Nieħdu gost ninnutaw li l-artikli li nxandru f’Ilmiklem.com jidher li jintlaqgħu tajjeb mill-qarrejja tagħna, u ħafna jikkummentaw u jgħidu tagħhom fil-kummenti li jidhru taħt l-artiklu. Allura llum nixtieq li nieħu ftit vantaġġ minn dan il-fatt u nitlob l-għajnuna tal-qarrejja biex forsi naslu biex nikklassifikaw sewwa id-DUGĦ tal-qasab li dari kien tant indispensabbli għal missirijietna. Dan hemm bżonn li jsir għax ftit ftit qed jintilef l-għarfien ta’ din is-sengħa tal-qasab, qed nitilfu l-kliem u t-tifsira tajba tiegħu, u qed jibdew l-argumenti ta’ x’inhu xiex.
Kitba ta’ Ġużi Gatt
Irridu naslu fi stat li nkunu nistgħu inpenġu disinn li juri dawn il-kontenituri “apparagun” – jiġifieri to scale, u naqblu fuq ismijiethom. Il-kelma DUGĦ m’għandhiex titħalla tintilef, u tirreferi għall-kontenituri li l-bidwi juża biex jieħu l-biegħa l-Pitkalija, jew biex jgħabbi fuq il-karettun jew trakk biex ibiegħ lix-xerrejja. Id-dugħ modern hu dawk il-kontenituri l-ħodor, tal-plastik, li naraw għand il-bejjiegħa tal-ħaxix illum. Dari, id-dugħ kien ikun tal-qasab.
IL-MEZZA
U hu appuntu minn hawn li jaqbel li nibdew – għax ma jidhirx li hemm kustjonijiet fuq l-isem ta’ dak il-kontenitur tal-qasab li dari kien jinqeda bih il-bidwi għal dan l-iskop: Kulħadd jaqbel li dari l-bidwi kien juża l-MEZZA.
Ritratt mill-internet, li juri mezez li xi wħud minnhom jidhru qodma mhux ħażin, għalkemm l-arranġament jidher li sar m’ilux ħafna għal skopijiet ta’ xi wirja. Imma ma jidhirx li hemm argumenti li l-bidwi dawk kien juża biex imur għand il-Pitkal jew biex ibiegħ lix-xerrej.
Il-mezza mhix diffiċli biex inpenġuha u naslu biex naqblu fuq l-għamla tagħha. Wieħed irid jgħid mill-ewwel li l-kampjuni li għadhom jeżistu juru ċerta avarija fid-daqs, imma dan mhux importanti ħafna għax xorta naslu biex naqblu fuq id-daqs bejn wieħed u ieħor, u li l-għamla hi ċilindrika – bil-ġnub niżlin għad-dritt, u b’żewġ widnejn fil-ġnub. Bil-ġenb tagħhom dritt, il-mezez joqgħodu aħjar fuq ix-xatba tal-karattun, joqgħodu aktar marsusin milli kieku kellhom il-ġenb għamla ta’ l-ittra V. Għalkemm aħna użajna l-kelma “widnejn” u “widna”, in-nies tas-sengħa iktar kienu jużaw il-kelma “maqbad”. Minbarra l-mezza, jidher ukoll li kien hemm in-nofs mezza.
IL-QOFFA TAT-TAĦMIL
Minn hawn nistgħu nimxu biċċ’oħra. Għax hu żgur ukoll li l-ħaddiema ta’ dari, meta kienu jiġu biex IĦAMMLU l-ħamrija ħalli jikxfu l-blat biex jibda jinqata’ l-ġebel mill-barriera, jew biex iġorru l-laqx u t-terrapien li jinqala’ waqt ix-xogħol tal-bini u tqattigħ ta’ trinek, kienu jużaw QOFFA. Din kienet QOFFA TAT-TAĦMIL u wieħed irid jgħid mill-ewwel li għalkemm qed ninkluduwha f’dan l-artiklu, qed nagħmlu dan minħabba isimha, għax din ma kinitx tkun tal-qasab imma magħmula MIX-XITLA TAL-VIRGI, li kienet tagħmel zkuk twal u irqaq imma b’saħħithom ħafna, u b’hekk il-qoffa kienet tiflaħ iktar għall-istrapazz ta’ xogħol tqil. Imma min kien kapaċi jagħmel mezza tal-qasab, kien jaf jagħmel ukoll qoffa tal-virgi, allura l-qoffa tat-taħmil żgur mhix barra minn postha hawnhekk.
Mela bis-saħħa t’hekk nistgħu nibdew inpenġu disinn li juri l-MEZZA u l-QOFFA tat-taħmil, ħdejn xulxin, apparagun, biex nieħdu idea:
Mezza, u Qoffa tat-taħmil – il-qoffa ftit iżgħar mill-mezza
QFIEF TA’ KULL DAQS
Imma naħseb li nistgħu nimxu biċċ’oħra mingħajr ma jinqalgħu ħafna argumenti. Il-Maltin tal-lum għadhom jaqblu li jeżistu wkoll ħafna qfief oħra, li bejn wieħed u ieħor għandhom l-istess għamla, imma li huma ta’ daqsijiet differenti. Dawn għadna nafuhom bħala: Qfief tat-Tut, Qfief taċ-Ċawsli, Qfief tal-Frawli, eċċ. Ikollhom l-istess għamla ċilindrika, bil-ġnieb dritti, u b’GĦALAQ (din, għarukaża, hi kelma li m’għadhiex tintuża, imma li kienet komuni, tingħad il-ħin kollu fi żmieni) handle, widna, maqbad, nofs tond, li jasal minn ġenb għall-ieħor. Billi semmejna t-tut, iċ-ċawsli, u l-frawli, ma jfissirx li ma jistax ikollok, ngħidu aħna, iċ-ċirasa, u għaliha ma tistax tuża dil-qoffa wkoll. Jew jista’ jkollok iż-żinżli. Il-frott ikun x’ikun, anke tadam żgħir, imbasta frott żgħir li joqgħod fil-qoffa.
Dawk ta’ fuq quddiem: Qfief maħsuba biex jieħdu fihom frott żgħir. Daqsijiet differenti. Ritratt mill-internet.
Mela issa nistgħu inpenġu disinn ieħor. Qfief maħsuba għall-frott iż-żgħir. Jidhirli li naqblu li dawn “qfief” jissejħu:
Qfief ta’ daqsijiet differenti, kollha t’għamla ċilindrika u b’għalaq nofs tond. Dawn li qed nuru huma żgħar u kollha maħsuba għal affarijiet fiċ-ċokon, imma kien hemm ukoll qfief kbar li nitkellmu fuqhom meta naslu għall-bixkilla.
L-AMMIRALL, IL-PITKAL, L-ISPTAR, U TAT-TRINEK
Hawnhekk se nieħdu xi siltiet mill-ktieb ta’ Paul P. Borg: Snajja’ u Xogħol il-Maltin – It-Tieni Volum. Il-kapitlu li jidher minn paġna 105 sa paġna 115, kien jismu: Tal-Qasab.
“L-Ammirall kien jordna minn għand tal-qasab, kwantita kbira ta’ qfief biex imbagħad jintużaw mill-ħaddiema Maltin li kienu jbattlu l-bastimenti tal-faħam…”
“Johnny Tal-Pandora kien jagħmel qfief ukoll għall-isptar. Dawn kienu jkunu qfief kbar, kienu jqiegħdu l-ħobż fihom ħalli jġorruhom sala sala, qishom banjijiet kbar…”
“U m’għand il-Gvern konna nieħdu l-offerta biex nagħmlu aktar qfief ħalli l-ħaddiema jtellgħu it-trab mit-trinek li kienu jħaffru fit-toroq…”
“Lil tal-Gvern konna nagħmlulhom il-qfief suwed kollha kemm huma. Konna nagħmlu qfief ukoll għaċ-ċimiterju, suwed ukoll kienu jkunu, biex iniżżluhom fil-qbura biex inaddfuhom mill-għadam jew biex iniżżlu l-għodda…”
“ Lill-Ammirall, biex jintgħażlu sewwa, il-qfief tar-reffiegħa tal-faħam, kienu jinsġulhom il-qasab f’ilwien illi ħadd ma jista’ jisirqilhom il-qoffa mingħajr ma jinqabad…”
Wieħed hawnhekk ta’ min jgħid li jekk il-qfief ikunu “kollha suwed”, dan x’aktarx juri li jkunu tax-xitla tal-virgi. Il-qfief tal-faħam kienu jinsġulhom faxx qasab isfar, imbagħad faxx iswed, faxx ieħor isfar, u taħtu faxx iswed. B’dal-mod, jekk xi ħadd ikollu qoffa bħal dik kont tista’ tgħidlu: “Dik sraqtha lil tal-faħam!”
MIN JAGĦMEL QOFFA, JAGĦMEL QARTALLA
Jew hawn min jgħid: “Min jagħmel b’bixkilla, jagħmel b’qartalla.” Fuq jekk hix bixkilla jew qoffa, nitkellmu dalwaqt. Imma għalissa ejja nibqgħu fuq il-QARTALLA. Kollha naqblu li l-QARTALLA hi l-ikbar fost id-dugħ tal-qasab li kellu l-Malti dari. “Imlejt rasi daqs qartalla” konna ngħidu. La tkun ftit kbira, l-aħjar li ma timlihiex b’affarijiet tqal għax inkella jkun diffiċli biex iġġorrha. Kienet tintuża, ngħidu aħna, biex timtela’ bid-demel tal-bhejjem, li meta jinxef ikun ħafif, biex iġġorru minn fuq id-demmiela għal ġol-għalqa, jew bil-pal tal-bajtar tax-xewk ħalli tqattgħu rqiq u tagħtih lin-nagħaġ u l-mogħoż billi għal ħafna żmien tas-sena ma kienx ikun hawn għalf “aħdar” ieħor. Forsi stajt iġġorr ukoll il-ħatab għall-forn, speċjalment jekk qed tuża x-xewk niexef biex taħmi. Dawn kollha huma affarijiet goffi imma ħfief.
L-aktar għamla komuni tal-qartalla jidher li kienet għamla ta’ kikkra ta’ daż-żmien. Imma għalhekk id-disinji huma importanti, għax meta jaraw l-għajnejn, il-moħħ jifhem aħjar:
Disinn biex naraw il-qartalla apparagun mal-mezza u mal-qoffa tat-taħmil. Id-daqsijiet kienu jvarjaw xi ftit, imma d-disinn jagħti idea tajba.
QOFFA JEW BIXKILLA?
Mela hawnhekk fejn se jkollna bżonn l-għajnuna tagħkom. Hawn xi ħadd minnkom li għandu żmien daqsi, u jiftakar il-bejjiegħa jiġru fit-toroq bil-mixi, jgħajjtu fit-triq, u jbiegħu iċ-ċiċri, il-karawett, il-ful niexef, u affarijiet oħra bħal dawn? Iva, bħal dak tal-istampa t’hawn isfel. Din il-pittura ħadniha mill-internet, mill-Facebook, u min qegħdha hemm kiteb dak il-kliem li qed inġibu taħtha. Nittamaw li l-pittur bravu Paul Caruana ma jiddejjaqx li ġibniha.
Issa dak il-bejjiegħ tal-istampa, x’għandu taħt driegħu – qoffa jew bixkilla? Jien naqbel ma’ dak li kiteb il-kitba t’hawn taħt. Il-bejjiegħ għandu QOFFA f’idu.
Fl-artiklu fuq “Tal-Qasab” li semmejna aktar ‘il fuq, safejn nista’ nara jien, il-bixkilla ma tissemmiex.
Mela bixkilla kif tkun?
Akkwarell jixgħel u mimli moviment ta’ Paul Caruana li jfakkar lil Bajboba minn Ħaż-Żabbar li kien jinżel id-Diju Balli jbiegħ il-bigilla minn ġo qoffa.Din mhux jien ktibtha, imma kitibha min tefa’ l-istampa fuq Facebook.
X’inhi qoffa u x’inhi bixkilla mhix mistoqsija ħafifa daqs kemm taħsbu. Jien naqbel ma’ min tefa’ l-istampa fuq l-internet. Il-bejjiegħ QOFFA għandu fuq driegħu, u li dari kien hawn qfief ta’ kull daqs – ibda mill-qfief iż-żgħar tat-tut, ċawsli, eċċ., qfief tal-ħaddiema li jaħdmu fil-ġebel, u qfief ta’ kull daqs għall-bejjiegħa li jbiegħu kull xorta ta’ biegħa. Mela liema hi l-bixkilla?
Ejja nibdew minn x’imkien. Il-kelma BIXKILLA hi qadima u ilha ħafna fl-ilsien Malti. Isemmuha l-eqdem żewġ dizzjunarji li għandna u li huma daqsxejn tal-affari tagħhom: isemmiha kemm Agius De Soldanis u anke Mikiel Anton Vassalli.
Ħadd minnhom ma kellu dubju: il-bixkilla, bit-Taljan, iddeskrivewha bħala: fiscella, paniere, cestello, paneruzzolo.
Issa ejja nfittxu fl-internet tal-lum u nitolbuha ssibilna stampa ta’ paniere. Fost l-oħrajn tagħtina din:
Paniere medio – isola dei sapori
Issa ejja nfittxu fiscella. Insibu din:
Imma għandna bżonn iktar minn hekk. Fost il-karti li għandi, sibt sett ta’ 13-il ritratt antik, li Alla biss jaf kif ġew għandi. Imma għandhom miktub:
Scenes of the past – Set of 13, Produced by Dickens Library.
Qbadt ritratt minnhom, qtajt biċċa minnu, u ħareġ dad-dettal:
Din il-mara Maltija ta’ dari x’għandha f’idha? Bixkilla – ngħid jien. Toqgħod tgħid, dil-mara qisha għandha l-istess bixra ta’ nannti. U nannti kellha misluta eżatt bħal dik ukoll – imma r-ritratt naħseb li hu eqdem. In-nanna bixkilla kellha, u niftakarha sew, u tgħidx kemm ġrejt biha jien ukoll.
U dawn in-nisa x’għandhom ħdejn saqajhom? Bxiekel, ngħid jien.
Ġuże Aquilina jaqbel li l-kelma BIXKILLA ġejja mill-kelma Taljana fiscella. L-ittri F, P u B spiss jinbidlu waħda mal-oħra fil-Malti: Pallone jsir Ballun, u Basso jsir Baxx – l-esse saret exxe. Fiscella saret Bixkilla, imma dan ilu ħafna li ġara.
Imma għalkemm il-kelma bixkilla ilha ħafna li daħlet f’ilsienna, xorta mhix qadima daqs kliem Semitiku bħal qoffa u qartalla. Xi darba, ħafna snin ilu, daħlet f’ilsienna mit-Taljan jew mill-Isqalli, u hemm ċans ukoll li aħna għawwiġna ftit it-tifsira tagħha – għax fiscella llum iktar tfisser qậleb kbir bħal tal-irkotta.
Xi darba, ħafna żmien ilu, il-fiscella saret bixkilla fil-Malti u ġiet f’idejn in-nies komuni, l-aktar nisa tad-dar, u kienet tkun il-ħin kollu f’idhom waqt ix-xiri tal-bżonnijiet ta’ kuljum. In-nanniet ta’ żmieni (in-nisa) kollha bixkilla kellhom, u anke jien min jaf kemm ġarrejt affarijiet bil-bixkilla tan-nanna.
Il-bdiewa, il-ħaddiema tal-ġebel, il-bejjiegħa, baqgħu jużaw il-qoffa, speċjalment dawk li kienu jiġu bil-mixi jbiegħu fit-toroq.
Ma niċħadx li kien hawn nisa tad-dar li kienu jgħidu qoffa u mhux bixkilla għal dik li kien ikollhom f’idhom waqt ix-xiri ta’ kuljum. Imma ma nistgħux nibqgħu ngħidu: “Mhux xorta? Min jgħid hekk u min jgħid hekk.” Irridu nikklassifikaw l-affarijiet daqsxejn aħjar.
Fuq nett hemm il-qfief żgħar tat-tut, ċawsli, frawli, eċċ.
Taħt hemm qfief ta’ kull daqs, inkluż dawk ftit kbar li kienu jkunu f’idejn il-bejjiegħa. Kien hemm qfief ikbar ukoll.
IL-KANNESTRU:
Minbarra bixkilla, in-nanna kellha kannestru wkoll. Kien mimli ċraret ta’ kull daqs u kull lewn, u ħwejjeġ bħal qomos, dbielet, u lbiesi li jkunu twarrbu għax tqattgħu jew li tkun ħriġt minnhom. Dawn ma kinux jintremew, għax in-nanna kienet il-ħin kollhu TRAQQA’. Jekk qalziet jiżżarrad jew jitqatta’, speċjalment mill-irkobba, stajt issib biċċa drapp li taqbel mal-kulur tiegħu, minn dawk li kellha fil-kannestru, u malajr tagħmel roqgħa u ssewwi l-qalziet jew x’ikun. Dari ma kien jintrema xejn, u l-ħwejjeġ kienu jitraqqgħu jekk jitqattgħu.
Il-KANNESTRU kien jagħmlu l-ħaddiem tal-qasab ukoll. Fil-fehma tiegħi, kont tarah l-aktar għand is-sajjieda biex iżommu x-xbiek fih. Imma seta’ jintuża minn kulħadd. Jidhirli li d-dugħ aħdar tal-plastik li jużaw il-bejjiegħa tal-ħaxix illum, kannestri jgħidulhom ukoll.
Ritratt mill-internet. Kannestru tas-sajjieda.
Ejjew flimkien niflu ftit dan id-disinn t’hawn taħt:
GĦANDNA BŻONN L-GĦAJNUNA TAGĦKOM:
- Mela fuq nett hemm, mil-lemin għax-xellug: Qoffa tat-Taħmil, ftit iżgħar mill–Mezza li hemm ħdejha, u l-mezza hi ftit iżgħar mill-Qartalla ta’ maġenbha. Jekk xi ħadd jikkonfermalna li kien hemm in-Nofs Mezza, u jgħaddilna stampa tagħha nieħdu gost ħafna. Imma barra minn hekk hemm qartalla kbira – l-ikbar li qatt rajna. Din rajniha f’Mużew tal-Biedja li fetaħ dan l-aħħar fil-limiti tar-Rabat, jismu: Tax-Xierfa. Hemm mill-inqas żewġ kampjuni ta’ qartalla bħal din u t-tnejn jidhru qodma u li fi żmienhom intużaw mhux ħażin. Jekk hawn xi qarrejja li ġie li raw qartalla bħal din, u jafu għal xiex kienet tintuża, nieħdu gost jekk jgħidulna fil-kummenti t’hawn taħt.
- Fit-tieni saff hemm dawk il-qfief żgħar, ta’ daqsijiet differenti, maħsuba biex jilqgħu fihom frott żgħir bħal tut, ċawsli, frawli, u l-bqija. Nixtiequ nkunu nafu wkoll x’inhi ĠONTA. Hawn min jgħid li huma dawn il-qfief iż-żgħar li jissejħu ġonot; u hawn min jgħid li ġonta hi xi meżża li tkun ftit iżgħar mis-soltu.
- Imbagħad hemm dawk il-qfief kbar li kienu l-aktar f’idejn il-bejjiegħa fit-toroq; pastizzi, bigilla, karawett u ċiċri, penit, u rkotta – kollha niftakar lill-bejjiegħa jbiegħuhom minn ġo qoffa.
- Il-bixkilla kont issibha l-aktar f’idejn il-mara tad-dar, u nissuspetta li fi żmieni, ħafna minnhom kienu jiġu minn barra, u kellhom n-nisġa tal-qasab ftit iktar fina. Imma fuq din lesti li nisimgħu fehmiet oħra.
- Taħt nett hemm kannestru, li dari kellu ħafna użu wkoll. Anke minn dan kien hemm daqsijiet differenti.
BIEX MA TAĦSBUX LI NSEJNIHOM:
ĦSAJJAR u QNIENEĊ (wieħed jissejjaħ qanniċ – li hu fence li jservi bħala lqugħ mir-riħ għall-uċuħ tar-raba’ u s-siġar). Dawn isiru mill-qasab ukoll. Fil-każ tal-ĦASIRA, tintuża qasba ħoxna li titfellel f’vireg irqaq, u l-ħasira tintniseġ minn dawn il-vireg. Fil-każ tal-QANNIĊ, dan isir minn qasab irqaq li jintnisġu sħaħ, ma jaqsmuhomx.
QWIELEB tal-ġbejniet mis-siġra tal-ġummar, u qwieleb ikbar għall-rkotta mix-xitla tad-dis. Ix-xogħol tagħhom hu simili għal dak tal-qasab, imma x’aktarx li kienu jsiru minn ħaddiema oħra, mitfugħin fuq dak ix-xogħol biss.
ĠWIELAQ u KPIEPEL tal-ġummar. Dawn ukoll simili għax-xogħol tal-qasab, imma x’aktarx li jsiru minn ħaddiema oħra.
NASES tas-sajd. Dawn ukoll magħmula minn ħaddiema mitfugħin fuq dak ix-xogħol.
ŻENBIL: Din daqsxejn tqila biex tispjegaha. Id-dizzjunarji tagħna jafu bil-kelm ŻENBIL u jiddiskrivuha bħala basket kbir li kien jinġarr fuq il-pannell mill-bhejjem. Aquilina jagħti dawn l-eżempji:
“F’Novembru jaqtgħu, ikissru, u jżenblu.”
“Mur raqqa’ żenbilek!”
“Ħmir biż-żenbil fuq daharhom.”
Erin Serracino Inglott jgħid li dal-basket kbir kien magħmul “mill-ħaxixa”, imma jsemmi l-ġummar ukoll. Aquilina jgħid li kien magħmul mix-xitla magħrufa bl-Ingliż bħala broom, imma din tidher li hi rari ħafna f’Malta (ġenista safra?). Iktar naħseb li kien tal-ġummar. L-għarfien ta’ kif kien, jidher li tlifnieh. Hekk jew hekk, il-bhejjem fi żmienna ftit għadhom jgħabbu fuq il-pannell. Ara r-ritratti aktar ‘l isfel.
Ħasira. Ritratt mill-Wikimedia commons.
Wieħed jista’ jara l-qnieneċ tal-qasab li jservu biex jilqgħu ir-riħ. Minbarra “qanniċ/qnieneċ” dawn jissejħu “milqa’, milqgħat” ukoll. Ir-ritratt ħadnieh mill-internet, u jidher li hu ta’ Mario Muscat.
Qaleb mill-kbar – bħal dawk tal-irkotta. Dan tar-ritratt kien għall-Ġobon tan-Nar.
Ġewlaq mix-xitla tal-ġummar – mill-internet
Min jagħtik żenbilu, għabbilu. Ritratt ta’ barra minn Malta, imma iż-ŻEMBIL kien xi ħaġa hekk u kien jinġarr b’dal-mod
(C) Ġużi Gatt

















