Nhar is-Sibt u l-Ħadd 18 u 19 ta’ Mejju, 2024, il-Knisja f’Malta ċċelebrat GĦID IL-ĦAMSIN. Imma fil-kitba kollha li kitbu bi tħejjija ma qalux “Għid il-Ħamsin” imma “Il-Pentekoste”. Min jaf? Forsi jħossuhom iktar moderni meta jiktbu hekk? Jaħsbu li se jiġbdu aktar nies lejn il-knisja – għax moderna? Wara kollox “Pentekoste” ġejja mill-Grieg, u tfisser “il-ħamsin jum minn…”. Jiġifieri m’hemm xejn ħażin fl-isem Malti. Għid il-Ħamsin jaħbat eżatt ħamsin jum mill-GĦID IL-KBIR – għalkemm il-Knisja llum tiċċelebraħ fl-aktar Ħadd konvenjenti, jew qrib id-data proprja.
Il-fatt li t-terminoloġija tar-Reliġjon Nisranija f’Malta hi miżgħuda bi kliem ta’ nisel Semitiku hu ta’ interess storiku kbir, u jkun dnub jekk naħdmu minn taħt biex dejjem innaqqsu minnu.
Kliem ta’ Ġużi Gatt
Il-kelma GĦID tfisser festa, u dari kienet tgħodd għal kull festa – l-iktar dawk fil-Kalendarju Liturġiku tal-Knisja. L-ikbar festa għall-Knisja kienet appuntu tissejjaħ L-GĦID IL-KBIR. Illum tista’ tgħid li n-nies irnexxielhom jeqirdu dil-kelma minn ilsienhom, u kulħadd jgħid “l-ijster”. Il-Knisja kellha, jew għandha, iktar GĦIDIEN (jew “għajjieda”) minn dak il-wieħed prinċipali li jissejjaħ L-Għid il-Kbir. Kellna L-GĦID TAL-IMWIET, GĦID il-ĦAMIEM, u dak li bdejna bih: GĦID IL-ĦAMSIN.
KALENDARJU QADIM MAĦRUĠ MIS-SOĊJETA AGRARJA TA’ MALTA
Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju tal-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti. Billi s-Soċjeta Agrarja ta’ Malta twaqqfet fl-1844[1], dan il-kalendarju ħareġ kmieni ħafna fl-istorja tagħha. Dnub li bil-Malti ħareġ biss għal dawk is-sentejn, għax tas-Soċjeta Agrarja ma damux ma qatgħu qalbhom li jsibu xi ħadd li jaf jikteb u li jaf jagħtihom tagħrif bil-Malti biex ixandruh fil-kalendarju tagħhom. Allura wara sentejn reġgħu ħarġu l-Kalendarju bit-Taljan biss. Il-Kalendarju tal-Bidwi ismu miegħu: u kien maħsub l-aktar biex jagħti tagħrif lill-qarrej dwar x’jiġri, xahar b’xahar, matul is-sena tal-biedja: It-tqassim tax-xogħol, meta għandu jinżera’ t-tali wiċċ, jew meta għandu jinġabar it-tali frott, il-fażijiet tal-qamar, u tagħrif ieħor bħal dan.
Imma ma setgħax jonqos li l-Kalendarju jagħti tagħrif ukoll fuq ir-ritwal tal-knisja – il-festi kmandati, il-ġranet tas-sawm, meta jista’ jsir jew ma jistax isir żwieġ, meta se jaħbat l-Għid il-Kbir, u l-bqija. Billi fi żmienna d-dinja inqalbet ta’ taħt fuq u ħajjitna inbidlet mil-lejl għan-nhar, xi ftit minn dan it-tagħrif issa sar “folklor”, u f’dil-kitba nixtiequ niġbdu l-attenzjoni għal xi kurżitajiet li nsibu f’dan il-kalendarju qadim.
IL-ĦAMIEM IMQADDES.
Ngħidu aħna laqatni ħafna l-fatt li s-Sibt 6 ta’ Jannar, tal-1849, għall-Kalendarju tal-Bidwi kien Il-Ħamiem Imqaddes. Bit-Taljan kien hemm miktub li f’dik id-data kienet taħbat l-Epifania di Nostro Signore. Is-7 tax-xahar kien l-ewwel Ħadd fuq il-Ħamiem, u mit-tmienja sat-tlettax tax-xahar kienet l-Ottava tal-Ħamiem. It-28 ta’ Jannar kien ir-raba’ Ħadd fuq il-Ħamiem. Il-fatt li l-Maltin kienu jafu l-Epifania bħala Għid il-Ħamiem hu ta’ interess storiku kbir, u dan il-fatt m’għandux jitħalla jintnesa. Ħafna snin ilu, il-Professur Pietru Pawl Saydon kien diġa nduna b’dan u kiteb nota fuq dan il-fatt, nota li xxandret fil-Melita Theologica, Vol. VII, Nru. 1. Il-Profs fakkar li fil-kalendarju tal-Knejjes “tal-Lvant”, dawk tar-“Rit Grieg”, is-6 ta’ Jannar kienet il-festa tal-Magħmudija ta’ Kristu. X’aktarx li l-isem it-tajjeb kellu jinkiteb Għid il-Ħammiem, jew Il-Ħammiem Imqaddes. “Ħammiem” b’doppja M, tfisser “banju”, u l-kelma tirreferi għall-magħmudija ta’ Kristu, meta niżel kollu kemm hu fl-ilma tax-xmara Ġurdan. Dan hu ħjiel ieħor li qabel ma qabad l-art ir-rit Latin, f’Malta kien hawn ir-Rit Grieg li, ftit ftit ġie eliminat biex il-Knisja Maltija tkun konformi ma’ dik ta’ Ruma. Ftit ftit ġie eliminat ukoll ħafna kliem Semitiku li hu importanti li ma jintilifx, għax jitfa’ ħafna dawl fuq l-istorja ta’ Malta. Il-kelma “ħammiem” bit-tifsira ta’ “banju” teżisti fl-ilsien Malti għalkemm issa gerfixniha u għamilniha “ħamiem”. Il-ħamiem li jtir fl-ajru m’għandu x’jaqsam xejn. Lejn l-Mdina hemm post li llum jinkiteb “Għajn Ħamiem”. L-isem it-tajjeb kellu jkun “Għajn il-Ħammiem” – u l-isem kien jirreferi għall-għajn tal-ilma li kienet tforni l-ħammiem, il-banjijiet (li llum kieku kienu jgħidulhom “Turkish baths”) li kull belt Medjevali tal-affari tagħha kien ikollha. Tant hu hekk li anke l-belt Medjevali t’Għawdex, li llum insejħulha “Ċittadella” imma li missirijietna ta’ dari kienu jafuha bħal “l-Mdina”, kellha “ħammiem” ukoll. Ftit ‘il barra mis-swar taċ-Ċittadella hemm “Għajn il-Ħamimiet”. Anke hawnhekk, il-ħamimiet tal-ajru m’għandhom x’jaqsmu xejn. Dan l-isem ġieli nkiteb ukoll “Għajn Ħammem”, u anke f’dan il-każ qed nirreferu għall-banjijiet pubbliċi. Jiġifieri f’Malta għandna l-Mdina, Għajn il-Ħammiem, u ‘il barra mill-Mdina insejħulu r-Rabat; u Għawdex ukoll kellhom l-Mdina, Għajn il-Ħammiem, u post li jsejħulu r-Rabat.
[1] https://theagrariansocietyofmalta.webs.com/
INKOMPLU FUQ IL-ĦAMIEM IMQADDES.
Mela qegħdin ngħidu li “Il-Ħamiem Imqaddes” li semma il-Kalendarju tal-Bidwi li ħareg fl-1849, u li kien jaħbat fis-sitta ta’ Jannar, kien jirreferi għall-festa tal-Epifanija. Imma qed ngħidu wkoll li fin-nisel tagħha “Il-Ħamiem Imqaddes” tirreferi għall-festa tal-Magħmudija ta’ Kristu. L-Epifanija (jew it-Tre Re) u l-Magħmudija ta’ Kristu m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin. Mela x’qegħdin ngħidu, sewwa sew?
Qegħdin ngħidu li jekk ma nħallux l-għedewwa jeqirdu kull tagħrif storiku li joħroġ minn ilsienna, inkunu nistgħu nintebħu li qabel ma daħal ir-rit Ruman (li jaqbel ma’ dak tal-Vatikan u l-Knisja Kattolika), il-knisja ta’ Malta u Għawdex kienet timxi b’ritwal li iktar jaqbel mar-rit “Grieg”. Fis-sitta ta’ Jannar, il-Kalendarju Ruman jiċċelebra t-Tre Re, imma missirijietna, talanqas sas-sena 1849, kienu għadhom jgħidu kliem li kien jikxifhom li xi darba kienu jafu li s-sitta ta’ Jannar kienet il-festa tal-Magħmudija ta’ Kristu – kif jiġri fir-rit Grieg.
Naf li din irrid infissirha iktar fid-dettal, allura se ngħidilkom ukoll din l-istorja:
San Mikiel is-Sinċier, jew Sanċir? Issellifna ftit id-disinn li kien penġa Kilin.
SAN MIKIEL IS-SINĊIER?
Fit-triq li mir-Rabat tieħdok għal dak il-post imsejjaħ “Il-Fiddien”, fuq idek il-leminija għandek tara kappella żgħira li għadha mibnija bi stil qadim ferm. Sakemm tibqa’ hemm u ma taqgħax u ssir borġ ġebel, għadek tista’ tara li hi kappella qadima ħafna. Il-kappella, illum, hi ddedikata lil San Mikiel, imma l-Maltin ta’ dawk l-akkwati baqgħu jżidu kelma oħra mal-isem ta’ San Mikiel: baqgħu jgħidu SAN MIKIEL SANĊIR, jew SAN MIKIEL Is-SINĊIER. M’għandniex xi ngħidu, ħafna esperti malajr jagħtu l-interpretazzjoni tagħhom il-għala n-nies, lil San Mikiel qalgħuhielu “Is-Sinċier”. Jien għandi t-teorija tiegħi (li wara kollox ħareġ biha l-ewwel wieħed il-Professur Stanley Fiorini).
Fin-nisel tagħha, dik il-kappella kienet iddedikata lil SAN ĊIRIJAKU. Dan il-qaddis jgħidu li twieled fil-belt ta’ Korintu, il-Greċja, fi żmien l-Imperatur Teodosju. F’żogħżitu ħarab mid-dar u mar jgħix ta’ eremita f’Ġerusalemm. Jgħidu li kellu 107 meta miet. Din emminha jekk trid, imma l-fatt hu li San Ċirjaku kellu devozzjoni kbira lejh fil-Knisja tal-Lvant, li titkellem bil-Grieg. Il-festa tiegħu (skont il-Kalendarju Grieg) taħbat fid-29 ta’ Settembru.
Bil-Malti ngħidu: Iż-żmien itul u l-Qarn idur. “Il-Qarn” hawnhekk hi kelma qadima (li issa armejniha) u li tfisser “ċentinarju” – mitt sena. It-tifsira hi li ż-żmien jgħaddi u l-affarijiet jinbidlu – ma jibqgħux li jkunu. Kif semmejna aktar ‘il fuq, ġie żmien meta l-awtoritajiet tal-Knisja f’Malta riedu jaqilbu kollox għar-Rit Ruman tal-Knisja mmexxija mill-Vatikan, u ftit ftit, nessew u qalgħu r-Rit Grieg minn fostna. Imma d-devozzjoni tan-nies lejn il-kappella ta’ San Ċirjaku diġa kellha għeruq fondi, u diġa kienet issir xi “festa” żgħira, (li missirijietna kienu jafuha bħala “IŻ-ŻERDA”).
Is-soluzzjoni kienet din: Il-festa ta’ SAN ĊIR (għax hekk kienu jsejħulu missirjietna) kienet fid-29 ta’ Settembru. Imma dak skont il-Kalendarju Grieg. Id-29 ta’ Settembru, skont il-kalendarju Ruman, kienet il-festa ta’ SAN MIKIEL. Allura d-devozzjoni marbuta mal-kappella li kienet issir fid-29 ta’ Settembru baqgħet issir, imma uffiċjalment kien jingħad li d-devozzjoni kienet lejn San Mikiel – għax dik kienet il-ġurnata tiegħu skont il-Kalendarju li riedet tinbotta l-Knisja f’dak iż-żmien.
Bl-innoċenza kollha, il-Maltin baqgħu jgħidu “San Mikiel is-Sanċir” u l-ilsien Malti żamm fih il-ħjiel li għandna bżonn biex dan id-dettal tal-istorja ta’ pajjiżna ma jintesiex.
Il-Festa ta’ San Mikiel ukoll taħbat fid-29 ta’ Settembru, imma skont il-kalendarju Ruman.
L-GĦID TAL-ERWIEĦ, jew L-GĦID TAL-IMWIET
B’xorti tajba, u ftit ftit, qed jerġgħu jirxuxtaw id-drawwiet li dari kellna għat-tnejn ta’ Novembru, u forsi anke għal Novembru kollu. Il-kulturi kollha tad-dinja kienu jsibu żmien speċjali biex, ta’ kull sena, jagħmlu festa b’tifkira tal-mejtin tagħhom. Wara kollox anke l-famuż Halloween, hu mibni fuq l-idea li fil-festa tagħhom, fil-jum iddedikat lilhom, il-mejtin joħorġu minn taħt l-art u jersqu lejn id-djar fejn darba kienu jgħixu. Skont dan il-ħsieb, l-erwieħ jinsistu li fid-dar jaraw sinjal li l-ħajjin għadhom jiftakru fihom – għalhekk llum, tfal lebsin ta’ “erwieħ” iħabbtulek il-bieb u jgħidulek “trick or treat” – u fil-prattika din tfisser “tina xi ħaġa tajba għax nagħmlulek xi vendikazzjoni”; “Aħseb fina għax inkella nieħdu għalina”. Il-Halloween hi drawwa barranija li issa ħadet mad-dinja kollha (u allura aħna mhux se noqgħodu lura u ma nagħmlux bħal ħaddieħor).
Fil-festa tagħhom, il-mejtin jiġu jiċċekkjaw biex jaraw li l-ħajjin għadhom jiftakru fihom.
Aħna l-Maltin f’Novembru niftakru wkoll fil-mejtin tagħna. Għall-Kalendarju tal-Bidwi li semmejna aktar ‘il fuq, it-tnejn ta’ Novembru kien L-Għid tal-Imwiet. Dan l-isem qed jerġa’ jibda jintuża ftit. Xi parroċċi qed jerġgħu jiftħu l-kannierji tagħhom biex in-nies isellmu lill-mejtin midfuna hemm isfel. Qed jerġa’ jintrama t-TUBRU, li dari kien jintrama f’kull knisja f’dan iż-żmien. Il-Konċilju Vatikan it-Tieni kien neħħa ħafna drawwiet antiki ta’ x’kien isir fil-knejjes, imma t-tifkira ta’ dawn id-drawwiet m’għandhiex titħalla tintnesa.
Tubru armat fil-knisja parrokkjali ta’ Raħal Ġdid. Għad jonqos bankun b’sitt xemgħat armat fuq kull naħa. Ritratt meħud mill-Facebook.
It-tubru armat fil-Mużew tal-Parroċċa f’Ħaż-Żabbar. Mill-Facebook.
Qed isiru xi sforzi biex drawwiet qodma marbuta max-xahar ta’ Novembru u l-Għid tal-Erwieħ jerġgħu jingħataw il-ħajja b’libsa ġdida li tgħodd għal żmienna. Il-Kultura Maltija ta’ żmien Wenzu u Rożi u tan-Nanna Gerit kellha xi ideat u fantasiji, li jekk jitħallew kif kienet tgħidhom in-nanna, jinħassu skaduti u injoranti, imma jekk jingħataw spinta ġdida, jistgħu jogħġbu u jagħtu pjeċir lil ħafna nies.
Ġużi Gatt (C)









Qed nistagheb kif ma issemmiex Ghid importanti fil liturgija Kattolika. L Ghid tal Assunta, 15 ta Awwissu.