F’din is-sensiela qed naqbdu ma’ ismijiet ta’ postijiet – ħafna minnhom ismijiet qodma tassew, li għalkemm għadhom iduru fi lsienna u għadna ngħiduhom, illum tlifna ħafna mit-tifsira t-tajba tagħhom.

Kitba ta’ Ġużi Gatt

F’dawn l-artikli qed induru mal-ismijiet li hemm fil-ktieb importanti ta’ G. Wettinger: Placenames of the Maltese Islands, li jsemmi ismijiet qodma ta’ postijiet li jinsabu f’dokumenti antiki li hemm maħżuna fl-arkivji ta’ pajjiżna.  Għal did-darba għażilna l-ismijiet ta’ dawk il-postijiet li jibdew bil-kelma MANDRA, jew il-plural tagħha MNADAR.  Sibna dawn l-ismijiet:

IL-MANDRA u l-IMNAJDRA.

Il-Mandra tal-Baqrat, il-Mandra ta’ Bella, Il-Mandra ta’ Bieb id-Djar, il-Mandra tal-Ħarruba, il-Mandra tat-Tuta, l-Imnadar, l-Imnadar ta’ Ħlantun, l-Imnadar tal-Magħtab, l-Imnadar ta’ Tartusa, l-Imnajdra, l-Imnajdriet, eċċ.

Il-Malti hu lsien qadim u matul is-snin daħal fih ħafna kliem minn għejun diffrenti.  Bit-Taljan, mandra tfisser merħla, merħla ta’ mogħoż, baqar, nagħaġ, tkun li tkun, anke jekk ikunu bhejjem tax-xagħri.  Jekk il-merħla tkun taħt il-ħarsien tal-bniedem, dil-kelma ġieli saret tfisser ukoll il-post fejn tkun miġbura flimkien, w’allura magħluqa u kkontrollata, il-merħla.

Meta l-Kavallieri kienu qed ifasslu l-pjanta tal-Belt, xtaqu li jagħmlu manderaggio,  post kenni li fih setgħu idaħħlu għall-irdoss ix-xwieni u l-opri tal-baħar li kellhom, biex iħarsuhom mill-maltemp, u forsi anke jaħbuhom waqt xi assedju.  Il-ħsieb kien li jqattgħu il-blat f’post imdawwar bis-swar, u jinżlu iktar ‘l isfel mill-levell tal-baħar, iħallu l-baħar jidħol u miegħu jkunu jistgħu jdaħħlu wkoll l-opri tal-baħar. 

Pjanta qadima tal-Belt Valletta, li turi l-post fejn il-Kavallieri kellhom il-ħsieb li jagħmlu manderaggio, anzi għal wieħed tnejn, dak ir-rettangolu, bi dħul mal-baħar, fejn ikunu jistgħu jiġbru flimkien ix-xwieni u opri oħra tal-baħar, u jgezzuhom flimkien qishom merħla waħda, għall-kenn mill-maltemp jew minn xi attakk mill-għadu.

Jidher li din l-idea tal-manderaggio ma rnexxietx, u fil-ħofra li laħqet tħaffret, telgħu salt gabubi u daħlu jgħixu fihom il-foqra. Il-post baqa’ jissejjaħ il-Mandraġġ.

Ritratt ta’ Portomaso.  Jekk toqgħod taħseb ftit, il-proġett ta’ Portomaso, fi zmienijiet oħra, seta’ jissejjaħ ukoll “il-mandraġġ” – bħalma xtaqu jagħmlu l-Kavallieri il-Belt – post fejn jiġbru flimkien il-jottijiet.

Imma l-kelma “mandra” bħala l-post fejn tiġbor u tagħlaq il-bhejjem, baqgħet tintuza sa żmieni.  Tista’ tgħid li kull razzett kellu xi roqgħa minnu li tissejjaħ mandra.  Fiha jkun hemm it-tiġieġ, sriedek, u xi mogħża u żewġ gidien, xi nagħġa u xi ħaruf.  Il-mandra mhix l-istess bħall-maqjel – dak ikun imsaqqaf u bil-bieb jingħalaq b’xi mod.  Il-mandra tkun miftuħa għall-arja.

Mela t-tempji tal-Imnajdra ħadu isimhom għax f’xi żmien, il-bini nofsu mirdum bil-ħamrija kien iservi ta’ mandra żgħira – imnajdra hekk tfisser – mandra żgħira – post li fih stajt tagħlaq xi annimali.  Bil-ġebel nofsu mirdum, ma kienx jidher ċar li dak kien “tempju”.  B’xorti tajba, l-isem tal-post tħalla u t-tempju wiret l-isem.

Ħafna għadhom jafu li dari, Malta kienet timporta ħafna barrin minn Tuneż (u postijiet oħra).  Meta jaslu kienu jkunu magħlubin, u l-bdiewa u r-raħħala kienu jixtru minnhom u jsemmnuhom billi jitimgħuhom tajjeb.  Meta jismnu biżżejjed, kien jbiegħuhom għal-laħam.  Il-barrin kienu jaslu Malta bil-baħar, u mix-xatt kienu jridu jinsaqu għal x’imkien fejn jistgħu jiġu milqugħa u kkontrollati.  Fir-ritratt t’hawn taħt jidher post hekk, illum jagħmel ma’ Santa Venera, fejn il-bhejjem ikunu miġburin u magħluqin, jistennew lix-xerrej ġej biex jixtri.

Ir-ritratt jista’ jitqies bħala eżempju ta’ mandra, sakemm wieħed iżomm f’moħħu li l-imnadar l-aktar komuni li kont issib fl-irziezet ma kinux daqshekk kbar, u kien jesgħu ferm inqas.

Dan jista’ jitqies bħala eżempju ta’ mandra, bil-bhejjem magħluqin fiha. Dan ir-ritratt x’aktarx juri dawk il-barrin li kienu jinġiebu minn Tunes u minn pajjizi oħra, qabel ma jinxtraw mir-raħħala Maltin, biex isemmnuhom u jbiegħuhom għal-laħam. L-imnadar fl-irziezet komuni kienu ferm iżgħar minn din, għalkemm kienu jservu wkoll biex jilqgħu xi bhejjem u tjur ġo fihom.  Ritratt mill-internet.

IL-MANDRA GĦANDHA X’TAQSAM MAL-KELMA “NADUR”?

IN-NADUR tfisser post għoli li minnu tista’ tara madwarek, w’allura ħafna drabi seta’ jservi bħala post tal-għassa.  Qrib ħafna tan-Nadur t’Għawdex hemm l-Għolja tan-Nuffara.  In-NAFRA kienet is-sinjal li kien jingħata lin-nies mit-torri tal-għassa, permezz ta’ xi murtal jew forsi anke ħuġġieġa jekk ikun billejl, biex in-nies jerfgħu kollox, idabbru rashom, u jmorru jistkennu x’imkien wara s-swar.  Jiġifieri hemm ċans tajjeb li n-Nadur t’Għawdex ħa ismu għax il-post kien tajjeb għall-għassa, u kien hemm anke torri, u n-nuffara kienet il-post fejn kien jingħata s-sinjal tan-nafra.  Imma f’Malta u Għawdex hawn iktar postijiet li fihom il-kelma nadur.  Issa x’inhu l-plural ta’ “nadur”. 

It-tweġibha hi NWADAR.  Hemm post bejn ix-Xgħajra u Wied il-Għajn, li llum nafuh bħala l-Park tal-Inwadar.  Hawnhekk “l-inwadar” hi l-plural ta’ Nadur.  Il-plural ta’ mandra hi MNADAR.  Hemm ċans li “mnadar” tkun il-plural ta’ “mandar” – jiġifieri post fejn tista’ “tondor” – tara madwarek.  Imma daqshekk ieħor tista’ tkun il-plural ta’ ANDAR – post fejn jista’ jsir id-dris tal-qamħ.  Imma ma rridux nikkumplikaw wisq l-affarijiet – għax nitfixklu.  L-ismijiet li semmejna aktar ‘il fuq u li qegħdin fil-ktieb ta’ Wettinger, x’aktarx li jirreferu għal postijiet fejn ikun hemm miġbura l-annimali – MANDRA, IMNADAR.  “Nadur” tiġi “Nwadar” u m’għandhiex x’taqsam ma’ mandra. 

MAQGĦAD ILMA

Wara l-ismijiet bil-kelma “mandra”, l-iktar isem li laqatni fil-ktieb ta’ Wettinger kien: MAQGĦAD ILMA.  Sabiħ dan l-isem.  Jogħġobni.  Il-kelma “maqgħad” għadha tintuza xi ftit imma, bħas-soltu, tingħad ħazin.  Il-kelma ma tridx tgħidha “maaagħqad” – għax inkella tiġi post fejn “taGĦqad”.  Il-maqgħad u post fejn xi ħaġa “toQgħod”, allura l-Q trid tiġi qabel l-GĦ.  L-ewwel biċċa trid tkun maħtufa: MAQ/għad.  Post ikun maqgħad jekk fix-xitwa jinġabar l-ilma tax-xita, u joqgħod hemm għal xi żmien.  Il-bdiewa riedu jżommu dan f’rashom, u ma kinux jiżirgħu u jħawlu hemm fi żmien ix-xita, għax jiġi l-wied u jgħarrqilhom kollox.  Imma post bħal dan jagħmel ħafna ħaxix, u jkun tajjeb għar-ragħi tal-bhejjem.  Billi jżomm it-tira, forsi stajt tiftakar fih fis-sajf, u stajt forsi tqassas xi roqgħa u tagħmilha bħajra.

TAL-MAQTA’

F’waħda mill-kitbiet ta’ qabel din, tkellimna fuq l-isem IL-MAGĦLUQ.  Konna għidna li fi żmienna post bħal dan kieku llum jissejjaħ “riserva”.  Fin-nisel tiegħu, il-Magħluq ikun post privat, riservat għall-kaċċa jew għas-sajd u, mgħandniex xi ngħidu, ikun jista jikkaċċja jew jistad biss sidu, jew min għandu l-permess ta’ sidu. 

Issa hawnhekk ltqajna mal-isem TAL-MAQTA’.  B’xorti tajba, l-istudjużi ta’ qabilna ħallewlna ħjiel tajjeb ta’ dan l-isem xi jfisser.  Ma tridx ħafna għerf biex tobsor li l-isem ġej mill-verb “qata’, jaqta’”.  Imma jkollna bżonn xi tifsira aħjar minn hekk.  Skont ma qalilna l-Professur Wettinger, in-Nutar Giuseppe De Guevara darba minnhom iddeskriva t-tifsira tal-isem “il-Maqta’” hekk:  picciolo spatio o campo nel quale si cacciano e prendono tortore a’ suo tempo.  Dan ifisser li l-Maqta’ hi spazju zgħir, jew għalqa, li fiha jikkaċċjaw għall-gamiem fi żmienu.  Imma b’xorti tajba nistgħu inkunu aktar preċiżi minn hekk.  Gian Franġisk Abela jgħidilna hekk:

…perche quasi tutta e’ separata e da per se recinta dicesi Makta, nome derivante da Maktuaa, cioe’ tagliata, vi sona delle carrobiere & altre specie d’alberi abbondevolmente.

Mela l-Maqta’ hi post maqtugħ għalih, u (inżid jien) imkennen mill-elementi, mimli siġar tal-ħarrub u siġar oħra.  Allura ma toħodhiex bi kbira li post bħal dan ikun tajjeb għall-kaċċa.

Mill-bejt tal-blokk t’appartamenti fejn noqgħod jien, s’issa għadni nista’ nara rokna mill-Wied tal-Balluta (ma jdumux ma l-blokok ta’ appartamenti oħra jgħattuni għal kollox).  Fil-parti li nista’ nara, il-wied jaqa’ qisu f’ħofra fonda, u f’dak l-irdoss u l-kenn jikbru ħafna siġar.  In-nies ix-xjuħ ta’ dawk l-inħawi jgħiduli li huma, dal-wied kienu jafuh bħala “Il-Wied ta’ Bużunju” u fi żmienhom kien magħruf ħafna għall-kaċċa tal-gamiem.  “Bisonio” hu rreġistrat bħala l-kunjom ta’ xi ħadd, u mhux ħaġa kbira li dan Bużunju kellu riserva tal-kaċċa hemm.  Kellu Maqta’.

Bi ftit tal-immaġinazzjoni tista’ tara li r-roqgħa mimlija siġar hi maqtugħa għaliha mill-kumplament tar-raba’ maħdum, u sa ftit ilu, ir-raba’ kien jidħol iktar ‘il ġewwa, u r-roqgħa mimlija siġar kienet ferm iżgħar.  Niesna ta’ dari kieku kienu jgħidu li hemmhekk hemm “Maqta’”

IL-MARFA

Fi żmieni, il-vapur t’Għawdex kien jitrakka l-Marfa, mhux iċ-Ċirkewwa fejn jitrakka llum.  Mill-Marfa kont nirkeb fuq l-Imperial Eagle u, jekk ma niżbaljax, fuq il-Jylland.  Bir-raġun li kont nirkeb minn hemm, għax hekk kien isir għal mijiet ta’ snin.  Antikament hemmhekk kienet titrakka l-biċċa tal-baħar li kienet isservi ta’ mogħdija bejn Malta u Għawdex.

L-isem tal-post ma jaqgħax mis-sema.  Il-verb RAFA (kien) ifisser “titrakka” (“Rafa” mingħajr GĦ), w’allura l-post fejn titrakka kien jissejjaħ MARFA.  Bl-istess mod, il-verb RASA kien ifisser “titfa’ l-ankri”, u l-MARSA kien il-post fejn stajt tidħol tistkenn, titfa’ l-ankra, u tinzel l-art.  “Marfa” fejn titrakka, u  “Marsa” fejn titfa’ l-ankra, huma t-tnejn “mimmati” bħalma hi l-kelma “menqa”.  Imma fi żmienna tlifna l-ħila li nħaddmu lsienna b’dal-mod.

Għal mijiet ta’ snin, id-dgħajsa tal-Mogħdija bejn Malta u Għawdex kienet titrakka f’post li għadna sal-lum nirreferu għalih bħala “Il-Marfa” – dik il-kelma hi kelma qadima li tfisser “moll” – post fejn titrakka.  Jien fi tfuliti kemm-il darba rkibt il-vapur t’Għawdex mill-Marfa, u mhux miċ-Ċirkewwa.  Il-moll taċ-Ċirkewwa ġie żviluppat u beda jintuza għal nofs is-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor.

Ġużi Gatt (C)