ħaġa għat-togħlija, u tidher ukoll il-“ħadida għamla ta’ ganċ” imwaħħla fuq il-kaldaruni, biex il-merilli joqtru u jkunu jistgħu jingħasru. X’aktar fil-Ġermanja Medjevali.
Imma ssemma wkoll in-NIR. Forsi għad hawn min jiftakar l-espressjoni: “sema ikħal nir”. In-nir hi xitla, Indigofera tinctoria, li fis-selvaġġ f’Malta jeżistu xi varjetajiet tagħha. Fis-sit Malta Wild Plants tissemma l-Chrozophora tinctoria imma ma nafx kemm dawn iż-żewġ pjanti jiġu minn xulxin. Ma naħlifx li l-proċess biex tieħu l-kulur min-nir kien sempliċi daqs li tgħalli r-rummien – x’aktarx li l-proċess hu iktar ikkumplikat. Imma interessanti li s-semmiegħ tal-programm ta’ Lanfranco kien jaf li ż-żebbiegħ kien jieħu l-kulur min-nir. Il-lewn li tieħu minn dix-xitla hu l-blu, l-ikħal, għalhekk “sema ikħal nir”. Ma naħlifx lanqas li n-nir – jiġifieri x-xitla, kien jinġabar mill-kampanja Maltija – forsi kien jiġi wkoll minn barra. Ma sibt lil ħadd li jaf.
In-nir – Indigofera tinctoria
Minbarra n-nir issemma wkoll il-vitrijol. Dil-kelma lqajt magħha spiss fit-tiftix folkloristiku tiegħi. F’Kalendarju tal-Bidwi li ħareġ fl-1849 insibu miktub li ż-żejt li jista’ jingħasar mix-xitla msejħa “kromb taż-żejt”, jekk “issewwih bl-ispirtu tal-vitrijol, jista’ jixgħel l-imsiebaħ.” Il-kromb taż-żejt kien dak li bl-Ingliż jissejjaħ rapeseed, xitla li nġiebet Malta mis-Soċejta Agrarja biex forsi minnha jieħdu ż-żejt għall-imsiebaħ. L-esperiment ma rnexxiex.
Biex inkunu aktar ċerti x’inhu l-“vitrijol”, l-aħjar li nistaqsu lill-internet:
Vitriol is the general chemical name encompassing a class of chemical compounds comprising sulfates of certain metals – originally, iron or copper. Those mineral substances were distinguished by their color, such as green vitriol for hydrated iron(II) sulfate and blue vitriol for hydrated copper(II) sulfate.
Imma isbaħ minn hekk, l-internett tatna din l-istampa:
Stoċċijiet b’ilwien differenti li joħorġ mill-“vitriol”. Mill-internet
Jien għandi nifhem li dan il-vitrijol kien jiġi minn barra minn Malta, w’allura niesna ta’ dari ma kinux jafu bih minn dejjem. Jekk tmur lura biżżejjed fiż-żmien, niesna ta’ dari ma kellhomx ħafna kuluri mnejn jagħżlu ta’ kif jiżbgħu ħwejjiġhom, imma sa qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, xi Maltin kienu jafu li ż-żebbiegħ li hemm armat Ħaż-Żebbuġ, faċċata tad-dar tagħhom kien juża l-vitrijol u n-nir biex jiżbogħ il-ħajt tas-suf u tat-tajjar.
Personalmet m’għandi l-ebda dubju li r-raħal taż-Żebbiegħ, qrib l-Imġarr, hu msemmi għal xi żebbiegħ li kien armat f’dawk l-inħawi. L-isem hu qadim u ż-żebbiegħ li ta ismu lill-post, mhux bilfors kien jaf bil-vitrijol, imma forsi kien jaf bin-nir u bil-qxur tar-rummien, u forsi bil-“qremżi”. Lanqas m’għandi dubju li r-raħal tan-Naxxar ħa ismu minn naxxar li kien jonxor iz-zkuk tas-siġar bil-munxar. Wara kollox għandna eżempju ieħor iktar modern:
Dunstan G. Bellanti, fil-ktieb “Why Malta why Għawdex” jinsisti li l-Ħamrun ħa ismu mill-laqam ta’ waħda jgħidulha “Il-Ħamruna” u li fi żmienu, dawk li jiġu minnha kienu għadhom joqgħodu fil-qrib. Mhux kull ma qal Bellanti f’dan il-ktieb jista’ jittieħed bħala vanġelu, imma mill-ktieb “Bliet u Rħula Maltin”, ta’ Alfie Guillaumier, insibu, fil-qosor, dawn id-dettalji.
A) Fl-1783, fl-inħawi tal-Ħamrun kien hemm “tverna” ta’ ċertu Ġamri Zammit, imlaqqam “il-Ħamrun”, u li fid-dokumenti uffiċjali din it-tverna hi deskritta wkoll bħala “dei tintori” jiġifieri “taż-żebbiegħa.
B) Fl-1802, wieħed qarrej bagħat ittra f’ġurnal lokali, jilmenta li kien hemm “toqba” ta’ ħanut ta’ waħda jgħidulha “il-Ħamruna”, li kienet tbiegħ sfineġ, fwied, eċċ., u li niesha qabilha kienu jbiegħu il-laħam. Il-qarrej kompla jilmenta li l-laqam ta’ din il-mara, bl-approvazzjoni tad-dipartiment tax-xogħolijiet pubbliċi, sar l-isem uffiċjali ta’ din il-lokalita, u b’hekk “tebba’” l-isem nobbli li suppost ingħata – jiġifieri Casal San Giuseppe!
C) Guillaumier ikompli jikteb li “Dawk li għandhom iktar minn sittin sena jiftakru familja msejħa “Tal-Ħamrun” ibiegħu il-ġwież ftit ‘l isfel mill-Hollywood Theatre.
Mela hawnhekk jidher li għandna każ b’saħħtu: Ġamri Zammit, imlaqqam il-Ħamrun, kellu tverna u kien ukoll żebbiegħ. Uliedu u qrabatu, inkluż in-nisa, wirtu laqmu u jidher li kollha kienu nies tan-negozju. Il-Ħamruna kienet tbiegħ l-isfineċ u l-fwied moqli minn ħanut daqs naqra, u niesha kienu jbiegħu il-laħam. Familja bl-istess laqam kienu jbiegħu il-ġwież, u dan kollu f’post fejn illum sar iċ-ċentru tal-belt imsejħa “Il-Ħamrun”. Dan il-fatt jidher li kien magħruf ukoll minn min ħoloq it-taqbila li se nġibu hawn taħt. It-taqbila kienet itwal, imma kienet tirrakkonta l-għannej fejn se jfittex u jsib mara għaż-żwieġ. Il-qabbiel attribwixxa lin-nisa tal-Ħamrun l-istess ħaġa li attribwixxa lin-nisa ta’ Birkirkara. Birkirkara kienet magħrufa għax-xogħol tal-fuħħar, u l-Ħamrun kien magħruf għall-bejgħ tal-ġwież. Isimgħu din il-parti mit-taqbila, kemm hi ħelwa:
Mill-Ħamrun jien le ma rridha,
Għaliex tbegħli in-nuħħala.
Erba’ passi ‘il barra noħroġ.
Noħodha minn Birkirkara.
Minn Birkirlara jien le ma rridha,
Għax taħdimli fil-fuħħar.
Erba’ passi ‘il barra noħroġ,
U noħodha minn Ħal Balzan.
Il-Ħamrun ħa ismu minn raġel imlaqqam b’dak il-laqam, iż-żebbiegħ ħa ismu minn raġel li kien jiżbogħ il-ħajt u forsi anke l-ħwejjeġ, u n-Naxxar ħa ismu minn raġel li kien jonxor iz-zkuk tas-siġar bil-munxar biex joħroġ minnhom it-twavel u s-seratizzi.
ĦAL DEJF
Fi żmienna ħafna nies jafu li kull fejn hemm post li ismu jibda bil-kelma “Ħal”, dik hi taqsira tal-kelma “raħal”. Li mhux daqshekk ċar hu l-fatt li, billi kif dejjem ngħidu, it-tifsir tal-kliem jinbidel matul iż-żmien, kien hemm żmien li l-kelma “raħal” ma kinitx tfisser “village” imma kienet iktar toqrob lejn il-kelma “homestead”. Din xi tfisser?
A homestead is a house and surrounding land owned by a family — often, it includes a farmhouse. Most people have homes, but not everyone has a homestead: that means your family owns more than a house. The homestead often consists of a farmhouse and land devoted to crops or animals.
Issa hu ċar li kliem bħal Attard, Balzan, Lia, Axiaq, Curmi, Sabbara, Dingli, Farruġ huma kunjomijiet ta’ individwi jew familji. Kien hemm żmien meta “Ħal Balzan” kienet tfisser il-homestead tal-familja Balzan, Ħ’Attard, il-homestead tal-familja Attard, u l-bqija. Jiġifieri għandna ħafna eżempji ta’ postijiet li llum huma bliet żgħar, li ħadu isimhom minn xi individwu jew familja li kienet toqgħod fl-inħawi. Ħaż-Żebbuġ hemm Ħal Muxi u Ħal Dwin. Muxi = Mose, u Dwin = Edwin. Lejn il-Qrendi hemm Ħal Lew. Lew = Leo.
Semmejna n-Naxxar. F’din il-lokalita hemm parti li hi magħrufa bħala “Ħal Dejf”. Dawk li huma midħla tal-istorja ta’ Malta jafu li “Dejf” (jew Deif) hu rreġistrat bħala isem jew kunjom. Dawk li huma tal-affari tagħhom jafu wkoll li l-kunjom “Deif” inbidel u sar il-kunjom “Magro” – u dan għax ħasbu li Deif ġejja minn dgħif – jiġifieri bla grass. Meta ommi kienet tmur għand tal-laħam, kienet tgħidlu “Ittinix ħafna grass, tihuli dgħif.” Allura “Deif” sar Magro.
Biex ma nħalluhiex ħelwa għal melħa, nixtiequ ngħidu li l-isem Deif m’għandux x’jaqsam mad-dgħif ta’ bla grass. L-isem sħiħ kien “Dejf Alla” – li tfisser “Il-misteden t’Alla”, bl-istess mod li Għabd Alla tfisser “il-qaddej t’Alla. Imma din jemminha min irid.
Li qegħdin ngħidu hu li għandna ħafna eżempji fejn xi individwi taw isimhom lil lokalitajiet li llum huma saru rħula u bliet sħaħ.
Xi wħud mill-ismijiet tal-irħula u l-bliet tagħna huma qodma ħafna. Tant huma qodma li llum tlifna t-tifsira vera ta’ isimhom. Imma jkun tajjeb li nerġgħu inqallbu fl-istorja ta’ pajjiżna ħalli forsi niċċaraw it-tifsira ta’ ċerti ismijiet.
(C) Ġużi Gatt









