Fl-artiklu ta’ qabel dan, tkellimna fuq it-tifsira tal-ismijiet ta’ ċerti postijiet.  Xi kull tant dawn l-ismijiet tant huma qodma li llum m’għandniex idea ċara ta’  isimhom xi jfisser tassew.

Imma llum hawn ħafna min jaf li kull fejn hemm il-kelma “Ħal” bħala parti mill-isem, din hi taqsira tal-kelma “raħal”, u li jekk tmur lura biżżejjed fiż-żmien, il-kelma “raħal” kienet tfisser dak li bl-Ingliż jissejjaħ farmstead jew homestead

Kitba ta’ Ġużi Gatt

Nafu wkoll li ħafna drabi l-isem ifisser “ir-raħal”, jew il-homestead,  ta’ xi individwu jew ta’ xi familja.  Fid-dokumentazzjoni qadima insibu dawn l-ismijiet: Ħal Bajjada, Ħal Balzan, Ħal Calleja, Ħal Dimekk, Ħad-Dingli, Ħal Dragu, Ħal Dwin, Ħal Farruġ, Ħal Ġwann, Ħal Għaxaq, Ħ’Ellul, Ħal Kirkop, Ħal Lew, Ħal Lija, Ħal Luqa, Ħal Mula, Ħal Qormi (Curmi), Ħas-Sajd (Ħal Said), Ħal Tabuni,  biex insemmu xi wħud minnhom – għax ħallejna oħrajn barra.  Kollha l-isem jew il-kunjom ta’ xi ħadd jew ta’ xi familja: Attard, Balzan, Axiaq, Kirkop, u l-bqija.

L-ipoġew ta’ Ħal Saflieni ssemma għall-post li fih instab.

ĦAL SAFLIENI u ĦAL FUQANI.

Imma jista’ jagħti l-każ ukoll li t-tifsira tal-isem tkun xi ftit differenti.  Kulħadd sema’ bil-post magħruf bħala “Ħal Saflieni”: fih hemm l-Ipoġew.  Imma l-Ipoġew issemma għall-isem tal-post fejn instab – bl-istess mod li t-“Tempji ta’ Ħal Taxien” issemmew għar-raħal ta’ Ħal Tarxien.   Mela Ħal Saflieni kien isem ieħor bil-kelma “Ħal”.  Issa l-mapep qodma juruna li ftit ‘il fuq minn Ħal Saflieni kien hemm Ħal Fuqani.  Mhix diffiċli ħafna biex nifhmuha din:  Ħal Fuqani kien iktar ‘il fuq minn Ħal Saflieni, u Ħal Saflieni kien iktar ‘l isfel minn Ħal Fuqani.  Wieħed kien fuqani – fuq; u l-ieħor kien saflieni – iktar ‘l isfel.  Ir-raħal ta’ fuq u r-raħal t’isfel.  Mela f’dal-każ, mhux ir-raħal ta’ xi ħadd, imma raħal li qiegħed ftit ‘il fuq fil-għoli u raħal li qiegħed daqsxejn ‘l isfel fil-baxx.

Triq tipika tar-Raħal t’Isfel – fiż-Żejtun.

ĦAL BISQALIN

Għidna li Ħal Saflieni tfisser raħal li qiegħed ftit ‘l isfel, fil-baxx. Hemm isem ieħor li fuq it-tifsira tiegħu ntrabtet “ħrafa” li forsi biż-żmien inneħħuha minn moħħna ħalli nkunu nistgħu nagħrfu t-tifsira vera tal-post.

Iż-Żejtun hemm ir-Raħal ta’ fuq u r-Raħal t’Isfel.  Fil-fatt, iż-Żejtun hemm postijiet oħra bħal Ħal Ġinwi, Ħal Ġwann, Ħal Dmikki…imma għalissa se nieqfu fuq ir-Raħal t’Isfel.  Ħafna Żwieten jafu li r-Raħal t’Isfel jgħidulu wkoll “Bisqallin” jew “Ħal Bisqalin”.  Issa l-ħrafa hi li “Bisqalin” tfisser “Ulied l-Isqallin” – għax dik in-naħa kien hemm ħafna Sqallin.  Dan mhu veru xejn.  L-Isqallin m’għandhomx x’jaqsmu mar-Raħal t’Isfel. 

Fiż-Żejtun ta’ żmieni kien hemm xi nies li kien jisimhom “Pasquale” – isem Taljan li jirreferi għall-Għid.  Bil-Malti, Pasquale ssir “Baskal”.  Niftakar lil “Baskal tar-Roti”, u kien hemm ukoll “Baskal tal-Laħam”.  In-nies ta’ żmieni jafu li dari t-tfal kienu jissemmew għall-ġenituri, jew għan-nanniet.  Jidher li għal ħafna żmien, l-isem ta’ Baskal kien magħruf ħafna ż-Żejtun, u t-tfal jibqgħu jissemmew għan-nanniet.  L-ismijiet spiss kienu jingħataw id-diminuttiv: Peppi jsir Peppinu, Salvu jsir Salvinu, eċċ.  Lejn Dellimara kien hemm post li l-antiki kienu jafuh bħala “l-Kalanka ta’ Klawdin”. Claudio ssir Klawdju bil-Malti, u Klawdju jsir Klawdin (Cloudio żgħir – Claudino).

Issa d-dokumenti antiki juru li isem ir-Raħal t’Isfel ġieli nkiteb “Pasqualinu”.  Din ġejja minn Pasquale; Pasquale ssir Baskal, u Baskal isir Baskalin = Baskal żgħir.  Ir-Raħal t’Isfel issemma għal xi ħadd jismu Pasqualino, bħalma Ħal Luqa ssemma għal xi ħadd jismu Luqa.  L-isem Baskal jew Baskalin baqa’ jintiret fiż-Żejtun, min-nannu għan-neputi, sa żmieni.

ISMIJIET TA’ MISSIRIJIETNA TA’ ĦAFNA ŻMIEN ILU

Ftit ftit, aħna l-Maltin qed nimmaturaw u m’għadniex niċħdu kull ħaġa li għandha x’taqsam “mal-Għarab”.  Ftit ftit qed naċċettaw (tal-anqas dawk li għandhom moħħhom f’postu), li għal xi żmien, missirijietna kienu Misilmin, u kellhom ismijiet li issa m’għadniex nużaw.  Għar Ħasan, Wied Għomor, Għajn Għabdun, Għajn Rasul, Għar Barka, It-Torri ta’ Ġawhar, Triq Ġagħfar, dawn kollha msemmijiet ta’ nies li xi darba għexu fostna, u ħadd minnhom ma kien xi “Tork” li kien hawn biex jisraq lit-tfajliet.

Imma minbarra dawn l-ismijiet “ovvji” hemm oħrajn li jridu ftit iktar spjegazzjoni.  Nittama li ma noqgħodux niġġieldu jekk ngħidu li l-kunjom Abdilla, fin-nisel tiegħu ġej mill-isem Għabd Alla – jiġifieri l-qaddej t’Alla.  Nittama wkoll li ma noqgħodux niġġieldu jekk ngħidu li Għajn Sielem ifisser l-għajn ta’ xi ħadd jismu Sielem – isem komuni ħafna fl-Iżlam.  Min mhux preġudikat jaf li “Sliema” hu isem ieħor – Ta’ Sliema.

Ejja nidħlu ftit iktar fil-fond: Dak il-post li nafuh bħala Birmiftuħ mhu bir miftuħ xejn.  L-isem it-tajjeb hu Bir Muftieħ. “Muftieħ” hu isem komuni fl-Afrika ta’ Fuq, u ħafna żmien ilu kien jinstab ukoll f’Malta. Qrib iż-Żejtun, lejn Ħal Ġinwi hemm post magħaruf bħala “Ta’ Berrikka”.  Trid tiġi “Ta’ Bir Rikka” – Rikka isem ta’ mara. Ħal Warda – “Warda” hu isem ieħor ta’ mara.  U terġa’ hemm isem ieħor li bil-Malti tal-lum kieku jinkiteb “Għubejda”. Dan jitqassar għal “Bejda”, u “Bejda ssir Bajda – Ħal Bajda.

La qbadna maż-Żejtun:  Hemm post ieħor li kien jissemma ħafna fi tfuliti. Kullħadd kien isemmi lil Santa Marija ta’ “Ħantmin”.  Kienet kappella ċkejkna, ftit ‘il barra mir-raħal, imma li kienet għadha tintuża min-nies ta’ dawk l-inħawi, u Tal-Mużew kienu jmorru jagħmlu xi taħdita fiha.  Tinduna mill-ewwel li “ħantmin” hi tgħawwiġa, u li fil-bidu hemm il-kelma “Ħal”.  Għal xi żmien xi ħadd “ikkorreġa” l-isem u għamlu “Ħal Tmiem”.  Għamlu anke t-tabelli, u bdew jgħidu li dak l-isem ġie għax hemmhekk kien hemm il-konfini (it-tmiem) safejn iwassal it-territorju taż-Żejtun.  Din hi tgerfixa kbira.  Aktar tard irranġaw ftit l-isem, bidlu t-tabelli, u għamluh Ħal Tmin.  Din aħjar minn Ħal Tmiem, imma xorta mhix ideali.  L-isem it-tajjeb hu ĦAL TMIM. “Tmim” hu isem importanti fl-istorja tal-Afrika ta’ Fuq, u fiż-żmien kien komuni anke f’Malta. 

Santa Marija ta’ Ħal Tmim – ritratt ta’ Caroline Busuttil (mill-internet)

IN-NAXXAR, IŻ-ŻEBBIEGĦ, U ĦAL ĦARRAT.

F’artiklu ieħor qabel dan konna wrejna l-fehma li l-isem “In-Naxxar” ġej minn wieħed li kien jonxor – imma mhux il-ħwejjeġ.  Kien jonxor bil-munxar, li hu għamla ta’ serrieq, għax dari ħafna njam kien jiġi bħala zkuk tas-siġar sħaħ, u xi ħadd ried jisserra z-zokk biex minnu joħroġ it-twavel tal-qies skont kif jordnawlu. 

Żewġt irġiel jonxru bil-munxar. Ritratt meħud fl-1964, fil-gżira ta’ Samos, il-Greċja. (Ara l-artiklu ta’ qabel dan).

Konna tal-fehma wkoll li l-isem “Iż-Żebbiegħ” ġej minn żebbiegħ, b’ħanut armat f’dawk l-inħawi, li xogħlu kien li jiżbogħ il-merilli tal-ħajt tas-suf li kienu jagħżlu n-nies ta’ dari fuq il-magħżel, imbagħad dal-ħajt kien jintuża fl-insiġ tad-drappijiet fuq in-newl.  Sa ftit ilu kien għad fadal nies li kienu għadhom jiftakru ħwienet ta’ żebbiegħa bħal dawn.

Merilli tal-ħajt tas-suf, miżbugħin, u mdendlin biex jinxfu.

Nistgħu inżidu isem ieħor.  Skont dokumenti qodma, f’Malta kellna raħal ieħor żgħir, bl-isem ta’ ĦAL ĦARRAT.  Bil-limitazzjonijiet ligwistiċi tal-Maltin tal-lum, mhix ħaġa kbira biex dak li jkun jaħseb li dal-post issemma għal xi ħadd li kien jaħrat bil-moħriet.  Imma tistgħu tibqgħu ċerti li dari kien hemm eluf ta’ nies li kienu jaħartu, u għalkemm xi wħud kienu aktar kapaċi minn oħrajn, li tkun “ħarrat” f’dak is-sens ma kienx biżżejjed biex tisdistingwi post minn ieħor.  Li ma tantx hu magħruf hu li “ħarrat” tista’ tirreferi għal xi ħadd li jaħdem fuq it-torn!  Forsi tgħiduli: X’qed tgħid?  Iva, mela x’inhu.  It-torn żgur li ma kienx jaħdem bl-elettriku, imma l-prinċipju tat-torn ilu magħruf minn żmien Żemżem.  L-aħjar ikun li nurukom stampa:

Mid-disinn t’hawn fuq nistgħu nifhmu l-prinċipju ta’ kif jaħdem torn primittiv – bil-qaws u l-watar, jixbaħ lil dak li kien ikollu d-daqqaq tal-qoton.  Nittama li għad hawn min jaf x’inhu “qaws”.  Dan ikun magħmul minn xi fergħa ta’ siġra li tkun għadha tista’ titgħawweġ mingħajr ma tinqasam.  Jew forsi wieħed jista’ juża qasba.  Fiż-żewġ trufijiet tagħha jkun hemm ħabel irqiq, jew lenza, li żżomm il-qaws mgħawweġ f’għamla ta’ nofs tond.  Dan il-ħabel jew lenza, bil-Malti jissejjaħ WATAR. 

Qaws primittiv.

Id-daqqaq tal-qoton, li kien għadu jeżisti f’Għawdex sa qabel il-Gwerra, kien juża l-istess prinċipju tal-qaws – biex IDOQQ il-qoton: il-qoton kien idoqqu biex jagħmlu TAJJAR, u t-tajjar seta’ jingħażel u jsir ħajt.  Bil-ħajt tista’ tinseġ id-drapp fuq in-newl.

Id-daqqaq juża l-qaws biex idoqq il-qoton biċ-ċiek u jagħmlu tajjar.

Issa jekk il-watar ikun imdawwar ma xi ħaġa tonda, din tista’ ddawwarha billi tgħolli l-qaws ‘il fuq u ‘l isfel jew iċċaqalqu ‘l hinn u ‘l hawn.  Bil-kliem mhux biżżejjed.  Bi stampa tifhem aħjar.

B’dan id-disinn, u b’dak ta’ ftit iktar ‘il fuq, forsi wieħed jista’ jifhem aħjar.  F’id waħda żżomm l-għodda, u bl-oħra tinbotta l-qaws ‘il fuq u ‘l isfel.  Il-watar, imkebbeb max-xogħol li qed taħdem fuqu, iddawwar l-injama, u l-għodda taqta’ kollox għat-tond.  B’dal-mod ikollok torn primittiv li kien ilu jeżisti għal eluf ta’ snin.  Mela jista’ jkun li f’Ħal Ħarrat dari kien hemm raġel jaħdem fuq it-torn.  Jista’ jkun ukoll li “il-ħarrat” kien laqam ta’ raġel, jew anke kunjom, u dan kellu r-razzett tiegħu f’dawk l-inħawi.  Imma “ħarrat” hu aġġettiv ieħor bħal naxxar, taħħan, naġġar, żebbiegħ, bajjad, reffiegħ, kennies, sajjied, daqqaq, eċċ.

L-isem Ħal Ħarrat naħseb li hu qadim ħafna – u naħseb li hu eqdem minn meta x-xogħol tal-bizzilla sar komuni f’Malta.  Allura li jkolli ngħid, x’aktarx li dal-ħarrat, jekk kien jeżisti, ma kienx jagħmel iċ-ċombini.  Imma li forsi kien jagħmel xi kolonni żgħar tal-injam, biex iżejnu xi biċċa għamara li kien jagħmel il-mastrudaxxa mhix ħaġa impossibbli.  Ix-xogħol tat-torn hu qadim ħafna.

Ix-xogħol tat-torn hu qadim ħafna.

FORSI L-EWWEL DARBA LI ISEM “GĦAWDEX” INKITEB BIL-ĦOSS KIF NAFUH ILLUM?

Il-Konti Ruġġieru ma keċċiex l-Għarab minn Malta.  U lanqas ma keċċihom minn Sqallija.  Il-Konti rebaħ il-gżira ta’ Sqallija, u kull min jgħix fiha kellu jaċċettah bħala l-mexxej tiegħu.  Għal ħafna żmien, nies ta’ nisel Għarbi kienu jgħinu lill-Konti fl-amministrazzjoni tal-pajjiż.  Forsi l-iktar Għarbi magħruf fosthom hu wieħed jismu Bu Għabd Alla Bin Muħammed L-IDRISI.  Dan kien studjuż tal-Ġografija u kiteb ktieb magħruf ħafna.  Il-ktieb kien jismu: “Ktieb Ruġġier”, u nkiteb mhux għall-Konti, imma għal ibnu: Ir-Re Ruġġieru II. 

Fil-ktieb kien hemm ħafna mapep li bejniethom kienu jiġbru kulma kien magħruf  dak iż-żmien fuq kif kienet il-mappa tad-dinja. Fost dawn il-mapep kien hemm waħda li turi lil Malta u Għawdex.

Dettal mill-mappa ta’ Bu Għabd Alla Muħammed l-Idrisi, meħuda mill-ktieb The Pre-Siege Maps of Malta, ta’ Albert Ganado u Joseph Schirό

Li hu interessanti hu li isem Għawdex hu miktub kif nafuh aħna – għalkemm l-GĦ ta’ quddiem kienet GĦ “ħarxa” – rgħajn, kif baqgħu jgħidu n-nies tal-Għarb sa ftit ilu.  Bl-Għarbi tinkiteb hekk: غودش

Aħna mdorrijin nisimgħu li isem Għawdex kien jingħad GAUDISIUM fi żmien il-qedem.  X’aktarx li dan kien il-mod formali ta’ kif kien jinkiteb l-isem, u fuq fomm in-nies l-isem kien jinħass aktar bħala “Gawdis”.  Meta l-isem ltaqa’ mas-Semitiku, il-“G” ta’ quddiem saret “rgħajn”, imma wieħed jinnota wkoll li l-“S” tal-aħħar diġa kienet saret “X” – anke kważi disa’ mitt sena ilu, meta tpenġiet din il-mappa.

Malta kienet diġa Malta – ﻤﺂﻠﻄة

Kemmuna kienet diġa Kemmunaﻜﻣﻮﻧة

Jekk ma nitilfuhx, lsienna hu minjiera ta’ tagħrif storiku li jitfa’ dawl qawwi fuq l-istorja ta’ niesna, u jgħinna biex nifhmu iktar lilna nfusna llum.

(C) Ġużi Gatt