Ftit ilu, f’ilmiklem.com, dehru sitt artikli ta’ Arnold u Jeffrey Sciberras li l-ħsieb tagħhom kien li jirreġistraw it-toponomi – jiġifieri l-ismijiet tal-irdumijiet, l-għerien, il-ħofor, u kull isem li nafu bih u li ngħata mis-sajjieda, baħħara, u nies oħra midħla tal-baħar, lill-ħafna blajjet, sikek u anke gżejjer żgħar li għandna fil-baħar ta’ madwarna.  Iż-żewġ kittieba urew ukoll ix-xewqa li l-Ilsien Malti jingħata t-terminoloġija li għandu bżonn biex wieħed ikun jista’ jikteb u jitkellem b’mod “xjentifiku” u “akkademiku” fuq suġġetti bħal dawn. 

Kitba ta’ Ġużi Gatt

Ngħidu aħna: X’inhi “blata”, x’inhi “ġebla”, x’inhi sikka, x’inhu “skoll” u l-bqija?  Iż-żewġ kittieba ssuġerew hekk:

SKOLL għandu jingħad għal kull blata li, jew tkun ftit ‘l isfel taħt wiċċ il-baħar, u li allura hi wkoll ta’ periklu għall-baħħara; jew inkella tixref ‘il fuq, ftit jew ħafna, imma minħabba l-post fejn tkun, il-baħar jaħkimha u jiddominaha b’mod li l-ebda ħajja li tgħix fuq l-art ma tkun tista’ tgħix fuqha; Il-ħajja ta’ fuqha tikkonsisti biss minn ħlejjaq tal-baħar bħal imħar, ħażiż, u ħaxix ieħor tal-baħar. 

Imma meta din il-blata tkun kbira biżżejjed, jew qiegħda f’post fejn tista’ tħaddan fiha xi flora jew fawna tal-art, din għandha tissejjaħ ĠEBLA.  Ġebla li jkollha xi flora jew fawna tal-art, imma li tkun ftit żgħira, tista tissejjaħ ĦAĠRA.

 

Ġebla

Skoll

Intqal ukoll li ntagħżlet il-kelma “ġebla” u mhux “blata” jew isem ieħor, għar-raġuni li ismijiet bħall-Ġebla tal-Ġeneral, il-Ġebla tal-Ħalfa, Il-Ġebla tal-Fessej, u l-Ġebla taċ-Ċawl, ilhom ħafna jintużaw u mhux il-lok li wieħed jipprova jibdilhom.   Filfla hi kbira biżżejjed biex fuqha jkun hemm anke gremxul, imma ma tistax tissejjaħ “ġebla”, imma hi GŻIRA.

Issemmiet ukoll il-kelma SIKKA.  Din tkun taħt l-ilma bħalma ġieli jkun skoll, u spiss tkun ta’ periklu għall-baħħara.  Fir-ritratt t’hawn isfel tidher is-sikka tal-Munxar.

Sikka – biċċa taħt l-ilma, u biċċa ‘il fuq mill-ilma.

Sikka tista’ tkun anke ‘l isfel fil-qiegħ, imma xorta tkun ogħla mill-art ta’ madwarha.  Sikek bħal dawn ifittxuhom il-vapuri li jkun jixtiequ jieqfu u jankraw bla ma jħallsu l-ispejjeż ta’ ġol-port.  Malta għandna s-Sikka l-Barranija, u s-Sikka l-Bajda.  Għawdex għandhom is-Sikka ta’ Kalanċ, li l-antiki kienu jgħidu li fiha daqs Għawdex kollu.

Fl-artikli ta’ Arnold u Jeffrey Sciberras issemmiet ukoll il-ħsara li qed issir minn nies fostna, li jħossu li għandhom id-dritt li jivvintaw l-ismijiet tal-postijiet huma bl-Ingliż, u dawn l-ismijiet jispiċċaw biex jaqilgħu ‘il barra l-isem Malti, bħalma ġara fil-każ tal-Blue Lagoon, Blue Grotto, Manoel Island, Pretty Bay, Crocodile Rock, u ħafna ismijiet oħra li kollha kellhom isem bil-Malti.  Jekk hemm isem Malti, m’għandux jinħoloq ieħor barrani.

Imma hemm problema oħra.  Hemm xi kliem li fi żmieni kien komuni f’ilsien il-poplu, li qed jiġi skartat mis-sistema edukattiva u li allura qed jintnesa u jitwarrab minn uliedna meta dan il-kliem għad għandna bżonnu. 

Ngħidu aħna:

VAJRIT

Hemm ċans tajjeb li n-nies ta’ Wied il-Għajn jafu li fil-lokalita tagħhom hemm triq jisimha Triq il-Vajrita.  Hemm ċans ukoll li jkunu jafu għal liema vajrita qed nirreferu; imma aħjar minn hekk, għad hemm nies fin-naħa t’isfel ta’ Malta li jafu x’inhu “vajrit”.  Dari kont tmur is-suq, u l-bejjiegħa tal-ħut kienu jiftħu idejhom fuq il-kavetta tal-ħut u jgħidulek: “Dan vopi tal-vajrit, sinjur, taf?” Ix-xerreja jkunu jafu x’inhu vajrit, u jkunu jafu wkoll li l-bejjiegħ qed jinsisti li l-vopi li jinqabad minn fuq il-vajrit hu itjeb minn vopi ieħor.  Il-problema hi li jidher li “vajrita” m’għandhiex kelma speċifika fl-Ingliż, allura qed titħalla tintrema.  Il-vajrit hu dak it-tip ta’ qiegħ il-baħar fejn ikun hemm rqajja’ bir-ramel, u li fuqhom ma tikber l-ebda ħaxixa, u ħdejhom irqajja’ oħra miżgħuda bl-alka u ħaxix ieħor.  Il-baħar tagħna għandu ħafna minn dawn il-postijiet u jidhru sew meta jittieħed xi ritratt tal-baħar ta’ Malta biex iħajjar lit-turisti.  Il-qiegħ ma jkunx fond, u jidher aħdar jgħajjat sabiħ fejn hemm l-irqajja’ bir-ramel, u aħdar iktar skur fejn hemm l-irqajja’ fl-alka. 

Dan huwa l-vajrit li hemm qrib is-sikka tal-Munxar, in-naħa t’isfel ta’ Malta…

 

… u dan hu l-vajrit fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, in-naħa tal-post magħruf bħala Il-Qaws, u aktar ‘il fuq lejn Kemmuna.

ĦIEFA

Ilu ftit kien hemm waħda minn Għawdex li staqsiet din il-mistoqsija fil-paġna tal-FaceBook ta’ Kelmet il-Malti:  Missierha, Għawdxi, kien juża kliem bħal “il-ħajt, ħefa”.  Xtaqet tkun taf jekk għadx hawn min juża dil-kelma u jaf xi tfisser.  Bħas-soltu, l-ewwel li jwieġbu jkunu dawk li ma jafux imma xorta  jħossu li jistgħu jissuġġerixxu ħafna ċuċati.  Imma talanqas kien hemm min kien jaf. Fil-grammatika Maltija għandna verbi jgħidulhom “moħfija”.  Dan għaliex in-nofs tagħhom ikun “ittiekel” jew “inħefa”.  Ngħidu aħna il-verb MAR xi darba kien “mawar” – tant hu hekk li ngħidu “Mar mawra sa Sqallija”.  Imma l-W fin-nofs tal-verb MAR, ittieklet jew inħfiet u issa m’għadhiex hemm.  Dari, d-djar kollha kellhom għatba.  Mhux dejjem kien faċli li l-għatba tkun ta’ blat iebes bħaż-żonqor.  Dil-għatba kienet “tinħefa” bis-saqajn tan-nies deħlin u ħerġin.  Kien hemm min ikun fitt ħafna, u jaħfilek l-għatba ġej u sejjer għandek, daqqa jitolbok ħaġa, daqqa oħra. U l-għatba tinħefa.

Issa l-baħar, ġej u sejjer jilgħaq u jħakkek mal-blat, jaħfi x-xatt, u dak il-blat li jkun inħefa mill-baħar jgħidulu ĦIEFA.  Dil-kelma baqgħet tintuża biss minn dawk li jitkellmu bid-djaletti tal-irħula.  Stajt ktibt ĦÂFA – imma dejjem bl-ewwel vokali twila – u kienet tkun tajba wkoll. Bir-raħli ġieli ntqal “ħuufa” jew “ħoofa”.  Jien għażilt li nikteb ĦIEFA, u għandna niftehmu. 

Missierek kien jgħidlek: “Attent kif timxi fuq il-ħiefa – għax tiżloq.”  Fuq il-ħiefa kien jikber ħafna ħaxix u ħażiż, u kien ikun jiżloq.  Hemm sajd ta’ ċertu ħut li għalih l-aħjar tfittex il-ħiefa – “Mar jistad għall-ħut ta’ fuq il-ħiefa”. “Mar idur mal-ħliefa”.  Id-dizzjunarji jafu wkoll din: “Daħħluhom minn taħt il-ħiefa” – jiġifieri daħluhom klandestinament! 

Bl-Ingliż hemm “erosion”, imma l-ħiefa hi “the eroded part of the coast”.  Jiġifieri m’għandhomx kelma waħda!  Aħna għandna, u hemm bżonn li nibżgħu għaliha. 

Il-baħar jaħfi x-xatt.  Il-Ħiefa ta’ qrib is-sikka tal-Munxar.

Il-Ħiefa ta’ qrib is-sikka tal-Munxar minn angolu ieħor.

Il-baħar jaħfi x-xatt, u tista’ tara kemm il-blat ġieli jinħefa sabiħ. Ritratt mill-internet

TIRXIEN

Din hi kelma oħra li qiegħda ruħ ommha fi snienha, u għandna bżonnha u m’għandniex nitilfuha.  Is-singular hi TIRXA.  Il-kitbiet ta’ Arnold u Jeffrey, u dawk ta’ Alex Camilleri li wkoll ixxandru aktar qabel f’ilmiklem.com jixhdu li dan l-isem kien komuni fil-postijiet ta’ madwar ix-xatt.

Blat kbir li jinqata’ u jaqa’ għal isfel.  Tirxien.

L-aħjar definizzjoni ta’ tirxa qiegħda fid-dizzjunarju Il-Miklem, ta’ Erin Serracino Inglott.  Isimgħuha:

 “Blat aktarx kbir u għoli, iżda li jinqata’ mill-irdum ta’ madwaru u, mwaqqa’, jifforma bħal blataforma, l-aktar jekk f’baħar qasir”.    

Fir-ritratti t’hawn fuq qed inġibu eżempji ċari ta’ dan il-fenominu.  It-tifsira ntrabtet mal-blat ta’ ħdejn il-baħar, imma x’aktarx li tirxa tista’ ssibha f’nofs il-kampanja wkoll.  Ix-xjuħ li kont naf jien, u n-nies kollha tal-irħula ta’ dari, ĦaT-Tarxien kienu jgħidu, mhux ĦaL Tarxien.  M’hemmx għalfejn nidħlu f’ħafna polemiċi fuq din, imma Ħal Tarxien jista’ jkun Raħal it-Tirxien.  Wieħed imbagħad, b’moħħu, jista’ jfittex fejn kien dan il-“ġebel kbir u għoli” dik in-naħa.  Imma m’hemm xejn ċert fuq dan.  Li hu ċert hu li l-Malti m’għandux jitlef il-kelma tirxa jekk nistgħu nerġgħu nibdew nużawha.   

 

KALANKA

In-nies ta’ żmieni kienu jħobbu jgħidu “Jien għalija kull kalanka port”.  U mhux biss kienu jgħidu hekk, imma kienu jafu x’qed jgħidu!  Kalanka hi daħla fil-blat li fis-sajf tista’ tgħum jew tidħol fiha bid-dgħajsa żgħira tiegħek, u tidħol meta trid.  Imma fix-xitwa l-kalanka ma jkollha l-ebda lqugħ mill-mewġ u l-irjieħ u tidħol biss fiha sogru tiegħek.  Meta wieħed kien jgħid “Għalija kull kalanka port” kien irid ifisser li hu m’għandux għax iħabbel rasu għax malajr isib il-kenn u fejn ideffes rasu meta jinqala’ l-bżonn jew jinqala’ l-għawġ. 

Il-Maltin ta’ qabilna kienu kapaċi jagħżlu bejn “qala”, “kalanka”, “daħla”, u Għawdex kienu jgħidu wkoll BUGĦAŻ – għal tip ta’ daħla oħra fil-blat.  Il-Maltin tal-lum iħossu li dan mhux importanti – u rmew kollox.

Iż-Żwieten, ix-Xlukkajri, u n-nies ta’ dik ix-xaqliba kollha jafu bil-Kalanka li hemm Delimara.  Fil-fatt hemm iktar minn kalanka waħda.  Dik l-aktar magħrufa jgħidulha l-Kalanka t-Tawwalija, imma hemm ukoll il-Kalanka ta’ Glawdin.  Iż-Żejtun niftakar irġiel jisimhom “Klawdju”.  Din ġejja mill-isem Taljan Claudio.   Glawdin hi d-diminuttiv ta’ Claudio.  Iż-Żwieten l-antiki kienu jafu min kien dan “Glawdin”.  Kien raġel ftit sempliċi, jibża’ min-nies, u kien jgħix waħdu ġo gorboġ lejn Delimara, jlaqqat li jsib.  Fi żmien il-gwerra, l-Ingliżi bagħtu jirrapurtaw l-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun għax qalu li kienu qed jaraw raġel dejjem iħuf u jiġġerra f’Delimara.  Il-pulizija Żwieten qalulhom biex iħallu lil dak ir-raġel bi kwietu – għax dak, miskin, ma kien ħadd ħlief Glawdin!

Il-Kalanka ta’ Glawdin ġieli nkitbet bħala “il-Kalanka tal-gidien” – għax aħna ma nħallu xejn kwiet.

Barra minn hekk, Delimara hemm ukoll Il-Kalanka tat-Tumbrell, u l-Kalanka tal-Qali.   Ma taqtgħux x’jisimha llum il-Kalanka tal-Qali?  St. Peter’s Pool!

Hemm iktar kalanki n-naħa tax-Xgħajra qrib Ħaż-Żabbar, in-naħa ta’ fejn illum sar il-Park tal-Inwadar.  F’dawn l-inħawi hemm Il-Kalanka tal-Qassisin, il-Kalanka tan-Nisa, il-Kalanka tal-Patrijiet, u l-Kalanka tal-Irġiel – biex tara kemm dil-kelma kienet komuni f’ilsienna dari.

Il-Kalanka ta’ Delimara, jew il-Kalanka t-Tawwalija

Il-Kalanka tal-Qali, li llum saret St. Peter’s Pool (għax isbaħ!)

TRIXX

Tħoss bħal għafsa ta’ qalb meta tinduna li kliem li kont tuża bla ħsieb ta’ xejn fi tfulitek, u li n-nies kollha ta’ madwarek kienu jafuh, nies oħra Maltin, speċjalment dawk “puliti”, dan il-kliem ma jafuhx, u bilkemm ma jkunux iridu jiddieħku bik li tafu.

Meta tkun għadek tfal, ftit ftit tibda titgħallem tgħum – l-ewwel bis-salvawomu, imbagħad mingħajru.  Għall-ewwel toqgħod biss fejn jilħaqlek, imma mbagħad issib il-kuraġġ li toħroġ sa fejn ma jilħaqlekx.  Il-kuraġġ tagħmlu aktar jekk tkun taf li ftit wara li tgħaddi minn fuq dik il-parti tal-baħar fejn ma jilħaqlekx, tista’ tasal fuq parti oħra fejn il-qiegħ ikun jilħaqlek.  Ikun hemm bħal għatba għolja u ċatta fil-qiegħ, li jekk jirnexxielek tmidd saqajk fuqha ssib li l-ilma jasal biss sa qaddek.  Dak ikun ifisser li rnexxielek tgħum mix-xatt sa “fuq it-trixx”.  Meta tagħmel hekk tħoss li issa kbirt, tgħallimt, u sirt bravu ħafna – għax taf tgħum sa fuq it-trixx. 

Trixx ikun biċċa art ċatta (mimlija ħaxix tal-baħar), li għalkemm tkun taħt l-ilma, tkun aktar ‘il fuq mill-art l-oħra ta’ madwarha.  U fi tfuliti n-nies kollha kienu jafuh dan.  Imma ilu jberraq għal din il-kelma, għax anke l-aħjar dizzjunarji tagħna wkoll jidhru xi ftit mistħija minn dan it-terminu.  L-aktar li resaq qrib kien Aquilina, li fid-Dizzjunarji Maltese-English kiteb li:

trixx: reef below the surface of the water. See Tirxa” 

Erin Serracino Inglott, fil-Miklem, ma semmiex il-baħar u sempliċement irreferiena għall-verb TARAX.

Mela jidher li “trixx” hi reef bl-Ingliż.  Imma xorta nibqgħu bi problema, għax fil-Malti għandna SKOLL, SIKKA, u TRIXX.  Ħadd minn niesna l-antiki ma kien jgħaddilu minn rasu li s-Sikka tal-Munxar isejħilha “trixx” – għax mhix trixx.  Imma bl-Ingliż it-tnejn jiġu reefs.  Kieku rridu – li ma konniex klieb tagħna nfusna – nistgħu nerġgħu nqajmu l-kelma trixx u napplikawha għal coral reef.

Dawn huma t-trixxijiet li hemm fil-qiegħ tal-ĦOFRA Ż-ŻGĦIRA, Delimara.  Naf sew x’qed ngħid għax kien eżatt hawnhekk li tgħallimt ngħum ma’ Tal-Mużew!

Ħafna Maltin jogħxew jaħdmu minn taħt biex idaħħlu fil-Malti ħafna kliem barrani li jaqla’ ‘l barra l-kelma Maltija – speċjalment jekk il-kelma Maltija li tinqala’ ‘l barra tkun kelma Semitika.  Meta jaqilgħu ‘l barra biżżejjed kliem, u s-sentenza bil-Malti tkun mimlija kliem mill-Ingliż, jaqbżu jgħajtu u jinsistu li l-Malti ma fihx kliem biżżejjed u mhux tajjeb bħala lingwa moderna.  Bħala l-aqwa prova li l-Malti m’hemmx bżonnu, ineħħuh minn fomm uliedhom, u uliedhom issibhom ostili lejn il-Malti u ma jridux jafu bih.  Il-Malti ma baqgħax l-ilsien li tathom ommhom.

Fi kliem ieħor hawn Maltin li qed jagħmlu l-ikbar vendikazzjojni u jikkawżaw l-ikbar sfreġju f’wiċċ il-kultura u l-identita Maltija – ħafna drabi bl-appoġġ tas-sistema edukattiva.

Ma npaxxuhomx.

Ġużi Gatt (C)