F’din is-sensiela qed naqbdu ma’ ismijiet ta’ postijiet – ħafna minnhom ismijiet qodma tassew, li għalkemm għadhom iduru fi lsienna u għadna ngħiduhom, illum tlifna ħafna mit-tifsira t-tajba tagħhom.

Quddiemna jkollna l-ktieb tal-Professur Godfrey Wettinger bl-isem: Place-names of the Maltese Island, u ftit ftit qed induruh biċċa biċċa.

Kitba ta’ Ġużi Gatt

IL-MARĠ, IL-MARĠA, l-IMRAĠ, u l-MARĠIET

Tiskanta dari kemm kellna postijiet li f’isimhom kellhom il-kelma “marġa”.  Isimgħuhom:

Tal-Marġ, il-Marġ ta’ Ġinna, il-Marġ ta’ Slampa, il-Marġ il-Wiesa’, il-Marġ iż-Żgħir, il-Marġa ta’ Djar Ħandul, il-Marġa l-Fiesħa, il-Marġa ta’ Għajn Qajjed, il-Marġa ta’ Navarra, il-Marġa ta’ San Blas, il-Marġa tal-Wied, Marġet Mewwija, Tal-Marġiet.

Il-Professur Wettinger ifisser dil-kelma bħala flood-plain, meadow, marshy land, marsh.  Ma tistax tlumu.  Hu minnu li l-isem hekk ifisser.  Imma fl-istess ħin, hemm differenza bejn meadow u marsh

F’wieħed mill-ewwel dizjunarji tal-Malti – dak ta’ Mikiel Anton Vassalli, hemm miktub li MARĠ tfisser prato, pastura.  Jiġifieri meadow, pasture plain.  Agius De Soldanis jaqbel miegħu, u fid-dizzjunarju tiegħu (id-Damma) jgħid li MARĠA tfisser: terra non coltivata ripiena di erbe selvatiche come spine e cose simili.  Jiġifieri art mhix maħduma mimlija ħaxix ħazin (illum ma tistax tgħid hekk – trid tgħid ħaxix selvaġġ) bħal m’hu x-xewk u affarijiet hekk.

Nistgħu nersqu ftit iktar lejna: Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju għall-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Billi s-Soċjeta Agrarja ta’ Malta twaqqfet fl-1844[1], dan il-kalendarju ħareġ kmieni ħafna fl-istorja tagħha.  Dnub li bil-Malti ħareġ biss għal dawk is-sentejn.  Il-kelma “marġa” tissemma f’dan il-Kalendarju, imma fil-plural “imraġ”.  Ngħidu aħna:

…għandna ngħidu xi ħaġa oħra li bosta tgħin lit-trobbija tal-bhejjem: li hu l-aħdar, li hekk neħtiġuh la darba aħna m’għandniex imraġ bħalma hemm barra. 

Fit-tradizzjoni bit-Taljan, “imraġ” ingħatat bħala praterie, li taqbel ma’ meadow.

Xi sittax-il sena wara li ħareġ il-Kalendarju tal-Bidwi, Pietru Pawl Castagna ippubblika l-ktieb tiegħu: Lis Storia ta Malta bil Gzejer taħħa.     Castagna ikkopja ħafna minn dan il-Kalendarju tas-Soċjeta Agrarja bla ma qagħad ifehimna t-tagħrif minn fejn ħadu.  Meta kiteb fuq ix-xgħir, Castagna qal hekk:

Ix-xgħir minn xi wħud jinżera’ għal Settembru; għal Mejju jinqata’ b’aħdar, dak li aħna nsejħulu furrajna, billi jgħin bil-bosta t-trobbija tal-bhejjem, ladarba aħna m’għandniex imraġ ieħor bħal barra ħlief silla, widna, u xi ftit ġulbiena…

Hawnhekk Castagna kien qed jgħid li l-furrajna, li hi xgħir li jinqata’ aħdar, jgħin ħafna fit-trobbija tal-bhejjem billi aħna m’għandniex “imraġ” fejn il-bhejjem isibu jieklu l-ħaxix aħdar li għandhom bżonn.

Ma nixtiqux li nikkumplikaw l-affarijiet għax hu importanti li l-Malti jistabbilixxi l-kliem kollu li għandu bżonn biex jintuza fid-dinja moderna, u fejn m’għandniex kelma noħolqu waħda, jew inġibu l-kelma lura jekk kellna imma tlifniha.  Mela importanti li jkollna kelma għal meadow u kelma għal marshland,  għax inkella jgħajruna li l-Malti m’għandux kliem biżżejjed. 

Imma l-verita hi li jekk nikkonfermaw il-kelma “marġa” bħala meadow, xi ħadd se jistaqsina: “Mela BUR xi tfisser”, u l-verita hi li bur tfisser meadow ukoll.  Bur hu post fejn joqgħod l-ilma tax-xita, w’allura dari ma kinux jaħdmuh fix-xitwa għax jiġi l-wied u jgħarraq kollox.  Imma meta jgħaddu x-xhur tax-xitwa u l-ilma jinxtorob mill-ħamrija, fil-bur jikber ħafna ħaxix, u hemm tista’ tira’ l-bhejjem li jkollok ħalli jsibu l-aħdar x’jieklu.  Wara li l-bhejjem ikunu kielu l-ħaxix kollu, fil-bur, fis-sajf, jekk trid, stajt tizra’ l-bħajra, għax hemmhekk din issib it-tira li għandha bżonn.

Issa aħna nafu li l-kliem ma jaqax mis-sema imma jkollu nisel, ikollu “etimoloġija”.  Fin-nisel tagħha, il-kelma “marġa” tfisser “marsh” u ta’ dan għadek issib ħjiel fid-dizzjunarji tagħna.  Wettinger isemmi l-marshy land, u l-marsh, u  Aquilina jsemmi “a small marshy meadow”.  Biex tgħaxxaqha, fid-dizzjunarju tiegħu ta’ erba’ volumi, Aquilina kiteb li marsh bil-Malti hi “bassasa”.  Dan m’hu veru xejn, għax bassasa hi dik li bl-Ingliż tissejjjaħ blowhole.  Fix-xatt ta’ Malta qrib Bingħisa hemm post jgħidulu l-Bassasa, u mhux hemm biss.  Jekk tħoss li bassasa hi kelma baxxa u ma togħġbokx, bil-Malti ngħidu wkoll “minfes” li f’dal-każ tkun tfisser blowhole.  Jekk qed nirreferu għal isem ta’ post fil-blat ta’ qrib il-baħar, il-bassasa jew il-minfes tkun toqba li jkun għawwar il-baħar fil-blat, u fil-maltemp, l-ilma jispara minnha u qisha bħal tboss.  Imma żgur li “bassasa” ma tfissirx meadow.

Mela li kellna nistabbilixx li Bur = meadow, u Marġa = marsh, ikollna kelma għaz-zewġ termini, għax jekk marġa tfisser meadow, mela marsh x’tiġi bil-Malti?  Le, mhux bassasa.  Hekk l-aħjar: Bur tfisser meadow, u Marġa tfisser marsh.  Min-naħa l-oħra, blowhole hi Bassasa jew Minfes.

Din hi blowhole li tirriżulta meta l-baħar jirnexxielu jgħawwar toqba fil-blat li tidħol ‘l ġewwa fl-art, u meta l-mewġ jitqawwa, l-ilma joħroġ f’salt minn dit-toqba u jispara fl-ajru.  Bil-Malti tingħad bassasa, imma tista’ tgħid ukoll “minfes”.

Għal xi żmien kien hemm bassasa oħra f’dawk li jissejħu “s-Salini tal-Arluġġar”, qrib Marsalforn, imma mbagħad saddew it-toqba u l-ilma baħar ma baqgħax isib minn fejn jgħaddi.

Il-balena togħdos taħt l-ilma, imma f’xi ħin trid titla’ tieħu n-nifs.  In-nifs tieħdu mill-minfes (għax wara kollox din tiġi s-singularl ta’ “imnifsejn”). Aħna għandna żewġ toqbiet f’imniħerna, għalhekk jissejħu mnifsejn.  Tal-balena jissejjaħ minfes, imma jaħdem bl-istess prinċipju li bih jaħdem imneħirna.

MARĠET MEWWIJA

Aktar ‘il fuq konna għidna li żmien ilu kien hemm post magħruf bħala “marġet Mewwija”.  L-Għolja li fuqha inbniet il-Belt kienu jgħidulha Xagħret Mewwija.  Mewwija hu isem ta’ raġel. معاوية  Din, m’għandiex xi ngħidu, jemminha min irid. Fil-ktieb ta’ Wettinger hemm ukoll post Ta’ Mawwija, li dokumenti qodma medjevali jgħidu li kien qrib l-Għarb.  Jekk Mewwija hu isem ta’ raġel, dan żgur li mhux l-uniku isem li għandna fit-toponomastika li jmur lura għal żminijiet Misilma.  Isimgħu xi ftit minnhom:

Għomor, Ħasan, Ġagħfar, Ġawhar, Sielem, Ħaġar, Muftieħ, Sgħid (il-kunjom Said), Barka, Sliema, Randon, Għabd Alla, Warda…  Insomma, hemm iktar.  Simon Salafia qed jikteb artikli interessanti ferm fuq dan is-suġġett fil-perjodiku bl-isem ta’ L-Imnara, li toħroġ l-Għaqda Maltija tal-Folklor.  

Mhux kulħadd jemmnek li Mewwija hu isem ta’ raġel (għalkemm hekk hu) u x-xitan irid li l-biċċa hi ftit ikkumplikata.  Ngħidu aħna meta naqraw il-ħrafa tas-Seba’ Tronġiet Mewwija, hawnhekk “mewwija” mhix l-istess kelma – hi kelma differenti li li b’xorti ħażina tinstema’ l-istess imma għandha tifsira differenti.  Imma fuq din forsi nitkellmu darb’oħra.

TAL-IMDAWRA u TAL-IMDEMMES

F’artiklu ieħor konna semmejna ismijiet bħal Ħaġa Qim, Ħaġar Mitqub, Ta’ Ħaġar it-Twal, il-Ħaġar Wieqaf, u konna għidna li dawn l-ismijiet jirreferu għal fdalijiet preistoriċi li missirijietna kienu jaraw madwarhom fi żmien meta l-fdalijiet kienu għadhom nofshom midfunin u diffiċli biex tikkonoxxi x’inhuma.  Dan żgur jgħodd għal Ħaġar Qim, u żgur ukoll għal Ħaġar Mitqub.

Imma f’Malta u Għawdex tiltaqa’ wkoll ma’ ismijiet ta’ postijiet bħal Tal-Imdawra, jew Id-Dawwara.  Għalkemm qatt ma tista’ tkun ċert, x’aktarx li dawn ukoll jirreferu għal ħaġar kbir imqiegħed f’għamla ta’ ċirku – stone circle – li x’aktarx ikun preistoriku.

Issa fil-ktieb ta’ Wettinger li dejjem insemmu, wasalna f’paġna fejn hemm dawn l-ismijiet, eżatt taħt xulxin: TAD-DAWWARA u taħtu – TAL-IMDEMMES.  Id-dizzjunarji tagħna jafu bil-kelma “demus”.  Qiegħda fid-dizzjunarju ta’ Vassalli, u dan jgħid li tfisser 1.“ħabs taħt l-art”, jew 2. “Qabar taħt l-art”.  Kif dejjem ngħidu, il-kliem ma jaqgħax mis-sema imma jkollu nisel.  Il-kelma “demus” jafuha pajjizi oħra fiċ-ċentru tal-Mediterran u t-tifsira vera tagħha hi post imħaffer fil-blat.  L-isem “Tal-Imdemmes” ifisser post fejn hemm ħafna taħfir fil-blat.  Jiġifieri jekk toqgħod bil-pinna u bil-klamar tista’ tapplikah għal x’imkien fejn in-nies “jgħixu fl-għerien”, fi kmamar li jħaffru huma stess fil-blat.  Imma biż-żmien, l-aktar tifsira komuni saret post fejn hemm l-oqbra mħaffrin fil-blat.  Jiġifieri kemm TAL-IMDAWRA u kemm TAL-IMDEMMES jistgħu japplikaw għal postijiet fejn hemm fdalijiet storiċi.

Hawnhekk il-Kappadoċja, fit-Turkija.  Li kieku raw post bħal dan, missirijietna forsi kienu jsemmuh – Tal-Imdemmes – għax hemm ħafna taħfir fil-blat.  F’Malta jissemmew nies li kienu jgħixu fi kmamar imħaffrin fil-blat, imma l-kelma Demus, Dwiemes, u Imdemmes, tapplika l-aktar għal oqbra mħaffrin fil-blat.

(C) Ġużi Gatt

[1] https://theagrariansocietyofmalta.webs.com/

Nota: is-sit tas-Soċjetà Agrarja ta’ Malta m’għadux jeżisti, illum s-Soċjetà għanha paġna fuq il-Facebook li tista’ ssibha hawn.