Fi żmienna ftit għad fadal minn dawk l-irżeżet jew id-djar ta’ ġor-raba’ jew fil-qalba tal-irħula, mibnija bl-istil antik ta’ remissa, bitħa, taraġ, setaħ, għorfa, dwejra, maqjel, eċċ. Għad hawn ferm aktar Maltin u Għawdxin li trabbew f’dar li kien fiha intrata, loġġa, salott, antiporta, u kliem ieħor bħal dan. Issa dawn id-djar qed jaqgħu wkoll u flokhom qed jitla’ blokk flats ta’ tmien sulari jew iżjed.
Ejjew nerġgħu niftakru f’dak il-kliem li dari kien komuni, imma ż-żgħażagħ tal-lum qed jitilfuh.
Kitba ta’ Ġużi Gatt
IL-LOĠĠ
Biex tidħol fid-dar trid tiftaħ il-bieb ta’ barra. Il-bieb, disgħa u disgħin fil-mija, kien ikollu LOĠĠ in-naħa ta’ fuq tiegħu. Il-loġġ ikun tal-ħadid, u jkollu xi disinn ġeometriku sempliċi ħalli minnu jkun jista’ jgħaddi d-dawl li jdawwil ftit l-INTRATA, li tkun eżatt wara l-bieb ta’ barra.
Loġġ magħmul mill-ħaddied, b’disinn sempliċi imma ħelu.
IL-VELLISTRUN
Issa jekk fuq il-bieb ikollok biss il-loġġ tal-ħadid, mhux biss id-dawl jgħaddi, imma anke r-riħ, ix-xita, u t-trab. Allura fuq in-naħa ta’ wara tal-loġġ, fuq ġewwa, jrid ikollok il-VELLISTRUN. Il-vellistrun ikun bħal tieqa li tinfetaħ u tingħalaq, jkun tal-injam u magħluq bil-ħġieġ. Fix-xitwa żżommu magħluq, ħalli d-dawl jgħaddi mill-ħġieġ u jdawwal id-dar, u fis-sajf tista’ tiftħu biex jgħaddi ftit tan-nifs, forsi tgħaddi minnu żiffa friska ħalli ttaffi ftit l-għomma li jkun hemm ġewwa. Dak tar-ritratt jidher li hu magħmul nofs tond, u trid tneħħih minn postu jekk tkun trid li jgħaddi ftit tan-nifs. Imma oħrajn kien ikollhom żewġ purtelli, li jinfetħu u jingħalqu.
Il-loġġ jagħmlu l-ħaddied. Il-vellistrun jagħmlu l-mastrudaxxa.
IR-REWWIEĦA
Xi kultant, fuq il-bieb, minflok loġġ u vellistrun, tara REWWIEĦA. Din tkun fil-biċċa l-kbira tonda, (għalkemm tista’ tkun kwadra), magħmula mill-istess ġebel u tkun parti mid-disinn tal-faċċata. Isservi l-istess funzjoni tal-loġġ. Xorta ma tistax tħalliha miftuħa għall-arja. Tkun magħluqa b’xi grada tal-ħadid, u xi vellistrun warajha jkollha wkoll.
Rewieħa tonda, għal waħda tnejn, fil-faċċata ta’ dar, il-Belt.
L-ANTIPORTA
Diġa għidna li wara l-bieb ta’ barra jkun hemm l-intrata, imma dari ħafna djar, wara l-bieb kien ikollhom ukoll ANTIPORTA. Din ukoll kienet isservi biex tkun tista’ tħalli l-bieb ta’ barra miftuħ, imqar b’purtella waħda, imma jkollok l-antiporta magħluqa. Billi din tkun bil-ħġieġ, id-dawl jgħaddi minnha wkoll. Xi ħadd li mhux ta’ ġewwa, jkollu jiftaħ l-antiporta biex jidħol. Din mhux l-ewwel darba li jkollha armata fin-naħa ta’ fuq tagħha speċi ta’ qanpiena li ddoqq kull meta tinfetaħ, ħalli min ikun ġewwa jkun jaf li fetaħ u daħal xi ħadd.
L-antiporta tkun bil-ħġieġ u jgħaddi d-dawl minnha.
IS-SOKRA, IL-FIRROLL, U L-LUKKETT
Mhux kull antiporta kien ikollha qanpiena li twissi lil ta’ ġewwa li xi ħadd fetaħ il-bieb. Allura fuq ġewwa kien ikollok SOKRA żgħira. Kulħadd sokra kien jgħidilha, u kont tkun taf x’inhi, anke jekk tkun żgħir ħafna. Kienu jgħidulek: “Mur għalaq is-sokra tal-antiporta”, u int kont tmur, anke jekk ikollok titla’ fuq siġġu, u tagħlaq is-sokra – għax tkun taf kif, u tkun kburi li taf tagħlaq is-sokra.
Sokra żgħira bħalma kien ikun hemm ma xi antiporta, u affarijiet oħra.
L-ispanjuletta tkun bħal firroll ftit iktar ikkumplikat
L-antiporta jkollha wkoll FIRROLL. Dan ikun jixbaħ lis-sokra, imma jkun ftit ikbar u aktar b’saħħtu – għax irid iservi biex jagħlaq il-bieba sew u fis-sod. Kont tgħollih u tniżżlu, biex l-ilsien jidħol jew joħroġ mill-BOKKLA, biex il-bieba tinfetaħ jew tingħalaq.
Issa l-ISPANJULETTA kienet qisha firroll, imma kienet iktar ikkumpilikata. Issibha l-aktar biex tagħlaq it-twieqi tal-injam, minn dawk li kien jagħmel il-mastrudaxxa, u li minbarra l-ħġieġ, kien ikollhom ukoll purtella tal-injam.
Għalkemm mhix ċara ħafna, l-ispanjuletta hi dik il-ħadida wieqfa fin-nofs. Biha kont tista’ tħalli t-tieqa fuq il-ħġieġ, imma tista’ wkoll tagħlaq il-purtelli tal-injam, u ssakkar it-tieqa sew.
LUKKETT JEW KATAVLU?
Mhux it-twieqi biss; il-bibien jridu jingħalqu wkoll. Jekk bieb ikun fuq ġewwa tad-dar, bieb li jifred kamra minn oħra, x’aktarx li kien jinfetaħ u jingħalaq bil-LUKKETT. Min-naħa ta’ ġewwa tal-bieb, il-lukkett ikun kif jidher fid-disinn t’hawn taħt. Kif qiegħed fid-disinn, il-lukkett qed jagħlaq il-bieb, għax qed jorbot il-bieba maċ-ċeċċis. Biex tiftaħ, dejjem jekk tkun fuq ġewwa tal-kamra, kemm tgħolli l-lukkett b’idek biex toħorġu minn ġol-BOKKLA.
Issa jekk inti tkun fuq in-naħa ta’ barra, biex tiftaħ il-bieb li jkun imsakkar bil-lukkett, ikollok dak li jidher fir-ritratt, taħt id-disinn. Jekk toqgħod bil-pinna u l-klamar, dak li jidher fir-ritratt hu KATAVLU (katavli), imma nammetti li din hi kelma li l-ħaddieda biss donnhom li kienu jafuha. Fid-dar fejn kont noqgħod jien, dik xorta “lukkett” kienu jsejħulha. Tinnota li l-katavlu għandu MANKU li fih tista’ ddaħħal l-erba’ swaba’ t’idek, u bis-subgħa li jifdal, li jkun il-BEHEM, (thumb bl-Ingliż), tniżżel dak l-ispeċi ta’ “sold” jew “arzella” li hemm fuq il-manku, u din, filwaqt li tinżel minn barra, togħla fuq ġewwa, u magħha tgħolli l-lukkett, u tkun tista’ tiftaħ il-bieb.
Il-lukkett kif jidher min-naħa ta’ ġewwa.
Fuq in-naħa ta’ barra tal-bieb, ikun hemm KATAVLU, li bih tista’ tniżżel u tgħolli l-lukkett li jkun fuq in-naħa ta’ ġewwa. Dik il-ħadida ċatta bid-disinn, li teħel ċatta mal-bieb, u li magħha jserrħu l-manku u “l-arzella”, jgħidulha SKUDETT
Dan li qed ngħidu jgħodd għal bieb li jkun ġewwa d-dar, għax dal-bieb tkun tista’ tiftħu kemm minn ġewwa u anke minn barra. Imma fid-dar fejn trabbejt jien, kien hemm bieb tal-bitħa li kien jagħti għall-barra, fi sqaq. Dan ukoll kien jingħalaq bil-lukkett, u ma kienx meqjus li kien “il-bieb il-kbir” tad-dar Imma minnu xorta stajt toħroġ barra u tidħol ġewwa. Allura fuq barra tal-bieb ma tridx tagħmel katavlu – għax inkella kulħadd jista’ jaqbad u jidħol. Il-bieb kellu toqba żgħira li minnha stajt iddaħħal GANĊ. Bil-ganċ xorta stajt tgħolli l-lukkett li jkun fuq wara u toħorġu minn ġol-bokkla, u b’hekk kien jinfetaħ il-bieb.
IL-MUFTIEĦ U S-SERATURA
Il-bieb “il-kbir” ta barra ried xi ħaġa aktar serja minn lukkett. Ried SERATURA u MUFTIEĦ. Anke fi żmieni, iċ-ċavetta “Ingliża” kienet bdiet tieħu post il-muftieħ – speċjalment fir-residenzi u d-djar komuni. Il-muftieħ kont għadek issibu f’xi mħażen, remissi, garaxxijiet, u knejjes. Il-muftieħ u s-seratura kien jagħmilhom il-ħaddied. Il-muftieħ ikun f’idek, u ddaħħlu fit-TOQBA TAS-SERATURA. Ħafna nies “toqba” kienu jgħidulha, imma teknikament tissejjaħ ŻOKRA. ISSA l-muftieħ kellu il-LEĦJA u d-DRAS, kif jidher fid-disinn t’hawn taħt:
Żewġ imfietaħ ta’ daqsijiet differenti
Fi żmieni kulħadd kien jaf bil-leħja u d-dras tal-muftieħ. Is-seratura kellha xi ismijiet li x’aktarx li l-ħaddied biss kien jużahom. Imma n-nies komuni kienu jafu bl-ILSIEN li jidħol u joħroġ meta ddawwar il-muftieħ, kienu jafu biż-żokra – għalkemm din kienu iktar jgħidulha “toqba”, u bl-iskudett, għax dan kien jibqa’ jidher barra, waqt li partijiet oħra jkunu moħbija.
Kulma jibqa’ jidher ikun il-muftieħ u l-iskudett (dak li hu nvitat ċatt mall-bieb), u ż-żokra li ddaħħal il-muftieħ fiha.
Is-seratura kien jagħmilha l-ħaddied.
STANEG U TISKIR
Għal ħafna nies, il-muftieħ, is-seratura, is-sokra, u l-lukkett, ma kinux biżżejjed. Billejl, meta jaqa’ dlam taqtgħu b’sikkina, ħafna sidien ta’ djar riedu jserrħu ftit iktar rashom billi jagħmlu l-ISTANGA. L-iktar stanga komuni kienet bħal ganġetta kbira u tqila, tal-ħadid, minn naħa waħda marbuta b’ħolqa mdaħħla ġol-ħajt, u l-oħra tidħol ġo RAŻŻA marbuta mal-injam tal-bieb. Meta l-bieb tagħmillu l-istanga, ma kontx se tiftħu malajr minn barra. Ridt tkissru jew ittajru b’xi bomba.
Xi nies, bil-kelma “stanga” kienu jifhmu jew seratizz oħxon tal-injam li jitqiegħed ċatt mal-bieb, fuq wara; jew aktar tard, is-seratizz tal-injam inbidel ma’ strippa tal-ħadid, li kienet titqiegħed ukoll fuq wara, kif jidher fir-ritratt t’hawn taħt. Dik tissejjah stanga wkoll.
Jekk il-bieb ikollu żewġ “tebqiet” jew purtelli, kien ikollu żewġ staneg; stanga għal kull purtella.
Strippa tal-ħadid, li titqiegħed ċatta mal-bieb. Dik stanga wkoll.
Issa dal-kliem kollu meta għadna kemm missejna biss il-bieb ta’ barra. Ma ninsewx li l-bieb ikollu wkoll l-GĦATBA, li dari ħafna nies kienu jpoġġu bil-qiegħda fuqha f’xi lejla sajfija, u joħorġu xi żewġ siġġijiet oħra biex toqgħod bilqiegħda n-nanna u z-zija wkoll. Filgħaxija, bilqiegħda fuq l-għatba, kienet tgħaddi xi naqra żiffa; u l-ġirien ikunu barra wkoll – u dejjem tista’ tgħid kelma magħhom.
Toqgħod naqa’ bilqiegħda fuq l-għatba.
(C) Ġużi Gatt















