Wasalna fit-tlettax-il silta ta’ din is-sensiela li fiha qed naqbdu, wieħed wieħed, mal-karattri tal-fantasija li jeżistu mistoħbija fl-ilsien Malti u niġbru kulma nafu fuqhom, ħalli ma jintnesewx u jintremew minn moħħna, imma nibqgħu niftakruhom ħalli ngħadduhom lil uliedna. Qegħdin ukoll nippruvaw noħolqu ikonografija għal kull karattru, ħalli aħna u uliedna nkunu nistgħu inpenġuhom u nagħrfu ‘l wieħed mill-ieħor bħalma nagħrfu lil Batman minn Superman. Minn irid jaqra x’għidna fuq il-karattri li ktibna fuqhom qabel, jista’ jsib dan it-tagħrif HAWN.
Din id-darba jmiss li nitkellmu fuq: IX-XIFAJK
Bl-Għul (li tkellimna fuqu fis-silta tax-xahar li għadda) tista’ tgħid li nkunu kważi għaqqadna l-lista kollha ta’ ħlejjaq li fil-Mitoloġija Semitika jgħoddu mal-Ġinn – jiġifieri x-Xjaten, l-Għefieret, u l-Għewiel. Inkunu kważi għaqqadniha – imma mhux għal kollox – għax ikun fadal wieħed. Il-Mitoloġija Semitika tagħraf ukoll karattru ieħor imsejjaħ l-IMRID.[1] Forsi tgħiduli “dan minn hu”, imma oħroġ il-għaġeb, Mikiel Anton Vassalli kien jaf b’dan ukoll. Tana l-kelma MRID, u qalilna li tfisser ribelle, contumace, transgressore, refrattario, prevaricatore.[2] Bis-saħħa ta’ Vassalli, din il-kelma tawha wkoll Aquilina[3] u Erin Serracino-Inglott[4] fid-dizzjunarji tagħhom. Qal sewwa Vassalli. L-isem hekk ifisser: ribell u ardit – fil-Mitoloġija Semitika wkoll. Pietru Pawl Saydon semma lill-Imrid fit-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja[5]; mrid hu dak li jagħmel ta’ rasu kontra l-kelma ta’ min hu aqwa minnu; u meta tiftakar li l-Malti jaf ukoll bl-isem tar-rajjes tax-Xjaten – Iblis – allura hekk tassew li nkunu għaqqadna l-lista kollha.
Imma, kos, ikun għad jonqos xi ħadd – għax lix-Xifajk għadna ma semmejnihx. Il-kliem Xitan, Għafrit, u Għul, mhux il-Malti biss jafhom. Jafuhom ġnus u ilsna oħra wkoll. Imma x-Xifajk x’ikun? Din il-kelma tidher li hi tagħna biss. Ħloqniha hawn. Imma minn fejn hi ġejja?
Fittex minn hawn u staqsi minn hemm, wieħed professor Tuneżin, permezz ta’ terzi persuni [6] issuġġerieli li dil-kelma ġejja minn espressjoni komuni ħafna fost in-nies ta Sfaqs – l-Isfaqsin. Sfaqs hi belt fit-Tuneżija, tmiss mal-baħar, u fiha l-ikbar flotta tas-sajd fil-pajjiż. Ir-rabtiet ta’ niesna ma din il-belt huma qodma ħafna u hemm x’juri li l-Għarbi mitkellem hemm għandu xebħ kurjuż mal-Malti.[7] Skont dan il-professur, fi Sfaqs, meta xi tifel ikun imqareb ħafna, jew xi ħadd jagħmel xi att tal-imġienen, in-nies jgħidulu: “Ex fik?” Daħallek xi spirtu ħażin ġo fik? Jaħseb li Xifajk hi ġejja minn din l-espressjoni “Ex fik”[8]. “Ex fik” bil-Malti tiġi “X’fik?”, jiġifieri – x’għandek ġo fik?. Niftakru li aħna l-Maltin għadna spiss ngħidu: “Dak taf x’fih!” u “Inti taf x’fik, hux!” U forsi “int x’fik”, saret “int xifajk!”. Jista’ jkun u jista’ ma jkunx, imma kull tagħrif li jista’ jagħtina mqar ħjiel żgħir dwar minn fejn hu ġej l-ilsien Malti, m’għandix jitħalla jtir mar-riħ. Niftakru li anke l-kelma “miġnun”, fin-nisel tagħha tfisser xi ħadd li għandu l-Ġinn (spirtu ħażin) ġo fih.
Hi kif inhi, Xifajk illum tfisser xi ħadd imqareb u li jaqla’ l-inkwiet. Xi tifel żgħir u mqareb spiss jissejjaħ Xifajk mill-ġenituri tiegħu meta ma jkunux jistgħu joqgħodu bi kwiethom bl-inkwiet li jaqla’ u l-praspar li jagħmel. Drabi oħra ma jkunx hemm dubju li x-Xifajk hu x-xitan nnifsu, li dejjem jara x’jaqla’ biex iġib lil dak li jkun fil-għali. Ma nixtiqux li ma jkollniex stampa tax-Xifajk ukoll. Ħsibna li nagħmluh jixbaħ lil xitan żgħir – mhux fid-daqs imma fiż-żmien, jiġifieri xitan żgħażugħ, li ta’ żgħażugħ li hu, ma jaħsibhomx, u jagħmel affarijiet, inkejja, mutetti, u praspar, li xi ħadd ikbar minnu fiż-żmien iżomm lura milli jagħmilhom. Jagħmel l-iktar affarijiet li jaħarquk u jġiegħeluk tidgħi, u iktar ma jarak tinħaraq u tinfiska, aktar jagħmillek! Imma fl-istess ħin ma xtaqniex li x-xbiha tagħna tax-Xifajk tkun minjatura ta’ kif inpenġu x-xitan il-kbir – għax b’daqshekk x’inkunu ħadna? Ridna li joħroġ l-element ta’ ċokon u ta’ żgħożija, u ta’ biża’ minn xi ħadd li minn wiċċu jurik li ma jaħsibhomx u li l-hena tiegħu hi li jġibek fl-inkwiet.
Ma kinitx ħaġa ħafifa għalina biex noħolqu xbiha tax-Xifajk. Bis-saħħa ta’ l-artist Eric Leone wasalna għal din ix-xbiha. Nieħdu gost jekk xi ħaġa joħloq xi ħaġa aħjar minn tagħna (imma niftehmu sew: trid veru tkun aħjar minn tagħna).
Ix-Xifajk – kif jimmaġinah Stephan D. Mifsud, fil-ktieb tiegħu The Maltese Bestiary.
(C) Ġużi Gatt
REFERENZI
[1] https://en.wikipedia.org/wiki/Marid
[2] Lexicon jew Dizzjunarju Malti-Latin-Taljan, editjat minn Mons. Lawrenz Cachia, Malta, 2016, paġna 258. Ħajr li Stephan D. Mifsud li ġabni konxju ta’ din il-kelma fid-dizzjunarji tagħna.
[3] MRID, Aquilina, Joseph, Maltese-English Dictionary, 2 volumi, Malta, 1987, paġna 865
[4] MRID, Il-Miklem, Erin Serracino Inglott, paġna 211.
[5] Il-Bibbja Saydon, Il-Ktieb ta’ Eżekjel, 20, 21
[6] Grazzi lil Michael Cooperson, Professur tal-G]arbi, NELC u UCLA, li staqsa lill-Professur Tune\in Nouri Gana.
[7] Zammit, Martin R., The Sfaxi (Tunisian) Element in Maltese, ktiba li nqrat fil-Konferenza Internazzjonali fuq il-Lingwistika Maltija, fl-2011.
[8] Dan hu dak li kitibli l-Profs. Nouri Gana: The only thing I can think of is (أشفيك), which is what people in Sfax use to ask whether someone is possessed. The normal expression is (شبيك), which roughly means “what’s wrong with you or what possesses you?” The usual expression is (شبيك؟ ماكنك جنّ؟), which means roughly “what’s wrong with you—are you possessed by a devil?” Hope this helps but I will keep this in mind when I speak to someone from Sfax


Jien naħseb li x-xifajk ewfemiżmu li tużah biex tevita li tghid ‘xitan’. Forsi korruzzjoni tal-kelma xitan? Niftakar li nannti ma kienitx tħallini nlissen il-kelma ‘xitan’ ghax anke l-kelma tal-biża’ u jekk tgħidha tista’ ggieghlu jidher! ‘Xifajk’ kienet alternattiva mansa u aċċettabbli.