Fl-artiklu ta’ qabel dan konna għidna li Malta hi mdawra bil-baħar u l-baħar fih il-ħut. Il-Maltin ilhom ħafna jafu l-ismijiet tal-aktar ħut komuni li kien jinqabad mis-sajjieda u mid-dilettanti tas-sajd bil-qasba minn fuq il-blat. Fit-taqsima ta’ qabel din semmejna xi ftit mill-ħut żgħir li jinqabad bil-qasba.
Kitba ta’ Ġużi Gatt
Din id-darba se nsemmu ftit ħut komuni li jaqbduh is-sajjieda professjonali, u dari kien jinbiegħ fis-suq (suq kienu jgħidulu mhux monti. Monti wieħed biss kien hemm: Monte di Pieta, il-Belt.) suq li kien hemm f’kull raħal xi ftit kbir, u fl-ibliet. Illum ħafna ħut li jinqabad jaħtfuh tar-restoranti, u ħafna drabi trid taqbad il-karozza u ssuq biċċa sewwa biex issib ħanut tal-ħut tajjeb u li jaqdik f’dak li tixtieq. Tridux naraw jekk aħna għadniex nafu l-ismijiet ta’ xi ftit ħut tal-borma? Dan biex meta tar-restorant jikteb l-isem bl-Ingliż, aħna nkunu nistgħu ngħiduli l-isem bil-Malti.
L-aħjar ikun li nibdew b’waħda ħafifa ħalli nagħmlu ftit kuraġġ:
Lampuka
IL-LAMPUKA
Din hi ħuta magħrufa sew u naħseb li kulħadd jagħrafha meta jara waħda fuq platt. Is-sajjieda joħorġu għall-lampuki fil-bidu ta’ Awwissu, meta x-xemx tkun għolja ħafna fis-sema. Il-lampuki jidħlu għad-dell taħt il-kannizzati li s-sajjieda jqiegħdu apposta fuq wiċċ il-baħar. Meta jinġemgħu ħafna lampuki flimkien, is-sajjied jdawruhom bix-xbiek. Il-lampuka tajba moqlija, u biz-zalza tat-tadam u l-kappar.
Fanfru
IL-FANFRU
Il-fanfri jinqabdu fl-istess żmien li fih jinqabdu l-lampuki. Ħafna drabi l-fanfri jkunu miġburin mal-lampuki taħt l-istess kannizzata u allura jinqabdu flimkien. Hawn min jgħid li l-fanfru hu itjeb mill-lampuka, imma mhux kulħadd jaqbel fuq din. Hekk jew hekk, il-fanfri m’humiex komuni daqs il-lampuki u iktar diffiċli li ssibhom għall-bejgħ. Il-fanfru għandu disinn sabiħ ħafna, u meta xi ħadd joqgħod jiftaħar b’li għandu, ngħidu li qed jiffanfra.
Vopa
IL-VOPA
Il-vopa hi ħuta żgħira b’għajnejha kbar li ma tiswiex ħafna flus, imma tgħidx kemm hi tajba għall-aljotta. Jekk inti ma tiddejjaqx tneħħi ftit xewk meta tikolha, tista’ taqliha bi ftit tewm u tursin, tagħsar lumija fuqha u tgħidx kemm tiġi tajba. Meta kienet taqliha b’dal mod, ommi, Alla jaħfrilha, kienet tgħid li għamlet il-vopi “bil-qares”. Qabel taqliha, il-vopa tista’ tgerbibha fid-dqiq u billi tkun ftit imxarrba, id-dqiq jeħel magħha u tiġi kollha bajda. Għalhekk meta xi ħadd ikun qed jaħdem u jimtela kollu trab minn rasu sa saqajh, ngħidu “Sar qisu vopa”. Forsi sejjer żball, imma l-vopi ma tantx iservuha fir-restoranti. In-nisa tad-dar ta’ żmieni kienu jfittxuha ħafna, u jixtruha m’għand in-nisa tas-sajjieda li kienu jiġu r-raħal bil-kavetta fuq rashom, imbagħad aktar tard u eqreb lejna, m’għand bejjiegħ li jiġi b’vann armat apposta għall-bejgħ tal-ħut.
Sawrella
IS-SAWRELL
Din il-ħuta trid tkun moħħok hemm biex tagħrafha minn vopa. Ikollha żaqqha ftit aktar ħoxna, u ħdejn denbha jkollha xewka ċatta li l-vopa m’għandhiex bħalha. Tkun qisha tleqq u lixxa ftit aktar mill-vopa. Jekk tħobb il-ħut frisk, is-sawrella ssibha fis-suq fis-sajf, bejn Mejju u Settembru. Hawn sawrella li għandha denbha iswed, u oħra li għandha tikka sewda fuq ġisimha. Is-sawrell hawn ħafna minn iħobbu servut biz-zalza u l-kappar ta’ Malta.
Kaħlija
IL-KAĦLI
Din kienet u għadha maħbuba ħafna mill-Maltin. Tinxtara mis-suq, imma tinqabad minn fuq il-blat ukoll. Il-kaħli ma jħobbx jgħum waħdu imma jinġema’ fi ĠLEJJEB imdaqqsa, u l-ĠLIBA tgħum fuq l-alka u qrib il-qiegħ f’baħar qasir; imma mbagħad meta jfettlilha l-ġliba tal-kaħli toħroġ ‘il barra fil-fond ukoll. L-ISPARLU, is-SARGU, u x-XIRGIEN huma wkoll mir-razza tal-kaħli.
Għalkemm Malta hi mdawra bil-baħar u l-baħar fih il-ħut, xorta qed ikollna nrabbu l-ħut aħna, f’tankijiet apposta, għax inkella ma nsibux biżżejjed ħut x’nieklu. Ħafna ħut li jservuk fir-restoranti llum, hu ħut “tal-gaġeġ” jew “tat-trobbija”, u meta tistaqsi lil tar-restorant x’ħut għandu, x’aktarx li jgħidlek li għandu:
Dott
ID-DOTT
Din il-ħuta tagħrafha għax għandha ħalqha kbir. Jekk iħalluha tgħix fil-baħar kapaċi tikber mhux ħażin, imma dik li naraw aħna fuq il-platt x’aktarx tkun jew ħuta żgħira jew biċċa minn ħuta kbira. Id-dott jiekol ħut ieħor u xi granċijiet, u meta jikber ħafna jista’ jiekol anke xi qarnita. Id-dott jiftaħ ħalqu u jibla’ l-ikel sħiħ, mingħajr ma joqgħod jomgħodu. Din il-ħuta tista’ tixwiha fuq in-nar jew iddaħħalha fil-forn. Tajjeb ukoll li tagħsar lumija fuqha u titfa’ ftit żejt taż-żebbuġa – tagħmilha “bil-qares”.
Ċerna
IĊ-ĊERNA
Iċ-Ċerna hi ukoll ħuta kbira li tista’ tikber anke sa erba’ piedi (mitejn u għoxrin centimetru) u aktar. Laħamha hu meqjus li hu tajjeb u artab, u bih tista’ tagħmel aljotta mill-aqwa. Hemm iktar minn razza waħda ta’ ċerna: Hemm iċ-ċerna tal-fond, iċ-ċerna tat-tikek, u anke ħuta oħra li jgħidulha Fellus ta’ Ċerna. Kollha tajbin ħafna għall-ikel. Iċ-ċerna hi meqjusa li hi ħuta sinjura u tiswa l-flus.
Spnotta
L-ISPNOTT
l-ispnotta hi ħuta li issa saret komuni ħafna fir-restoranti Maltin. Kienet fost tal-ewwel li bdiet titrabba mill-bniedem ġewwa tankijiet kbar. L-ispnotta ddum ma tikber, imma meta tikber tista’ tilħaq anke iktar minn metru tul. Meta tkun ħielsa fil-baħar tħobb tikkaċċja l-aktar bil-lejl, u tiekol ħut ieħor żgħir. Tajba ħafna meta tkun moħmija fil-forn u tikolha mal-patata l-forn.
Gurbell
IL-GURBELL
Il-gurbell għandu rasu kbira u għajnejh zgħar. Issibu l-aktar max-xatt qrib l-art, jew inkella fuq xi sikka li ma tkunx fil-fond ħafna. Il-gurbell iħobb jinġema’ wkoll madwar xi vapur mgħarraq fil-baħar, u vapuri bħal dawn ġie li jiġu mgħarrqa apposta ħalli l-ħut jinġabar magħhom. Il-gurbell iħobb jiġri minn post għall-ieħor; daqqa jkun qrib ix-xatt, imbagħad imur ‘il bogħod mix-xatt; daqqa jkun b’baħar baxx, imbagħad imur f’post ftit iktar fond. Dan x’aktarx jagħmlu skont it-temperatura tal-baħar.
Tonna
IT-TONN
It-tonna hi ħuta kbira li l-għamla tagħha qisha magħmula apposta biex tkun tista’ tiġri b’ħeffa kbira fl-ilma taħt wiċċ il-baħar. Il-bniedem ilu ħafna jistad għal din il-ħuta, għax hi tajba ħafna għall-ikel. Imma tant qed naqbdu minnha li rridu noqgħodu attenti li nħallu waħda għar-razza. Allura t-tonn illum jitrabba wkoll fit-tankijiet mill-bniedem, u s-sajjieda ma jitħallewx jaqbdu kwantitajiet kbar minnu. Din il-ħuta tista tinxtara friska, jew iffriżata, jew anke ppakkjata ġo xi landa żgħira. Kontu tafu li t-tonn iħobb jgħum mad-dniefel, għax id-dniefel jiġġieldu mill-klieb il-baħar biex dawn ma jiklux it-tonn? Biex tara li kull qalb trid oħra.
Pixxispad
IL-PIXXISPAD
Dan hawn ħafna min jieklu għax fir-restoranti hu komuni ħafna u anke xi ftit orħos min ħut ieħor. Hawn min jitmeżmeż jiekol ħafna minnu għax iwaħħal fih li jista’ jkun fih il-merkurju. Ħeqq, jista’ jkun, imma jekk toqgħod sejjer hekk tista’ ma tiekol xejn. Għax jekk mhux merkurju, oġġett ieħor fih il-bexx, jekk mhux bexx, fih ix-xaħam, u jekk mhux xaħam fih iz-zokkor!
Ma naħsibx li semmejt l-ħut kollu li ommi, Alla jaħfrilha, kienet tagħraf fis-suq u kienet taf x’jgħidulu. Ommi żgur li kienet tagħraf il-MAZZOLA, il-MORINA, l-IMSELLA, il-ĦAMIEMA, u s-SALLURA. Imma jekk tal-anqas nerġgħu nitgħallmu xi żewġ ismijiet ta’ ħut, u nagħrfuh meta narawh sponut għall-bejgħ, forsi aħna u uliedna ma nitilfux kulma kienu jafu missirijietna.
(C) Ġużi Gatt











‘Fid-deskrizzjoni taċ-ċena, erba’ piedi huma metru u għoxrin mhux zewġ metri,
Prosit u grazzi.