F’din is-sensiela qed naqbdu ma’ ismijiet ta’ postijiet – ħafna minnhom ismijiet qodma tassew, li għalkemm għadhom iduru fi lsienna u għadna ngħiduhom, illum tlifna ħafna mit-tifsira t-tajba tagħhom.
F’dawn l-artikli qed induru mal-ismijiet li hemm fil-ktieb importanti ta’ G. Wettinger: Placenames of the Maltese Islands, li jsemmi ismijiet qodma ta’ postijiet li jinsabu f’dokumenti antiki li hemm maħżuna fl-arkivji ta’ pajjiżna.
Illum wasalna f’post li jissejjaħ: IL-MEĠIL (bl-ewwel vokali twila – meeġil – anzi naħseb li jkun aħjar ngħidu li bil-pronunzja tal-lum, kien jingħad IL-MIEĠEL. Fil-fatt kien hemm aktar minn post wieħed: MEĠIL KOTOB, IL-MEĠIL TA’ NARDU, u MEĠIL BAĦAR. Hemm ukoll FUQ L-IMWIEĠEL, L-IMWIEĠEL TA’ BUBAQRA, L-IMWIEĠEL TAL-GĦAFRIT, IMWIEĠEL IL-ĦOFRA, L-IMWIEĠEL TA’ SALA, IMWIEĠEL SEBĦA…u hemm iktar.
L-iktar wieħed minn dawn l-ismijiet li għadu magħruf hu: MEĠIL BAĦAR. Dan qiegħed Marsalforn, meta tkun qbiżt il-Qbajjar, u għoddok wasalt ix-Xwejni. Bħas-soltu, dan l-isem issa tgerfex xi ftit, u n-nies illum jgħidu “Mewġ il-Baħar”. Il-mewġ ma jidħol xejn f’dil-biċċa. Etimoloġikament, (għax il-kliem ma jaqgħax mis-sema imma jkun ġej minn x’imkien) “Meġil”, jew mieġel, tfisser ġibjun. Wettinger jikkonferma dan fil-ktieb tiegħu – jgħid li tfisser “reservoir”.
Meġil Baħar qiegħed Marsalforn, tgħaddi minn quddiem dawn il-bandli, taqbeż il-Qbajjar, u tkun għoddok wasal ix-Xwejni.
Mela “Meġil” (tinsewx – bl-ewwel vokali twila: Meeeġil, jew mieġel), hu s-singular. Ħafna (il-plural) jissejħu Mwieġel. Mieġel hu ġibjun, u mwieġel huma ġibjuni. Hemm raġuni għala l-post jismu l-mieġel (ġibjun) ta’ Baħar, imma għalissa se nżommha għalija.
IL-MELLIEĦA
Issa nafu tajjeb ħafna kif maż-żmien, il-kliem jintilef u joħodlu postu kliem ieħor. Fi żmienna, ħafna Maltin rabbew allerġija lejn il-kliem Semitiku, u jkollhom seba’ mitt sena sakemm jaqilgħuh ‘il barra u jdaħħlu kelma Romanza floku. Illum kulħadd “Salina” jgħid, imma ma tridx għerf biex tifhem li dil-kelma ħadet post il-kelma aktar qadima “mellieħa”. Iva, il-Mellieħa tfisser “is-salina”, u jidher li missirijietna, meta kienu jirreferu għall-post li llum nafuh bħala Il-Mellieħa, kienu jgħidu TAL-MELLIEĦA.
Fil-ktieb ta’ Wettinger jissemmew IL-MELLIEĦA TA’ BIN GĦISA (din hekk tinkiteb, mhux “għajsa”), IL-MELLIEĦA TA’ RAS IL-ĦOBŻ, u l-MELLIEĦA TA’ ŻONQOR.
Imma mbagħad hemm post li jismu IL-MELLIEĦ. Jien naqbel li dan l-isem għandu mnejn jirreferi għal xitla selvaġġa (x’aktarx Cressa Cretica) li hi magħrufa fil-Mediterran u l-Afrika ta’ Fuq u dari l-imgħolli tagħha kien jintuża għal kontra l-katarru. Imma ma tista’ qatt tkun ċert, għalkemm il-post ma kienx qrib il-baħar. Naf li l-isem jista’ jfisser “dak li jmellaħ” – imma dik it-tifsira naraha ftit imġebbda jien. Il-post ma kienx qrib il-baħar, allura ftit kien hemm ċans li jkun hemm xi salina. Jiġifieri li “l-mellieħ” hi xitla selvaġġa.
Imbagħad hemm TAL-MELLIEĦI, li wkoll kien isem ta’ għalqa, u li f’dal każ ifisser li s-sid kien mill-Mellieħa.

Terfa’ l-baqta minn ġox-xorrox. Baqta tiġi curd bl-Ingliz, u xorrox hu whey. Imma aħna għandna ngħidu baqta u xorrox, mhux whey u curd.
TA’ MELLUS
Fid-dokumenti qodma li ra, Wettinger sab post jismu TA’ MELLUS. Qal li x’aktarx hu laqam ta’ xi ħadd, jew xi kunjom issa mitluf u mhux magħruf.
Mhux ħaġa kbira biex hekk hu, imma jien se nieħu l-okkażżjoni li nerġa’ nfakkar dan li ġej, għax ħafna kittieba tajbin jiktbu kitba li mbagħad tintilef u ħadd ma jibqa’ jagħti kasha, jekk ma jkunx xi ħaġa bħal din u jsir sforz biex il-kitba terġa’ ssir magħrufa.
Il-Folklorista Għawdxi Anton F. Attard, tana ħafna kitba fuq il-ħajja tradizzjonali Maltija u Għawdxija, li qiegħda imferrxa f’diversi sorsi u hi ħasra li mhix iktar aċċessibbli u miġbura x’imkien aktar fil-qabda. Fiha tagħrif li ħafna drabi ma deher imkien ieħor u jkun hemm ċans li dan it-tagħrif jintnesa. Fl-1991, Anton F. Attard ippubblika l-ktieb Mill-Ħajja tal-Imgħoddi, u f’paġna 120 semma l-kelma MELLUSA.
Jgħid li dari din kienet kelma komuni f’Għawdex, l-aktar lejn ir-raħal taż-Żebbuġ. Biex tagħmel il-ġbejniet trid l-ewwel ITTAMMAS il-ħalib. L-iktar ħalib użat għall-ġbejniet kien il-ħalib tan-nagħġa. “Ittammas” jiġifieri titfa’ fil-ħalib qtar li int tiehu mit-TAMES. It-tames hu l-istonku ta’ ħaruf li għadu ma nfatamx – jiġifieri għadu jerda’ minn ommu. Meta ttammas il-ħalib, dan JOBQOT – jiġifieri parti minnu tagħqad u ssir BAQTA, u l-kumplament jibqa’ likwidu, li jissejjaħ XORROX. Mela l-omm li tkun qed tagħmel il-ġbejniet biex titma’ lil uliedha, tneħħi l-baqta minn ġox-xorrox, u titfagħha fil-QWIELEB, biex il-baqta tkompli toqtor, tibbies, u ssir ġbejna. Skont Anton F. Attard, meta t-tfal jaraw lil ommhom titfa’ l-baqta fil-qwieleb, kienu jgħidulha: “Ma, agħmilli Mellusa”.
L-omm taqbad kisra ħobz, tidlek fuqha ftit baqta, tħawwarha bil-melħ u l-bżar, u tagħtiha lil uliedha biex forsi ma taqgħalhomx żaqqhom bil-ġuħ. Attard jgħid li tissejjaħ “mellusa” għax trid “tmelles” il-kisra ħobz bis-sikkina. Jista’ jkun, u jista’ ma jkunx, imma jidher li din kienet ħaġa magħrufa f’Għawdex u dnub li issa tlifna l-għarfien tagħha.
B’dana kollu, il-post magħruf bħala Ta’ Mellus għandu mnejn li m’għandu x’jaqsam xejn mal-mellusa li semma Anton F. Attard. Forsi kien laqam ta’ xi ħadd li kien iħobb imelles.

MARQAD IL-MOGĦOŻ
Ftit ftit, qegħdin inqallbu fil-ktieb Place-names of the Maltese Islands, ta’ Godfrey Wettinger, u waqafna fuq isem ta’ post – IL-MERQAD. Taħtu kien hemm isem ta’ post ieħor: MERQAD IL-MOGĦOŻ. Jien naħseb li “marqad” aħjar, u għadni nittama li l-Maltin tal-lum ma joqgħodux jistaqsuk “xi tfisser”, imma għadhom jaslu b’moħħom li l-kelma tfisser il-post fejn torqod. Mela Marqad il-Mogħoż hu l-MAQJEL, il-post fejn jorqdu l-mogħoż. Dawk li huma bravi fil-Malti għandu mill-ewwel jiġi f’moħhom il-qawl: F’marqad il-mogħoż ma ssibx sbul”. Jekk f’marqad il-mogħoż ikun hemm is-sbul, jiekluh huma l-ewwel u mhux se joqgħodu jistennew lilek biex issibu. Imma m’hemmx għalfejn li kull darba jeħlu l-mogħoż. Dan il-qawl jgħodd anke għalik jekk tmur x’imkien u tippretendi li se ssib dak li tixtieq meta messek tkun taf li m’għandekx ċans għax ħaddieħor laħaq qablek. L-aħjar eżempju li jiġi f’rasi hu dan:
Dari, meta biex issajjar ridt il-ħatab, għax ma kienx hawn ċilindri tal-gass jew cookers tal-elettriku, anke x-xewk li jikber mal-ġnub tal-ħitan kien jinġabar. In-nies li jgħixu ġor-raba’ kienu jaraw li x-xewk li jikber qrib darhom jiħduh huma, u mhux jaqtgħu ħaddieħor. Ġieli kien jinqala’ anke xi ġlied fuq hekk. Allura m’għandekx tippretendi li se tmur int, li toqgħod ‘il bogħod, u toħlom li se ssib ix-xewk x’taqta’ qrib ir-razzett ta’ ħaddieħor. Tissogra li xi ħadd jgħidlek: “Hawnhekk ġejt? F’marqad il-mogħoż mhux se ssib sbul”, u suppost li moħħok ikun tajjeb biżżejjed biex tifhem x’qed jippruvaw jgħidulek.

TA’ MERŻUQ
Hawnhekk se nieħu l-okkazjoni biex ngħid xi ħaġa kontroversjali. Ma jinpurtax jekk ma taqbilx, imbasta tkun taf l-affarijiet tiegħek sew. F’dan il-każ “Merżuq” hu isem ta’ raġel. Hemm postijiet oħra b’ismijiet bħal BIR MERŻUQ, ĦABEL MERŻUQ, IL-QOLLA TA’ MERŻUQ, IS-SINED ta’ MERŻUQ. M’għandniex xi ngħidu, hemm ukoll l-GĦOLJA TA’ MERŻUQ, f’Għawdex, li issa qed jgħidulha “L-għolja tas-Salvatur”.
Hawnhekk l-isem ġej mill-kelma RIŻQ (iva naf; daż-żmien neħħew iż-ż bit-tikka u qed jiktbu “risq” – imma fin-nisel suppost tgħid “riżq”). Dan bħal meta tgħid “Ir-risq u l-barka”, u r-riżq hu xi ħaġa pożittiva, rigal, ġid, affarijiet tajbin. Merżuq tfisser mogħti lilna b’riżq – qisek qed tgħid li dit-tarbija l-ġdida tahielna Alla, b’riżq. S’hawnhekk ma naħsibx li għandna għalfejn niġġieldu.
Imma wieħed jittama li għad hawn imqar xi ftit Maltin u Għawdxin li għadhom jafu bil-kelma MERŻUQ bħala raġġ ta’ dawl. Ngħidu aħna meta tkun nieżla jew tielgħa x-xemx u tkun moħbija wara s-sħab, spiss tara l-imrieżaq tad-dawl tagħha, jisparaw dritt ‘il fuq jew ‘l isfel minn wara s-sħab.

Issa hawnhekk hu fejn se nibdew niġġieldu. “Merżuq” bħala isem ta’ raġel, u “merżuq” bħala a jet of light, (għax hekk tfisser) m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin. U biex tkunu tafu, lanqas għandhom l-istess “għerq”. Kelma minnhom għandha l-għerq R-Ż-Q (bħal meta tgħid “ir-risq u l-barka”), imma l-oħra – il-merżuq tad-dawl – gerfixniha, għax l-għerq suppost li hu Ż-R-Q (tinsewx li l-kliem ma jaqgħax mis-sema u jkollu nisel u storja miegħu, u hawn nies li jkunu jafu b’dan in-nisel u b’din l-istorja u issa ġejna fi stat li ma nistgħux nistaħbew minnhom).
Il-verb ŻERAQ, JIŻRAQ, tfisser “jispara ‘l barra” bħalma jagħmel id-dawl tax-xemx minn wara s-sħab. Imma mhux id-dawl biss jagħmilha – anke l-ilma. Hekk l-ilma tax-xita li jaqa’ fuq il-bjut jista’ jispara ‘l barra meta jgħaddi minn xi miżieb – jiżraq minn ġol-miżieb, jew l-ilma tal-wied isib xi wied fond li l-ġnub tiegħu jaqgħu għal isfel bis-sabta, u l-ilma jagħmel hekk ukoll: jaqa’ u jispara ‘l barra. Ħarsu ftit lejn din l-istampa t’hawn taħt:

Meta l-ilma tal-wied jiġri fil-miġriet u f’daqqa waħda jsib ruħu jaqa’ għal isfel mill-għoli, jispara ‘l barra, “it jets out”. Dari konna ngħidu “l-ilma JIŻRAQ ‘il barra”, jew id-dawl tax-xemx JIŻRAQ minn wara s-sħab. Id-dawl tax-xemx jagħmel MIŻRUQ (mhux “merżuq”) meta jispara minn wara s-sħab. (dan ir-ritratt sibtu fl-internet, u mhux ta’ Malta).
Issa aħna l-Maltin kollha nafu b’wied fond bil-ġnub tiegħu weqfin: WIED IŻ-ŻURRIEQ. Jien personali m’għandix dubju li l-isem orġinali kien “wied iż-żerriq”, għax l-ilma kien “jiżraq” ‘il barra meta jsib ruħu jaqa’ għal isfel mill-ġnub tal-wied, imma mhux fil-wied biss – jiżraq, jaqa’ għal isfel, anke mill-irdumijiet għoljin tal-madwar u jispiċċa l-baħar. Dawk in-naħiet, meta jagħmel l-ilma, kien hemm ħafna “żerriq” u, nerġa’ ngħid, mhux fil-wied biss.
Jekk s’issa għadna ma ġġilidna ma’ ħadd, se niġġieldu issa. Dan għalija jfisser li ż-Żurrieq ħa ismu mhux għax iż-Żrieraq ġejjin mill-Vikingi tal-Iskandinavja, u għandhom għajnejhom żoroq. Imma għal raġuni oħra. Għal issa se nieqaf hawn, u tinsewx li fid-dinja, tisma’ kollox, u temmen jekk trid.

L-irdumijiet ta’ mal-baħar, in-naħa ta’ Wied iż-Żurrieq. Jidher li dari kien hemm ħafna żerriq – l-ilma tal-ħamla tax-xita jispara ‘l barra meta jsib ruħu nieżel għal isfel. Jekk tgħarrex sew, u jekk ikollok rieda tajba, tista’ tikkonoxxi anke r-raded, il-ħruq, li l-ilma jħalli fil-blat mal-medda taż-żmien.
Din hi l-Għolja ta’ Merżuq, li hu isem ta’ raġel, u m’għandu x’jaqsam xejn mal-imrieżaq tax-xemx. Issa dan l-isem qed jispiċċa wkoll, u n-nies qed jgħidu “L-Għolja tas-Salvatur”.
ŻERRIQA
Dan qed niktibha biss għal min jinteressah:
Il-Malti – hawnhekk qed nirreferi għall-Malti li bih kienu jitkellmu nannieti, missieri, ommi, l-ġirien, il-qrabati, u niesna tal-irħula u ta’ Għawdex sa ftit ilu, qabel ma kissirna kollox – għandu xebħ kbir mad-djaletti mitkellma llum f’ċerti partijiet tat-Tuneżija. Aħna ma nifhmuhomx għax jitkellmu magħluq u mgħawweġ, u għandhom ħabta jqassru l-kliem u jwaqqgħu il-vokali. Imma għadhom jafu jħaddmu l-lingwa sew, u joħolqu l-kliem ġdid mir-ripertorju li għandhom. Ħafna minn kliemna jafuh, u jafu jħaddmuh aħjar minna.
In-nies ta’ dik in-naħa għadhom jafu sew bil-verb ŻERAQ, JIŻRAQ – jiġifieri “jispara ‘il barra”, u meta raw f’idejn it-tobba l-labra li jtaqqbek biha, mill-ewwel ivvintawlha isem. Aħna ngħidulha “labra”, x’aktarx għax bl-Ingliż jgħidulha needle, imma bid-djalett tat-Tuneżija, in-nies qalgħuhielha “Żerriqa” – għax tispara ‘il barra l-likwidu li t-tabib ikollu bżonn jinjetta f’ġismek. Din il-kelma mhix il-kelma “uffiċjali” li tintuza fl-Għarbi modern, imma hi invenzjoni tan-nies tal-Magħreb.

(C) Ġużi Gatt


Hope you will continue to press constantly how beautiful the maltese language is. Unfortunately almost 90 in my time brought up as a boarder maltese was strictly but strictly forbidden . So I missed out and feel cheated to the core. Thanks will follow.