L-ANDAR TAL-BARBA
Ftit ilu, fis-sensiela Kliem li m’Għandniex Nitilfu, ġibna artiklu fuq il-Matla’ u l-Mutagħla, u kliem ieħor marbut mad-dar, jew mar-razzett tipiku Malti. L-artiklu ntlaqa’ tajjeb ħafna, u ħassejna li hemm iktar x’jingħad fuq is-suġġett. Pinġejt sensiela ta’ disinji mibnija fuq il-memorja li għad għandi tal-andar tal-barba. Kemm fuq in-naħa t’ommi, u kemm fuq in-naħa ta’ missieri, kelli qraba li jgħixu f’razzett u jaħdmu r-raba’. Fuq in-naħa ta’ missieri kien hemm ir-razzett tan-nannu; u fuq in-naħa t’ommi kien hemm ir-razzett tal-barba, jew tal-barbiet. “Il-barba” kien jiġi z-ziju t’ommi, ħu n-nanna. Fir-razzett li qed insemmi kien jgħix hu u ħuh, it-tnejn għożżieba (fittixha fid-dizzjunarju jekk ma tafhiex!). Jien niftakarhom jgħixu bl-akkarija, jippruvaw jieklu u jlaqqtu mir-raba’ tagħhom, u xi kultant ibiegħu xi ftit patata u basal – x’aktarx bla permess. Ir-razzett niftakru sew, għax in-nanna kienet toħodni magħha kważi kull nhar ta’ Sibt filgħodu. Konna ngħidulu “l-andar” mhux razzett, u fuq din nitkellmu aktar tard.
Kitba ta’ Ġużi Gatt
Fuq il-bieb tar-remissa, it-taraġ tal-mirkeb, il-marbat, is-setaħ, u l-għorfa, tkellimna band’oħra.
Illum se nibdew mill-fatt li fuq il-bieb tar-remissa hemm IT-TIEQA TAL-ĠBEJNIET li tista’ tittawwal għal barra minnha meta tidħol fl-għorfa. Fuq din għandi xi ħaġa fuq l-istonku tiegħi u nixtieq ngħidha. Taħt it-tieqa, fuq barra, hemm ŻEWĠ ĦARRIGIET. Nerġa’ ngħid li ħarriġiet hemm tnejn – u hemm tnejn għal raġuni tajba. Fuq iż-żewġ ħarriġiet hemm XRIEK. Ix-xriek irid bilfors żewġ ħarriġiet fuq xiex iserraħ, għax fuq waħda ma jserraħx sewwa. “Xriek” hi s-singular ta’ “xorok”: Ħafna xorok u xriek wieħed. Dan ix-xriek żgħir hu l-iktar parti dgħajfa tas-sistema. Billi djar bħal dawn issa qdiemu u ġew traskurati, ix-xriek ħafna drabi tneħħa, biex ma jkunx ta’ periklu u jaqa’ fuq ras xi ħadd. Jekk jitneħħa x-xriek, jibqa’ ż-żewġ ħarrigiet ħerġin ‘il barra. Il-Maltin tal-lum iħarsu ‘il fuq u jaraw il-ħarriġiet biss, u ivvintaw il-ħlieqa li dawk il-ħarriġiet kienu hemm biex meta fid-dar ikun hemm xi tifla għaż-żwieġ, titqiegħed qasrija fuqhom. Billi x-xitan m’għandux ħalib, ġieli tibqa’ ħarrieġa waħda minn tnejn, w’allura iktar tikber il-konvinzjoni li dik kienet hemm biex tagħmel qasrija fuqha. Il-ħarriġiet (tnejn) qegħdin hemm biex sserraħ IX-XRIEK fuqhom, mhux il-qasrija. F’dak il-każ, il-qasrija qiegħda fuq ix-xriek, mhux fuq il-ħarrieġa.
Fuq din m’jinix qiegħed infettaq. Ix-xriek mhux qiegħed hemm speċifikament biex tqiegħed qasrija fuqu meta jkollok tifla għaż-żwieġ – imma meta jkollok tifla għaż-żwieġ tista’ tqiegħed qasrija fuqu, jekk trid. Fuq ix-xriek, kienu jitnixxfu wkoll il-ġbejniet (speċjalmet fl-irziezet tan-naħa ta’ fuq u t’Għawdex) u t-tin, maqsum f’għamla ta’ salib, biex TQADDU (mhux tnixxfu), u tagħmlu tin taċ-ċappa. Stajt tqadded it-tadam ukoll. Ix-xriek ta’ fuq iż-żewġ ħarriġiet jien pinġejtu ftit ‘l isfel mill-ħoġor tat-tieqa. Forsi kien ikun aħjar kieku pinġejtu invell miegħu. Hekk, il-ĦOĠOR tat-tieqa jikber, u tkun tista’ tqiegħed iktar ġbejniet, tin, jew qsari jekk tkun trid.
Imma x-xriek fuq iż-żewġ ħarriġiet kien iservi għal ħaġa oħra wkoll. Minn żmien il-qedem, minn mindu l-bniedem tgħallem jibni d-djar li jkollhom iktar minn sular wieħed, u tgħallem isakkar lilu nnifsu ġewwa meta jidlam u jaqa’ l-lejl, il-bniedem ta’ kull razza u kultura ħass il-bżonn li jekk iħabbat il-bieb f’nofs ta’ lejl, jew f’ħin meta sid id-dar ma jkunx qed jistenna nies, ikollu mezz ta’ kif jitkixxef min qed iħabbat, ħalli jekk hemm bżonn ma jiftaħx. Hu għalhekk li inti issa għandek peep-hole mal-bieb jew, aħjar minn hekk, għandek intercom. It-tieqa fl-għorfa qiegħda eżatt fuq il-bieb ta’ barra. Jekk ikollok toqba jew xaqq fil-ħoġor tat-tieqa, magħmulin apposta fid-direzzjoni t-tajba, minnhom stajt tittawwal għal isfel u tara min qed iħabbatlek il-bieb.
Din it-toqba jew xaqq, il-Maltin ta’ dari kienu jafuha bħala NEMMIESA jew KIXXIFEJRA. Fid-disinn t’hawn fuq neħħejt ix-xriek li suppost hemm isarraħ fuq iż-żewġ ħarriġiet, ħalli n-nemmiesa tidher aħjar. L-iskop tagħha kien biex titkixxef minn qed iħabbatlek il-bieb, ħalli jekk ma tridx, ma tiftaħx – li hu dritt tiegħek. Meta jkun hemm ix-xriek fuq il-ħarriġiet, dan iktar jostrok, ħalli rasek ma tidhirx x’ħin tittawwal għal isfel.
In-niemmiesa jew kixxifejra ma kinitx hemm “biex taħbi n-nisa ġewwa”. U ħalluna. Min se jinħeba ġewwa? – in-nisa tal-bdiewa, il-ħin kollu jiġru fir-raba’, jew jimxu sar-raħal bit-tilari tal-ħobż fuq rashom biex jaħmuh għand tal-forn, jew ibiegħu il-biegħa fit-toroq, jew ilaqqtu l-ħaxix li jikber fix-xagħri ħalli jgħallfu l-fniek ta’ ġol-gallinar? Fi żmieni, l-aktar ħaġa komuni li kienet tintuża għat-tnemmis u biex tissindika lill-ġirien, kienet il-persjana. Għadni nisma’ f’widnejja xi żewġ nisa jitgħajru bejniethom u waħda tgħajjar lill-oħra li “Il-ħin kollu żżebbiġhom minn wara l-persjana u tissindika fuq in-nies!” Issa jekk toqgħodu taħsbu ftit, “il-persjana” qatt ma rajtuha fuq xi razzett tipiku Malti; rajtuha l-ewwel fid-djar “tal-ibliet”, imbagħad ftit ftit daħlet fl-irħula wkoll. Kienet waħda mill-“fattizzi arkitettoniċi” li x’aktarx daħħlu f’Malta “il-Kavallieri”.
B’xorti ħażina, xi ħadd ra xi ħaġa bħal ma jidher fir-ritratt t’hawn taħt, u laqqamha “muxrabija”.
Id-dizzjunarji tagħna jafu li l-ewwel ma dehret dil-kelma miktuba fl-ilsien Malti kienet f’għanja qadima (imma żgur mhux mill-Medju Evu) li kienet tgħid hekk: “Kollox ra il-Bej minn bejn il-muxrabija”. “Il-Bej” hu titlu “Tork”, u kien il-Bej li kellu muxrabija – bħalma x’aktarx li kellu wkoll “ħarem”. Il-kitba ma tgħidx li r-razzett Malti kellu muxrabija wkoll. Din “l-idea” daħlet fostna aktar tard. L-eżempju li jidher fir-ritratt hu tal-injam – iktar u iktar mhix xi ħaġa qadima – għax l-injam ma jservix daqshekk. Dik li tidher fir-ritratt hi imitazzjoni tal-persjana li fi żmieni kienet komuni ħafna u, jekk tifli l-istampa sew, tista’ tara li hi żieda aktar moderna fuq bini li hu eqdem. Ngħid għalija ddejjaqni l-kelma “muxrabija” meta applikata fuq “Razzett tipiku Malti”. Id-dar jew razzett Malti kien ikollu mezz ta’ kif tara min qed iħabbat il-bieb meta ma tkun qed tistenna lil ħadd, u din xi ħaġa li għandhom il-kulturi kollha tad-dinja, u ma jkunx ifisser li trid tissindika fuq in-nies jew taħbi n-nisa ġewwa. Bil-Malti kienu jgħidulha nemmiesa jew kixxifejra.
Bieb bil-persjana – mhix xi ħaġa tipika tar-razzett Malti.
Il-persjana kont taraha l-iktar f’bini “urban” u minnha veru li kont tista’ tissindika x’qed jiġri fit-triq. Imma mhix xi ħaġa tipika ta’ dar rurali. U żgur li ma kinitx hemm għax il-Malti “ried jaħbi n-nisa ġewwa”.
IT-TOQBA TAL-QATTUSA
Fid-disinn pinġejt ukoll “it-tieqa tal-qattusa”. Kien ikun aħjar kieku ktibt it-toqba tal-qattusa. Kienet toqba fil-ħajt li l-qattusa (jew qattus) kienet tkun taf biha, u minnha setgħet tidħol u toħroġ mid-dar mingħajr il-bżonn li toqgħod tnewwaħ biex xi ħadd jiftħilha l-bieb.
It-TALUT, jew denfil, kien ħajt dobblu mibni apposta biex JIRFED u jsaħħaħ ħajt ieħor li jkun qed jieħu fuqu il-piż tal-ħnejjiet li jkun hemm fis-saqaf fuq ġewwa. Il-ħnejjiet kellhom it-tendenza li “jitfgħu” jiġifieri jinbuttaw il-ħajt ‘il barra, u dal-ħajt spiss kien ikollu bżonn l-għajnuna biex ikompli jerfa’ l-piż tal-ħnejjiet. It-talut ikun mibni “bir-raqqậd, jiġifieri ftit immejjel u jaqleb ‘il ġewwa lejn il-ħajt. Ara ftit l-ewwel disinn aktar ‘il fuq.
MIR-REMISSA DRITT GĦAL ĠOL-BITĦA:
L-uniku mod li għandna biex nidħlu fir-razzett hu li ngħaddu mill-bieb tar-Remissa u nerġgħu nagħlqu l-bieb warajna. Mir-remissa m’hemmx ħruġ ieħor ħlief dak li jagħti għall-ġol-bitħa. Hu biss mil-bitħa li nistgħu ngħaddu għall-partijiet l-oħra tar-razzett. Quddiemna nsibu t-taraġ li jtellgħek fuq is-setaħ, u mis-setaħ tista’ tidħol ġol-għorfa. Fuq dawn diġa konna tkellimna fl-artiklu li semmejna aktar ‘il fuq. Fil-ħxuna tat-taraġ mhux ħaġa kbira biex issib xi ġallinar għall-fniek. It-turġien li naf jien, ma kellhomx “poġġamani”. Allura kienu ftit perikolużi, speċjalment jekk ikun hemm it-tfal żgħar. Spiss kienu jitqiegħdu xi qsari ftit tqal, fuq kull tarġa, in-naħa ta’ barra, biex jilqgħu ftit il-periklu. Poġġamani mibnija bil-knaten kienu jeżistu wkoll. Fuq il-bibien li jagħtu għall-bitħa spiss kienet tiddendel xi ĦASIRA (plural: ħsajjar), biex tilqa’ ftit mill-qilla tax-xemx. Erġa’ għati daqqa t’għajn lid-disinn t’hawn fuq. Il-bibien tal-kmamar kollha kienu madwar il-bitħa, u l-kmamar ma kinux jinfdu ma’ xulxin minn ġewwa.
Il-GOR li mhux BARUMBARA:
Il-kelma BARUMBARA l-aħjar inħalluha għal bini apposta maħsub biex jilqa’ fih il-ħamiem. Imma ħafna rziezet u djar Maltin dari, minbarra l-fniek u t-tiġieġ fil-gallinari, kien ikollhom xi ftit ħamiem ħalli xi kultant jieklu xi par beċċun. Biex ikollok il-ħamiem mhux bilfors ikollok barumbara. Ħafna djar kien ikollhom, mibnija fl-istess ħitan, xi knaten imħaffrin minn ġewwa, li fuq barra jkollhom toqba, kemm tgħaddi ħamiema. Ħamiema setgħet tidħol mit-toqba u tbejjet fl-ispazju li ssib fuq ġewwa. Par ħamiem seta’ jbejjet f’kull waħda minn dawn il-bejtiet. Dawn il-knaten imħaffrin minn ġewwa, u li jkunu parti integrali mill-ħajt, kienu jiffurmar serbut toqob, li jidhru minn barra. Hawn ħafna li jibqgħu isejħu lil dawn it-toqob “barumbara”, imma isem aħjar għalihom hu “il-GOR”.
Jekk toqgħod bill-pinna u l-klamar, barumbara jkun bini mibni apposta għall-ħamiem.
Tpinġija ta’ Stephen C Spiteri li turi kemm il-gor kif ukoll it-talut.
IX-XRIEK TAL-KĊINA
Fid-dar Maltija ta’ dari, ħafna mit-tisjir kien isir FUQ IX-XRIEK. Anke fid-dar li trabbejt fiha jien, li kienet ġewwa r-raħal u żgur li mhix razzett, ommi, fuq ix-xriek kienet tgħid. Imma fil-każ tad-dar fejn trabbejt jien, “ix-xriek” issa kien evolva, u sar “il-cupboards”. Imm’ommi “xriek” baqgħet tgħid. Is-sink, ommi dejjem “mejjilla” qaltlu.
Hemm raġuni tajba għala kienet tintuża l-kelma “xriek”. Tinsewx li “xriek” hi s-singular ta’ “xorok”. Fil-bitħa tal-andar tal-barba li niftakar jien, kien hemm XRIEK, xriek tal-qasba – mhux minn dawk ix-xorok iktar żgħar. Dan ix-xriek tal-qasba, ftit oħxon, kien jistrieħ fuq żewġ KNATEN weqfin. Fuq ix-xriek ikun hemm il-kwiener, bil-borom fuqhom waqt is-sajran.
Fuq ix-xriek ikun hemm il-kwiener, bil-borom fuqhom waqt is-sajran. Taħt ix-xriek stajt taħżen il-ħatab, ħalli ssibu meta tibda ssajjar.
Il-KWIENER (plural ta’ kenur). Qabel l-ispiritieri li jaħdmu bil-pitrolju, missirijietna kienu jsajru fuq il-KENUR, u x’aktarx ikollhom iktar minn wieħed. Il-kwiener ikunu fuq ix-xriek, biex ma jkunux baxxi ħafna, ħalli min isajjar ma jkollux għalfejn jitgħawweġ iħares ‘l isfel u jkisser dahru. Jitkebbes il-ĦATAB, x’aktarx maħżun taħt ix-xriek, biex jitqabbad il-kenur. Il-BORMA, jew PAGNA, jew TIGAN, titqiegħed fuq il-kenur, waqt it-tisjir. Jiġifieri għall-parti l-kbira tas-sena, it-tisjir kien isir fuq barra, fil-bitħa. Imma anke fl-andrijiet u l-irziezet ta’ ġor raba’, spiss kont tara kamra oħra baxxa, qrib ix-xriek tal-kwiener. Tidħol ġo dil-kamra tara li x’aktarx tkun sewda faħma, ħitan u saqaf. Tinsewx li dan ix-xriek li semmejna jkun fil-bitħa, miftuħ għall-arja. Għalkemm bejn April u Settembru, l-ajru jixxotta u bilkemm ma tinsiex li f’Malta tagħmel ix-xita, ix-xitwa tasal ukoll, u magħha jiġi l-bard, il-ksieħ, u l-ilma. Fix-xitwa, spiss ma jkunx galbu li ssajjar barra fuq ix-xriek, allura jkollok tidħol x’imkien ġewwa. Nissogra ngħid li kmamar bħal dawn ma kinux fit-tifsila oriġinali tar-razzett, u ma kellhomx mod tajjeb ta’ kif id-duħħan joħroġ mill-kamra. Anke jekk ikollhom xi toqba x’imkien fl-għoli, il-kamra kienet timtela nugrufun. Fi kmamar bħal dawn kien ikun hemm xriek ukoll – l-istess bħal dak ta’ barra.
IL-MAQJEL U L-MANDRA
L-andar tal-barba kien kbir mhux ħażin. Kellu bitħa kbira fin-nofs li kienet maqsuma fi tnejn permezz ta’ ħajt ftit għoli. Id-disinn li pinġejt jien hu msejjes fuq dan ir-razzett, u importanti li ġġonġu flimkien id-disinn t’hawn taħt, mad-disinn ta’ aktar ‘il fuq, fejn tidher il-bitħa l-ewwel darba. Tista’ tinduna fejn qegħdin billi tifli ftit fejn qiegħed “ix-xriek”.
Issa fil-każ tal-andar tal-barba li naf jien, il-ħajt f’nofs il-bitħa kien iservi biex jifred il-parti fejn hemm il-bhejjem u t-tjur, mill-parti l-oħra fejn jgħixu n-nies.
IL-MAQJEL, IL-POST FEJN “IQILU” L-BHEJJEM
Dari, il-bhejjem, meta ma jkunux qed jaħdmu jew jirgħu, kienu jkunu fil-MAQJEL. Il-plural ta’ maqjel, kif nafha jien, hu MQAJEL. Hawn min jgħid “imqawel”, imma nħoss bis-saħħa li “mqajel” hi t-tajba għax fil-fatt ħadd ma jgħid “maqwel”. Maqjel hi “mimmat”, u l-verb hu QIEL, IQIL (fuq l-għamla ta’ “fieq, ifiq”). Issa li tlifna s-sens kollu ta’ lsienna, din inħossuha stramba. Imma isimgħuni ftit ieħor:
“IQIL” jiġifieri “jieħu break”. Jieqaf ftit mix-xogħol. Jieqaf jistrieħ, jieħu ftit tan-nifs. Vassalli jagħti l-eżempju “waqt il-QAJL” – jiġifieri waqt il-break, fil-ħin meta l-ħaddiem jieqaf ftit mill-ħidma. L-għerq hu Q-J-L, u minn dan il-verb toħroġ il-kelma QAJLA. “Qajla, qajla, jew qajl qajl, m’hemmx għalfejn tgħaġġel.” Mela “qajla” tista’ tfisser ukoll pause, pawsa. Ħadd ma jgħid “qawla”.
Fl-imqajel kien ikun hemm ukoll il-MAXTURA (plural IMXATAR). Fl-art tal-maqjel il-bidwi kien jifrex il-FRIEX jew il-MIFREX. Dan kien ikun xi tiben, jew ħuxlief, li l-bidwi kien jifrex ħalli l-bhejjem ma jkollhomx jorqdu fuq il-qiegħa tal-art imma jkollhom xi ħaġa taħthom. Fis-sajf, ħafna bdiewa kienu jmorru bil-karettun u jiġbru l-alka li fix-xitwa tkun ittellgħet fuq ix-xatt. Din kienu jaħżnuha f’munzell x’imkien barra, fir-razzett, u minnha jieħdu ftit ftit minn dak li jkun laħaq nixef bix-xemx, u jifirxuha fl-imqajel. L-alka titħallat mal-ħmieġ li l-bhejjem jitilqu taħthom u meta l-friex ikun tħammeġ biżżejjed, kien jitħammel minn taħt il-bhejjem u jferrxuh fir-raba’.
Mela fiż-żewġ imqajel li kellu l-barba, kienu jqilu, jistrieħu, il-bhejjem li kellu, waqt ħin il-mistrieħ u biex jorqdu. Issa l-barba kellu wkoll roqgħa oħra fil-bitħa li kienet magħluqa b’ċint baxx (ara d-disinn t’hawn fuq). Kien għal dir-roqgħa li l-barba kien jirreferi meta jgħid “il-mandra”. F’din ir-roqgħa kien ikun hemm ħafna tiġieġ, inaqqru minn dak li l-barba kien ixerdilhom quddiemhom. Fil-ġenb, imrekknin mal-ħajt, kien hemm xi kaxxi fejn it-tiġieġ setgħu jidħlu jorqdu u anke jbidu xi bajda. Fil-mandra kien ikun hemm ukoll xi ġidja jew ħaruf, ilaqqtu milli jsibu.
Il-kelma “mandra” ġejja mit-Taljan, u fit-Taljan mandria tfisser “merħla”, jew ġemgħa ta’ bhejjem. Għalkemm mhux kulħadd se jemminha, il-kelma “mandraġġ” ġejja mill-istess sors – għax il-mandraġġ tal-Belt kien maħsub biex jilqa’ fih, jiġbor flimkien, il-bċejjeċ tal-baħar – jiddaħħlu hemm, kollha flimkien, biex jipproteġuhom mit-temp u mill-għadu. Dan il-proġett ma seħħx, u fil-ħofra li kienet tlaħħqet tħaffret, inbnew ħafna griebeġ żgħar u daħlu jgħixu fihom il-foqra.
Fil-Malti, il-kelma “mandra” saret tfisser post fejn tagħlaq il-bhejjem. L-isem L-IMNAJDRA jfisser mandra żgħira, jiġifieri li f’xi żmien, it-tempji kienu jintużaw biex iżommu l-bhejjem ġo fihom.
IL-BIR
F’din it-taqsima tal-bitħa, il-barba kellu wkoll bir. Maġenb wieħed mill-plieri tal-bir, jien penġejt ukoll ĦAWT (għalkemm ma jidhirx tajjeb ħafna fid-disinn). Il-barba kien jerfa’ l-ilma mill-bir bil-barmil, u jferrgħu fil-ħawt. Idealment, mill-ħawt ikun hemm serbut ta’ kanali tal-ġebel li permezz tagħhom, l-ilma jiġri fil-kanali, joħroġ ‘il barra mir-razzett għal ġor-raba’, u jispiċċa ġo VASKA daqsxejn kbira, ħalli t-tisqija tal-għelejjel issir minn ġol-vaska, li tesa’ ftit ilma mhux ħażin.
Jekk il-bir ikun ġewwa r-razzett, spiss kien jirriżulta li serbut twil ta’ kanali tal-ġebel, weqfin fuq il-knaten, kienu jieħdu l-ilma minn ħawt li jkun hemm maġenb il-bir, b’xi mod joħorġu ‘l barra mill-konfini tar-razzett għal ġor- raba’ ta’ madwar, u jferrgħu l-ilma tal-bir għal ġo vaska. It-tisqija ssir mill-vaska. Meta konna għadna nitkellmu bil-Malti tajjeb, sistema bħal din konna nsejħulha SIEQJA. Plural: SWIEQI.
GĦALIEX KONNA NGĦIDU “L-ANDAR”
L-ewwel nett, dil-kelma ma tgħidhiex bit-tieni vokali twila – jiġifier MHUX “andaar”, imma bil-vokali (it-tnejn) maħtufa (fuq il-mudell tal-kelma “akbar”). Mhux fil-familja tiegħi biss konna ngħidu “andar”. L-andar tal-barba, u l-andar tan-nannu. Kulħadd kien jifhimna għax ħafna kienu jgħidu hekk.
Issa jekk toqgħod bil-pinna u l-klamar, “andar” tfisser post fejn ikun possibbli li tagħmel il-QIEGĦA, biex wara li TAĦSAD il-qamħ jew ix-xgħir tkun tista’ TIDRES fuq il-qiegħa, tkisser is-SBULA u tifred il-qamħa mit-tiben u l-karfa. Il-qamħ li tidres kien JINTAĦAN għand tal-mitħna, biex isir dqiq, ħalli jkollok biex TAGĦĠEN u TAĦMI l-ħobża ta’ kuljum. Jiġifieri kienet biċċa xogħol importanti – il-qofol tax-xogħol kollu tas-sena.
Issa kemm fil-każ tal-andar tal-barba, u kemm fl-andar tan-nannu, kien hemm wisa’ biżżejjed biex tagħmel (u fil-fatt kienet issir) il-qiegħa. Mhux hekk biss, imma fl-andar tan-nannu kien (u għad) hemm qiegħa permanenti, magħmula minn ġebel kbir u biċ-ċangaturi fil-wiċċ – ħaġa li mhix komuni ħafna. Biż-żmien, u l-aktar fin-naħa t’isfel ta’ Malta, razzett li kellu wisa’ beżżejjed biex tagħmel il-qiegħa, jiġifieri biex tagħmel l-andar, baqa’ jssejjaħ “andar” u l-kelma bdiet tinftihem bħala kelma oħra flok “razzett”.
Il-bidwi fuq l-andar. Dawk ta’ warajh huma munzelli tal-qatet tal-qamħ li għad iridu jixxerdu fuq il-qiegħa u jindirsu b’saqajn il-bhejjem. Meta konna għadna nafu nitkellmu fil-Malti tajjeb, dawk il-munzelli konna ngħidulhom “ħalel”. Il-Malti jgħid: “L-andar bil-ħalel il-kbar, jagħti lill-bidwi u lill-ħmar”.
(C) Ġużi Gatt











Prosit tassew !
Hafna kliem fakkarni f’zoghziti meta l-ilsien Malti kien aktar uzat fostna.
Grazzi ta’ dan it-taghrif. Niehu gost nitghallem kliem Malti safi li qieghed dejjem jintilef, specjalment bil-qerda ta’ djar u xogholijiet tipici Maltin.