Il-Maltin tal-lum, ta’ lanqas dawk li għandhom rashom fuq għonqhom, għajnejhom f’wiċċhom, u widnejhom f’posthom, jistgħu jaraw li l-ilsien Malti qed jitlef il-kliem ma’ kull jum li jgħaddi.  

Hawn min jieħu pjeċir b’dan, anzi jħoss li iktar ma l-Maltin ineħħu l-Malti minn ilsienhom malajr, aktar aħjar – għax il-Malti hu ikrah u jżommok lura.   Hemm ċans li aħna li nħobbu l-Malti, u li ma nixtiqux narawh jintilef, qed nagħżqu fl-ilma.  Imma forsi le.  Wara kolox, l-aħħar li tmut – it-tama.   Importanti li nifhmu li l-Malti dari kellu vokabularju li aħna warrabnih u tlifnih, u li dan ma ġarax għax “il-lingwa tinbidel”,  imma għax ittraskurajniha u ma tajniex kasha, u b’hekk ftaqret il-lingwa, u tajna arma oħra f’idejn l-għedewwa biex jeqirduna.  

Illum se naraw dari xi stajt tagħmel bis-swaba’ u bil-pala t’idek, kliem li llum ħafna minnu tlifnieh.

Kltba ta’ Ġużi Gatt

TISBEK

Hu minnu li ċertu kliem intrabat ma’ sengħa partikolari, u meta dik is-sengħa spiċċat jew majnat, intilef il-kliem marbut magħha.  Imma fil-Malti, bħal f’lingwi Semitiċi oħra, il-kelma jkollha aktar minn tifsira waħda, u meta kelma tintilef, magħha jintilfu wkoll ħafna espressjonijiet u idjomi u l-lingwa tnaqqas mis-saħħa li għandha biex biha tfisser ruħek sew.  Il-verb JISBEK, l-aħħar li kien jintuża kien mill-bejjiegħa tal-laħam meta dawn jimlew iz-zalzett jew il-mazzit.  Il-problema hi li l-Ingliżi m’għandhomx verb eżatt bħalu.  L-eqreb li għandhom hu l-verb to drain, imma dan jgħodd biss għall-likwidu – li tneħħi l-likwidu minn xi oġġett ieħor.  Il-verb Malti kien ifisser mhux biss tneħħi l-likwidu, imma li tneħħi wkoll xi materjal li jkun hemm fil-ġewwieni ta’ oġġett magħluq.  Biex nifhmu l-verb illum irridu bilfors nagħtu xi eżempju. 

Biex tagħmel iż-żalżett trid tieħu ċerti partijiet tal-imsaren ta’ xi bhima maqtula, u tnaddafhom sew minn kull m’hemm ġo fihom.  Dan tagħmlu billi taqbad il-musrana bejn sebgħek il-werrej u l-behem (thumb), tagħfas u tiġbed it-tul kollu tal-musrana sakemm il-materjal li jkun hemm ġewwa, likwidu u mhux,  joħroġ ‘il barra minn tarf li jkun miftuħ.  L-Ingliż kieku kien juża to squeeze out, imma lanqas dak il-mod ma jiġbor fih it-tifsiriet kollha li dari l-Malti kien joħroġ mill-verb SIBEK.  Hekk kont tista’ tgħid li “ġiet fuqu marda, u nsibek”.  Jiġifieri li l-mard “iddrejnjah”, għolob u dbiel.  Jew inkella stajt tgħid “Wiċċu misbuk bit-toqol tal-ħsieb”  – jiġifieri li l-ħsibijiet u l-inkwiet fnewh u żarmawh minn kollox.  Jew oħra:  “Rajt l-oħtok tisbek quddiem il-mera” – jiġifieri tomxot xagħarha sew, għax meta tgħaddi l-moxt mix-xagħar tkun ukoll tnaddaf u tisbek ix-xagħar.  Dan biex tara li l-verb Malti kellu tifsira ferm aktar wiesgħa minn to squeeze jew to drain.  Imma b’daqshekk?  Xorti qtilnieh. 

Biex tnaddaf l-imsaren biex tagħmel iz-zalzett trid tagħfas bis-saba’ l-werrej u l-behem it-tul kollu tal-musrana sakemm kull m’hemm ġewwa joħroġ ‘il barra.  Ir-ritratt li sibna ma jispjegax il-biċċa sewwa – m’hemmx għalfejn il-musrana tkun mimlija bl-ilma, imma nittamaw li tfhmu x’irridu ngħidu.

 

Xitla tal-ħafur li konna nilgħabu biha ta’ tfal li konna.

Biex nieħdu eżempju ieħor:  Meta konna tfal konna naqbdu ħafura, nagħfsu subgħajna l-werrej fuq il-behem, u b’dawn iż-żewġ swaba’ magħfusin flimkien, konna nagħfsu fuq il-ħafura minn tarf sa tarf tagħha b’mod li ż-żerriegħa li tkun imdendla mal-fergħa taqa’, u jibqa’ biss żokk wieħed, li tarf minnu jkun irqiq ħafna u tista’ bih torbot ingassa għall-gremxul.  Dak huwa każ ieħor fejn tista’ “tisbek” xi ħaġa.  Kont tisbel il-ħafura

 

TOĦROT

Dak li għidna s’issa ma jkun ifisser xejn jekk ma nistgħux nuru li kellna aktar kliem ta’ xi stajt tagħmel bil-pala t’idek u li dal-kliem aħna armenjieh.  Fi żmienna reġa’ ġie moda l-għasir taż-żebbuġ għaż-żejt.  Imma qabel ma tagħsru, iż-żebbuġ trid taqtgħu mis-siġar.  Iddum ħafna li kellek taqta’ ż-żebbuġ waħda waħda.  Allura li kienu jagħmlu dari n-nies tas-sengħa hu li jużaw il-keff jew il-pala t’idhom kif jidher fir-ritratt t’hawn taħt.  Issa m’intix qed tuża s-saba’ l-werrej u l-behem biss, imma qed tuża l-pala t’idek biex isservi ta’ sassla li tilqa’ ż-żebbuġ fiha.  Biex iż-żebbuġ jaqa’ fil-keff t’idek, trid tmattar driegħek ‘il fuq, u tiġbed il-fergħa lejk, lejn sidrek.  Ma talaqx il-ponn ħafna, ħalli tkun qisek qed timsaħ il-fergħa mingħajr ma tneżżagħha minn kollox.  Iż-żebbuġ xorta jinqata’ u jiġi f’idek. Tkun qiegħed TOĦROT.  Billi fi żmienna l-bniedem ma jħobbx ibati, ivvintaw biċċ’għodda li tagħmel l-istess xogħol mingħajr ma tisloħ idek.  Din l-għodda tidher fit-tieni r-ritratt (hawn isfel), u tista’ tifhem li l-għodda qed tagħmel l-istess xogħol li kienet tagħmel il-keffa tal-id.

TOĦROT bil-keff t’idek, jew toħrot bl-għodda.

Imma bħal m’għidna fuq il-verb SIBEK – li l-kelma tista’ tintuża għal iżjed minn tifsira waħda, anke meta TAĦRAT l-għalqa – tkun qed toħrotha bil-moħriet – tkun qed “tiskimmja” wiċċ l-art.  Ikun tajjeb li nagħmlu differenza bejn ħorot u ħarat, ħalli ma nitfixklux – għalkemm huma l-istess verb.

Hemm tifsira oħra, għalkemm ftit għandi tama li nikkonvinċikom (għax illum tlifna s-sens ta’ kollox).  Hu dal-verb li nkunu qed nużaw meta ngħidu “daqqa ta’ ħarta”.  Iva.  Meta tagħtih daqqa ta’ ħarta tkun qed “tiskimjalu wiċċu bil-pala t’idek.  X’aktarx m’inthomx se temnuni – imma għandi raġun!

JAĦFEN

Biex ma nsewdux qalbna għal kollox, ejja nsemmu verb li forsi għadna nużawh: TAĦFEN. 

Bil-keff jew bil-pala t’idek tista’ TAĦFEN xi ħaġa.  L-aktar eżempju tajjeb hu meta tipprova taqbad ballun daqsxejn kbir b’id waħda.  Meta tagħmel hekk tkun ĦFINT ĦAFNA.  Tkun ħfint il-ballun f’idek. 

Taħfen il-ballun b’id waħda.

Biex nieħdu eżempju ieħor, meta ddaħħal idek ġo xi xkora mimlija bil-liri tad-deheb, int tipprova taqbad kemm tista’ minnha.  Jekk ikollok bilfors tuża id waħda, int tiftaħ idek kemm tista’ u taħfen il-muniti mill-aħjar li tista’.  Tkun ĦFINT ĦAFNA FLUS.  Fin-nisel tagħha hekk kienet tfisser il-kelma “ħafna” – kemm tista’ taħfen bil-pala t’idek.  Illum saret tfisser ukoll “kwantita kbira”.

Idaħħal idek u taħfen muniti kemm tista’.

Imma waħda xwejħa minn Għawdex kienet għallmitni li minflok b’id waħda, tista’ taħfen b’idejk it-tnejn.  Imma f’dak il-każ, ma tgħidx “ħafna” imma “ĦAFEN”.  Fir-ritratt li qed inġibu qed naraw li xi ħadd li qabad “ħafen” żebbuġ b’idejh it-tnejn – biex ikun jista’ jaħfen iktar milli b’id waħda.  Mela tkun qbadt ĦAFNA żebbuġ meta taħfen b’id waħda; u tkun qbadt ĦAFEN żebbuġ meta tuża idejk it-tnejn.

Taħfen b’idejk it-tnejn.

TĦAŻŻAQ

Ngħidilkom is-sewwa, ftit li xejn nara televiżjoni bil-Malti, għax nibża’ li tagħtini xi puplesija meta nisma’ l-Malti użat ħażin.  Imma fid-dinja ma tridx taqta’ qalbek; xi kultant nieħu anke xi ferħa żgħira.  Ħafna xhur ilu, kont qed inqalleb l-istazzjonijiet u ħsilt waqaft fuq programm tat-tisjir fuq stazzjon privat. Il-preżentatur dakinhar fettillu jġib mistieden ġdid fil-program – xi ħadd li mid-dehra trabba’ jitkellem Malti tajjeb fid-dar t’ommu.  Waqt li dan il-mistieden kien qed juri x’hemm fuq il-platt imħawwar li kellu quddiemu, qal: “U hawnhekk għandna t-tonn taż-żejt IMĦEŻŻAQ bil-ħass.”  Tgħidx kemm fraħt!  F’kitba li kienet dehret fl-Imnara Nru. 31, Toni Calleja kien kiteb artiklu bl-isem “Aktar Intietef Folkloristiċi mill-Għasri”.  Fl-artiklu, Calleja semma l-fatt li fl-Għasri ta’ tfulitu, it-tfal tar-raħal, li tista’ tgħid kollha kienu ulied il-bdiewa, spiss kienu jafdawlhom f’idejhom xi annimal żgħir biex jieħdu ħsiebu huma stess.  Il-ġenituri spiss kienu jħeġġu lit-tfal biex huma u ġejjin mill-iskola jaqtgħu “ħażżiqa ħaxix” – jiġifieri qatta ħaxix żgħira biex jagħlfuha lill-bhima żgħira li jkunu qed irabbu ġewwa d-dar.  ĦAŻŻIQA ġejja mill-verb ĦAŻAQ li, bl-Ingliż, tiġi, bejn wieħed u ieħor, to clasp.  TEĦŻAQ hi waħda mill-affarijiet li tista’ tagħmel bil-keff (jiġifieri bil-pala) t’idek, imma anke bi driegħek.

Dari kont tista’ TEĦŻAQ xi ħaġa bejn il-behem u s-saba’ l-werrej tal-pala t’idek.  Biex infiehmu xi  rridu ngħidu m’hemmx aħjar minn daqsxejn ta’ disinn.  Jekk dak li teħżaq f’idek ikun ħaxix, int ikollok f’idek ħażżiqa ħaxix, bħal ma kien ikollhom dari t-tfal tal-Għasri huma u ġejjin mill-iskola.

Issa jekk inti tħoss li ħażżiqa bħal dik hi ftit wisq għal dak il-gallinar fniek li għandek id-dar, tista’ teħżaq ħażżiqa taħt abtek.  Il-qatta ħaxix taħt abtek tkun imħażżqa bejn driegħek u ġenbejk. Jekk tħarsu lejn id-disinn t’hawn fuq sew, tkunu tistgħu tifhmu kif f’dak il-programm tat-tisjir li semmejna, it-tonn taż-żejt kien imħeżżaq bil-ħass imqatta’ rqiq u mdawwar madwaru, bħalma s-swaba’ qed idawru l-ħaxix, jew id-driegħ u l-ġenbejn tat-tfajla tad-disinn qed idawru l-qatta.

Issa kif tgħid “ħażżiqa” bl-Ingliż – an armful?  Tkun an armful meta teħżaq taħt abtek.  Meta teħżaq bis-swaba’ t’idek x’tiġi bl-Ingliż – a graspful?   Issa aħna bil-Malti konna niddistingwu wkoll meta dak li taqbad ma taqbdux bi driegħ wieħed imma bit-tnejn.  Meta taqbad qabda b’dirgħajk it-tnejn xi jkollok? Ikollok ĦODON.

Int tista’ TĦADDAN miegħek mhux biss qatta ħaxix, imma tista’ tħaddan lill-maħbub jew maħbuba tiegħek.  Tista’ tilqa’ lil uliedek fi ħdanek, u forsi tiftakar biex tkellem lil uliedek b’Malti tajjeb.

 

TONTOB   

Għadna ma spiċċajniex.  Għad fadal.  Hemm iktar affarijiet li tista’ tagħmel bis-swaba’ t’idek.  Meta l-Maltin kienu għadhom jaħdmu l-fuħħar, u kienu għadhom jitkellmu bil-Malti tajjeb, u kienu jgħidu aħna  fuħħarin, qed naħdmu t-tafal (u ma kinux jgħidu “qed imorru għall-pottery), kienu jafu li jekk taqbad ftit tafal u tagħġnu f’ballun żgħir  bis-swaba’ u bil-pala t’idek, stajt imbagħad taqbad il-behem, tagħfsu ‘l isfel f’nofs il-ballun tat-tafal, u tara li s-swaba’ l-oħra t’idek qed jagħmlu xogħolhom fuq in-naħa ta’ barra tal-ballun.  B’dak il-mod stajt tagħmel bieqja jew skutella żgħira.  Bil-Malti tkun qed TONTOB it-tafal.  Bl-Ingliż jgħidulha pinching.  Imma pinching mhux toqros tfisser, ngħid jien?

Tontob it-tafal biex tagħmel bieqja (Bl-Ingliż: pinching)

Issa bħal m’għidna fuq verbi oħra, dil-kelma setgħet tintuża f’aktar minn kuntest wieħed.  S’issa għadna nistgħu mmorru fil-gżira t’Għawdex u ngawdu ftit il-beraħ tal-kampanja ħalli ma nkunux dejjem magħluqin ġo kaxxa tal-konkos.  Meta tħares madwarek f’Għawdex tista’ tara li l-art hi mimlija għoljiet żgħar ħelwin li jogħlew ‘il fuq qisu kien hemm xi ġgant taħt l-art li natabhom bis-swaba’ t’idu.  Kull waħda minn dawn tista’ tissejjaħ MINTBA, u dil-kelma jagħtiha Vassalli u dizzjunarji oħra.  L-iktar “mintba” magħrufa x’aktarx li hi l-għolja tas-Salvatur, li tara fuq idek ix-xellugija int u nieżel lejn Malsalforn.  Imma Għawdex hu mimli “mintbiet”.  L-għoljiet tad-Dabrani, Ta’ Ġurdan, Ta’ Kuljat, Għajn Għabdun, u l-qolol ta’ Marsalforn (illum trid tfittixhom qalb il-blokok tal-flettijiet), jgħoddu bħala mintbiet ukoll.

Tas-Salvatur forsi hi l-iktar mintba magħrufa, imma d-Dabrani, Ta’ Ġurdan, Ta’ Kuljat, Għajn Għabdun, u l-qolol ta’ qrib Marsalforn, jgħoddu bħal mintbiet ukoll.

Id-dizzjunarji l-antiki jagħtu kelma oħra wkoll: NATBA – u din tfisser dik il-mogħdija li, f’għamla ta’ żigużajk, minnha tkun tista’ titla’ sal-quċċata tal-mintba.  Jekk tkun tinteressak il-lingwa, qalbek għandha tingħafas meta tintebaħ li dari l-Malti kien jagħżel bejn għolja, għaqba, gudja, mintba, qortin, magħara, wilġa, sined, u llum ma nafu xejn minn dan kollu.  Ma naħsibx li dan hu progress.

Għawdex hu mimli mintbiet (jew mnieteb).

XIBER U FITEL

Ma ninsewx li dari, meta r-rutelli, r-rigi, u l-inchtape, ma kinux daqshekk komuni, il-bniedem kien juża s-swaba’ u l-keff tal-id biex ikejjel bihom.  Fi żmieni, in-nies kienu jafu sewwa x’inhu XIBER.  “Qed tkejjel b’xibrek” kienu jgħidulek meta kienu jħossu li int qed tara l-affarijiet tiegħek u taħseb għal rasek u m’intix tagħti każ tas-sitwazzjoni ta’ ħaddieħor.  “Ikejjel b’żewġt ixbar” kienu jgħidu għal xi ħadd li jimxi bil-preferenzi u ma jagħmilx ma’ wieħed eżatt kif jagħmel mal-ieħor.  Ix-xiber hu l-wisa’ ta’ bejn il-behem u s-saba’ ż-żgħir.  Jekk tara d-disinn t’hawn isfel, tifhem aħjar.  Jekk ma jkollokx rutella, jekk tkejjel b’xibrek, u tkun taf xibrek x’tul għandu, tkun tista’ tikkalkula, tajjeb ħafna, oġġett kemm ikun twil u wiesa’. 

Appuntu biex mhux kulħadd ikejjel b’xibru, kien hemm żmien meta x-xiber kellu qies uffiċċjali.  Kummissjoni maħtura mill-Gvern Ingliż biex tistudja l-introduzzjoni ta’ sistema metrika f’Malta, iddeċidiet, fl-1907, li l-kejl f’Malta għandu jkun hekk:

Ikejjel bix-xiber

 

1 Pulzier                        – 21.83 mm
1 Xiber 12il pulzier 26.194 cm
1 Fitel qisu nofs xiber 13.097 cm circa
1 Qasba 8t ixbar 2.095 m
1 Qasba kwadra   4.391 sq. m
1 Kejla   18.735 sq. m
1 Siegħ 10 kejliet 187.254 sq.m
1 Tomna 6 sigħan 0.112 ha
1 Wejba 4t itmiem 0.449 ha
1 Modd 16il Tomna 1.798 ha
1 Xiber kubu   17.971 cm dm
1 Qasba kubu   9.201 cu dm

 

Il-lista ħadnieha mid-dizzjunarju Malti/Ingliż tal-Professur Ġuże Aquilina, żewġ volumi li ħarġu bejn is-sena 1987 u 1990.  Wieħed irid joqgħod ftit attent għax dak li jiddeċiedu l-awtoritajiet hu mod, u x’jiġri fil-ħajja ta’ veru hu ieħor.  Jidher li fis-sengħa tal-barrieri, kienu ilhom żmien twil jikkalkulaw li x-xiber fiħ 10 pulżieri mhux tnax; u dan biex ikejlu t-tul tax-xorok, vażi, kaptelli, eċċ.

Issemiet ukoll il-kelma FITEL.  Dan hu t-tul ta’ bejn il-behem u s-saba’ l-werrej – kif jidher hawn taħt.  Bejn wieħed u ieħor, qisu nofs xiber.

Ikejjel bil-fitel (qisu nofs xiber)

JGĦUM BIL-QAMA

Ma ninsewx li QAMA hi l-wisa’ ta’ bejn id-dirgħajn miftuħin beraħ.  Dari kienu jistaqsuk:  Inti taf tgħum bil-qama?  Intom tafu x’jiġifieri?

Tgħum bil-qama.

Ma npaxxux lil min qed jaħdem biex jeqred il-Malti minn fomm uliedna, u b’hekk jeqirdu minn wiċċ l-art fi ftit snin oħra.  Nipprotestaw meta kap ta’ skola tgħid lil ġenituri biex ikellmu lil uliedhom bl-Ingliż id-dar – u mbagħad it-tfal joħorġu mill-iskola ostili għall-ilsien Malti.  Dan mhux sewwa.

  Ġużi Gatt (c)