Il-ħsieb ta’ din is-sensiela ta’ artikli hu li nirreġistraw it-toponomi li hemm fuq dawn il-gżejjer żgħar li għandna mxerdin max-xatt ta’ Malta u Għadex kollu – jiġifieri l-ismijiet tal-irdumijiet, għerien, ħofor, nixxiegħat, u kull isem li nafu bih u li ngħata mis-sajjieda, baħħara, u nies oħra midħla ta’ kull rokna ta’ dawn il-gżejjer żgħar li għandna f’rasna.

Kitba ta’ Arnold Sciberras u Jeffrey Sciberras

B’xorti ħażina, ħafna nies fostna, speċjalment dawk li jaqilgħu ħobżhom mill-industrija tat-turiżmu, jħossu li jistgħu jivvintaw l-ismijiet huma bl-Ingliż, u dawn l-ismijiet jispiċċaw biex jaqilgħu ‘il barra l-isem Malti, bħalma ġara fil-każ tal-Blue Lagoon, Blue Grotto, Manoel Island, Pretty Bay, CrocodileRock, u ħafna ismijiet oħra.  Jekk hemm isem bil-Malti, m’għandux jinħoloq ieħor barrani; imma fejn m’hemmx isem, jew l-isem mhux magħruf, il-proċess ta’ tismija jista’ jkompli għaddej.

Irridu ngħidu mill-ewwel li f’dil-kitba bnejna fuq ix-xogħol li diġa sar qabilna.  L-artikli li diġa ppubblika Alex Camilleri jiswew mitqilhom deheb, u fir-riċerka tiegħu, Camileri nkluda t-tagħrif misjub fil-kitba  antika, bħal fil-każ tal-kitba ta’ De Soldanis, Gian Franġisk Abela, u Pietru Pawl Castagna; imma wkoll dak li kitbu nies bħal Joe Zammit Ciantar u Anton F. Attard.  Fi żmienna wkoll, Simon Salafia qed jagħmel ħafna riċerka fuq l-ismijiet tal-widien ta’ Malta u Għawdex.  Aħna qed nimxu fuq il-passi ta’ dawn kollha, għax ix-xogħol ta’ tiftix ma jieqaf qatt, u minbarra l-ismijiet li ġabru ta qabilna, qed inżidu ismijiet li ġbarna aħna minn għand sajjieda u nies tal-baħar li tkellimna magħhom. Grazzi kbira tmur għal Esther Sciberras, li mingħajrha l-affarijiet ikunu ferm aktar diffiċli.  Ġużi Gatt u John Spiteri Gingell ukoll kellhom sehem kbir biex tfasslu dawn l-artikli u biex qed jiġu ppubblikati.

KEMMUNA

Kemmuna hi teżor ta’ ismijiet qodma Maltin.  Prova oħra ta’ kemm il-Malti kien daħal f’kull rokna ta’ dawn il-gżejjer.  Fis-sena  2004, Alex Camilleri ppubblika artiklu fuq it-toponomastika ta’ Kemmuna fl-Imnara Nru. 28.  Minbarra li ħadna ħafna minn dan l-artiklu, f’dil-kitba hemm ukoll it-tagħrif mogħti minn Joseph Caruana minn Għajnsielem, li familtu hi fost tal-aħħar li baqgħu jagħmlu l-opri tradizzjonali tal-baħar inkluż id-dgħajjes tal-latini.  Qrajna wkoll dak li kiteb Steve Borg fil-kotba tiegħu (ara r-referenzi). Hemm ukoll it-tagħrif li ġbarna aħna matul il-ħidma tagħna fl-istudji ambjentali, minn sajjieda u baħħara li ħafna drabi kienu huma li wassluna fuq il-postijet li tħadditna fuqhom. 

 

L-Iskolli tal-Imnieri.  Iddeċidejna li nibdew mill-Imnieri, ilsien twil ta’ art li jasal sal-Ponta tal-Imnieri u huwa l-aktar tarf imbiegħed tal-gżira fuq in-naħa tal-Grigal.  Quddiemu hemm l-Iskolli tal-Imnieri, aktar l-isfel hemm blata jew skoll ieħor imlaqqam iż-Żerżieqa. Id-daħla ta’ quddiem iż-Żurżieqa jgħidulha ż-Żokra, u aktar ‘l isfel miż-żerżieqa hemm l-Iskoll ta’ Barra.

Il-Ħofra tal-Imnieri.  Interessanti li skont tagħrif li għaddielna Joseph Caruana, taħt il-baħar, fin-naħa t’isfel tal-Imnieri, il-qiegħ jinżel aktar fil-fond u għandu l-isem Il-Ħofra tal-Imnieri.  It-tradizzjoni tgħid li l-isem “l-Imnieri” hu l-plural tal-kelma “Imnara” għax f’dawn il-postijiet kienu jitqiegħdu xi dwal għall-baħħara minħabba l-perikli tal-blat ta’ dawk in-naħiet.

L-Imkebba jew il-Qaqoċċa.    F’dawn il-kitbiet qed nitkellmu l-aktar fuq l-iskolli, ġebel, jew gżejjer żgħar li niltaqgħu magħhom.  Aktar ma ninżlu ‘l isfel f’din ix-xaqliba ta’ Kemmuna niltaqgħu mal-irdumijiet u s-sisien.  Naraw xi blat kbir, jew tirxien, fil-baħar li jistgħu jitqiesu bħala skollijiet (skolli jew skolji).  Xi wħud minnhom għandhom isem, ngħidu aħna l-Imkebba, li tissejjaħ ukoll il-Qaqoċċa.  Dan hu skoll li l-baħar kielu minn taħt, u allura qiegħed jistrieħ fuq għonq irqiq ta’ blat u tistħajlu qisu xi qaqoċċa wieqfa fuq zokk.  Aktar ‘l isfel insibu l-Iskoll tal-Balla li jissejjaħ ukoll l-Iskoll tal-Kaħli.   Fil-fatt dawn huma tliet blatiet kbar li jidhru sew mill-Marfa.

Majsi.  Aktar ‘l isfel mill-iskoll tal-kaħli hemm blata oħra li tissejjaħ “Majsi”.  Jgħidu li Għawdex kien hemm wieħed magħruf li kellu mixja daqsxejn partikolari, u n-nies ħarsu lejn dan l-iskoll fil-baħar u qalu: “Dritt qisu Majsi!  Fuq din ara l-artiklu ta’ Alex Camilleri msemmi hawn taħt.  Dan l-artiklu ta’ Alex għandu wkoll ħafna toponomi tal-ġewwieni tal-gżira li m’aħniex qed ninkudu f’din il-kitba.

Il-Ġebla ta’ taħt it-Trunċiera.  Fuq Kemmuna hemm trunċiera li nbniet mill-Kavallieri biex tħares il-fliegu ta’ bejn Kemmuna u l-Marfa.  Qiegħda qrib post magħruf bħala Il-Mixta.  Taħt it-trunċiera, fil-baħar, hemm blata li jgħidulha Il-Ġebla ta’ Taħt it-Truċiera. Hi tassew “ġebla” skont id-definizzjoni tagħha, għax fuqha hemm ħajja terrestri ta’ ċertu interess.

L-Iskoll tas-Sultan.  F’din in-naħa ta’ Kemmuna insibu sikka kbira taħt l-ilma, li fl-1889 kien inkalja fuqha bastiment Ingliż HMS Sultan.  Dan l-inċident ta l-isem lill-post. Qrib din is-sikka hemm oħra: l-Iskoll tal-Abjad tal-Prexxa.  Il-mapep maħsuba għall-baħħar ilhom ħafna jiġbdu l-attenzjoni għal dawn is-sikek.

L-Iskolji tal-Imnieri

Il-Ġebla ta’ Taħt it-Trunċiera

Il-Ponta l-Irqiqa u madwaraha.  Jekk niġbdu iktar lejn il-Punent u nduru fuq il-lemin malli naqbżu l-Ponta l-Irqiqa, naraw li l-art togħla f’daqqa sakemm issir sies ta’ ħafna sulari.  Dan is-sies jissejjaħ il-Mazz.  Dawn l-inħawi qegħdin taħt attakk lingwistiku.  Il-Ponta l-Irqiqa qed tissejjaħ Lantern Point, u l-blata li hemm fil-baħar quddiem is-sies int u sejjer iktar lejn it-torri ta’ Kemmuna qed jgħidulha Lantern Rock.  Dan ifisser li qed iberraq għall-isem Malti.  L-ismijiet it-tajbin bil-Malti huma dawn: Il-Ponta l-Irqiqa, il-Ħruq tal-Irqiqa, Taħt l-Għoli tal-Irqiqa, u l-Ġebla jew il-Ħaġra tal-Irqiqa. Din il-ġebla hi l-iktar blata prominenti minn dawk li hemm madwarha, għax tixref rasha ‘l fuq mil-ilma, filwaqt li l-oħrajn huma x’aktarx taħt wiċċ il-baħar.  Fuq il-Ġebla tal-Irqiqa hemm ukoll pjanti terrestri.  Tista’ forsi aħjar tissejjaħ “Ħaġra”, għax mhix kbira.

Il-Ġebla ta’ taħt il-Mazz.  Din issa qalgħuhielha Pigeon Rock u dan l-isem se jaqla’ lil dak Malti.  Dil-ġebla fiha l-ħajja u hi mimlija bio-diversita u speċi interessanti immens.  F’Kemmuna kollha, dak li jissejjaħ “il-Ġiżi ta’ Malta” jinstab hemm biss.

Il-Ġebla ta’ Taħ il-Mazz

Il-Bejta tal-Fenek. Ftit ftit qed nersqu lejn dik il-parti ta’ Kemmuna li hi rikka fit-toponomi kemm qodma kif ukoll “ġodda”.  Wara li naqbżu l-Ġebla ta’ Taħt il-Mazz, niltaqgħu ma daħla li saret poplari ħafna mas-sidien tad-dgħajjes li jdawru lit-turisti madwar Kemmuna u Għawdex.  Din id-daħla ilha żmien magħrufa mill-baħħara lokali, għax fiż-żmien meta fuq Kemmuna kienu joqgħodu xi familji, din id-daħla kienu jfittxuha meta l-baħar ikun imqalleb b’mod li ma tantx setgħu jinżlu l-art minn band’oħra. Fiż-żmien kienet saret anke “marfa” (jiġifieri moll) ċkejkna kemm titrakka biċċa tal-baħar żgħira.  Billi d-daħla ilha magħrufa, kellha isem: Il-Bejta tal-Fenek.  Dan l-isem jidher li m’għoġobx lil xi nies għax forsi ħassewh li “mhux tajjeb għat-turisti” – allura ivvintaw l-isem Crystal Lagoon – għax dak isbaħ.  Kif spiss jiġri, ħafna Maltin u Għawdxin issa jafu fejn hu crystal lagoon imma ma jafux fejn tiġi l-Bejta tal-Fenek.  Ma naħsbux li din hi ħaġa sew.

Taċ-Ċawla jew Ras il-Fenek.  Il-bejta tal-Fenek hi mkenna minn ħotba żgħara li toħroġ ‘il barra fil-baħar, u li tissejjaħ Taċ-Ċawla jew anke Ras il-Fenek.  Fil-ġenb tagħha, ftit ‘il barra fil-baħar hemm skoll ieħor żgħir: l-Iskoll tal-Fenek.

Il-Bibien u l-Ġebla l-Imtaqqba.  Inkomplu tilgħin ‘il fuq u quddiemna naraw żewġ blatiet kbar u imponenti.  Kulħadd jitpaxxa bihom meta nkunu fi triqitna lejn Għawdex fuq il-vapur, u minn fuqu nħarsu lejn din in-naħa ta’ Kemmuna.  Naraw dawn il-blajjet kbar u taħthom mgħawwar bl-għerien li fihom min jaf kemm inħbew il-furbani, lesti biex jaħtfu xi sajjied jew baħħar li jseħħilhom jitfgħu idejhom fuqu. Illum li għandna l-mezzi li naraw il-mappa tal-art mill-ajru, ma jkunx diffiċli biex nagħrfu li dawn il-blatiet kbar li għadna kemm semmejna, flimkien mal-Iskoll tal-Fenek, xi darba kienu biċċa art waħda, ilsien twil ta’ art magħqud ma’ Kemmunett.  Biż-żmien, flieli sħaħ minn dan l-ilsien ta’ art ċedew u għoddsu ‘l isfel fil-baħar taħt l-ilma – biex issa dan l-ilsien inqasam f’ħafna biċċiet, u bejn kull biċċa daħal jiġri l-baħar.  Skont it-tagħrif li għandna, dawk il-passaġġi jew mogħdijiet fil-baħar li hemm fuq kull ġenb ta’ dawn il-blatiet, jissejħu il-Bibien. L-ikbar blata fost il-blat kbir li għad fadal ‘il fuq mill-ilma tissejjaħ Il-Ġebla l-Imtaqqba.  Jekk tara ritratt ta’ dil-blata mill-għoli tkun tista’ tifhem għaliex tissejjaħ “l-imtaqqba”.  L-Għerien li l-baħar għawwar fil-Ġebla l-Imtaqqba jissejħu l-Għerien tal-Imtaqqba.  Il-blata l-oħra ta’ maġenbha, ferm iżgħar minnha, tissejjaħ il-Ħaġra ż-Żgħira ta’ Bejn il-Bibien.  Kemm il-Ġebla l-Imtaqqba, u kemm il-Ħaġra ż-Żgħira, it-tnejn għandhom il-ħajja terrestri fuqhom.  Ta’ min jgħid ukoll li l-Ġebla l-Imtaqqba tissejjaħ ukoll Il-Ġebla l-Kbira ta’ Bejn il-Bibien (biex taqbel mal-Ħaġra ż-Żgħira ta’ Bejn il-Bibien).

Mill-Ħaġra ż-Żgħira ta’ bejn il-Bibien tgħaddi għall-Iskolji ta’ Bejn il-Bibien, u minn dawn tista’ taqbeż għall-Kemmunett.  Jekk iżżomm din l-istampa quddiem għajnejk tkun tista tara li dan l-ilsien ta’ art li semmejna u li darba kien ħaġa waħda ma’ Kemmunett, jibda mill-Iskoll tal-Fenek, ikompli fuq il-Ġebla l-Imtaqqba, jgħaddi għall-Ħaġra ż-Żgħira ta’ Bejn il-Bibien, jaqbeż għall-Iskolji ta’ Bejn il-Bibien, u jaqbad ma Kemmunett f’dik il-parti li tissejjaħ il-Ħobża.  Biex tifhem aħjar ikun tajjeb li tara d-disinn li qed inġibu.

Is-Sikka ta’ Kemmunett.  Kemmunett tispiċċa b’ras jew ponta rqiqa li tissejjaħ in-Niggieża. L-inħawi ta’ madwar huma wkoll magħrufa bħala l-Imniegeż. ‘Il barra mill-ponta tan-nieggieża, maqtugħa għaliha fil-baħar hemm is-Sikka ta’ Kemmunett, li tista’ tissejjaħ ukoll skoll.  Faċċata tagħha, dejjem jekk tħares lejn il-lemin tal-mappa tagħna, fuq in-naħa l-oħra ta’ Bejn il-Kmiemen, hemm Is-Sikka ta’ Bejn il-Kmiemen, li tissejjaħ ukoll Tax-Xilep jew Tal-Griewel.

Il-Ħaġra ta’ Bejn il-Bibien Il-Kbira, magħrufa wkoll bħala Il-Ġebla L-Imtaqqba.

Il-Ħaġra ta’ Bejn il-Bibien iż-Żgħira

B’hekk inkunu dorna dawra mejt ma Kemmuna u Kemmunett.  Imma xtaqna li nżidu xi toponomi ta’ postijiet fuq Kemmunett li ġbarna aħna, u li jidher li m’humiex imsemmija f’kitbiet oħra fuq dawn l-inħawi.  Billi l-mappa ta’ hawn fuq hi diġa mimlija daqs bajda bl-ismijiet, qed nirripproduċu mappa oħra li fiha qed nuru dawn l-ismijiet “il-ġodda” tagħna.  Qed ngħidu li huma ġodda għax ma jidhrilniex li rajnihom imniżżla f’kitbiet oħra li kkonsultajna – speċjalment fil-kitbiet importanti ta’ Alex Camilleri.  Aħna ġbarna dawn l-ismijiet mit-“tradizzjoni orali” – jiġifieri minn dak li qalulna s-sajjieda u l-baħħara li kellmuna u wassluna sa dawn l-inħawi:

Il-Ħażna tal-Isplussiv:  L-aħjar ikun li nibdew b’din.  Nafu li dal-post hu magħruf uffiċċjalment bħala “il-Polvrista”.  Aħna jidhrilna li n-nies komuni ma jafuhx b’dak l-isem, imma jgħidu il-Ħażna tal-Isplussiv.  Kif rajna aktar qabel hemm “ħażna tal-isplussiv” oħra fuq Manoel Island.  Fil-każ ta’ Kemmunett, hemm ukoll l-isem it-Taraġ tal-Isplussiv.  Xtaqna li ninkludu din il-verżjoni biex tkun iddokumentata x’imkien.

L-Għalqa ċ-Ċatta. Dan l-isem qed ninkluduh għax smajnieħ jingħad.  Nafu li kull għalqa hi ċatta.  X’aktarx ukoll li, fi żminijiet oħra, fuq Kemmunett kien hemm xi għalqa tinħadem, u forsi dan hu l-uniku ħjiel li għad fadal ta’ dan il-fenominu.  Viċin hemm marki bil-ġebel b’forma ta’ stilla, xi ħaġa riċenti.

L-istilla ta’ Kemmunett, fl-“għalqa ċ-ċatta” – mibnija riċenti, ritratt meħud fl-2011

L-Għar tal-Bajja.  Dan l-għar jinfed mar-ramla ta’ Kemmunett.

L-Għassa tal-Fenek.  Din hi ponta għolja li minnha tista’ tara madwarek.  X’aktarx li dan l-isem ikompli mal-ismijiet bħal Ras il-Fenek, l-Iskoll tal-Fenek, u l-bqija. Fuq Kemmuna kien hemm il-fniek, u xi ħadd żgur li kien jikkaċċjahom.

Is-Salina.  Fuq dan l-għonq dejjaq ta’ art jinġabar ħafna melħ li jiġi mir-raxx tal-baħar; u fiha wkoll hemm xi ħofor li jixbħu lil dawk tas-salini.

Il-Ħofra tal-Ħasla.  Dan hu isem li xtaqna niddokumentaw, għax smajnieh jingħad; imma ma nafux għala l-post jissejjaħ hekk. 

L-Għar tal-Gambli tar-Ramel.  “Gamblu tar-Ramel” hu l-isem iddokumentat minn kittieba oħra bħala l-isem Malti għall-common shrimpCrangon crangon

Qed nimmarkaw ukoll dawn il-‘pseudo’ ġżejjer żgħar fit-tramuntana ta’ Kemmuna li ma issemmewx fil-kitba t’hawn fuq: Ħaġret l-Ozju hija ġebla imdawra kollha bil-baħar, pero għandha bħal ħnejja li tqabbadha ma’ Kemmuna. Tal-Fanal huma qatgħat pjuttost kbar ta’ blat; imma huma mifrudin minn Kemmuna b’ħafna xquq dojoq.  Biż-żmien għad jinqatgħu għal kollox minn Kemmuna.

Ritratti ta’ Kemmunett

Is-Sies tat-Tumbrell u l-Għassa tal-Fenek.

Fil-qalba ta’  Kemmunett

L-Imniegeż

Kemmunett minn Kemmuna

Ritratt ta’ xi Ħaġriet u Ġebel madwar Kemmuna

Il-Ħaġra ta Taħt it-Torri

Ħaġret L-Ozju

REFERENZI:

Borg, Steve, Il-Maltin Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, L-Ewwel Volum, Klabb Kotba Maltin, 2017
Camilleri Alex, it-Toponomastika ta’ Kemmuna, L-Imnara Nru. 28, 2004.
Sciberras, Arnold u Jeffrey (2010):Topography and flora of the satellite islets surrounding the Maltese Archipelago
Sciberras, J., Sciberras, A. u PISANI, L. (2012) Updated Checklist of Flora of the Satellite islets surrounding the Maltese Archipelago. Biodiversity Journal, 3 (4): 385-396.Cilia, D. P., Sciberras, A., Sciberras, J. & Pisani, L., (2012). Terrestrial gastropods of the minor islets of the Maltese Archipelago (Mollusca Gastropoda). Biodiversity Journal, 3 (4): 543-554.Wölfling, M., Uhl, B., Sciberras, A., & Deidun, A. (2019). Marine shelled molluscs from two locations in the Maltese Islands – a checklist. Il Naturalista Siciliano, 43(2), 239-252.
Ħajr speċjali lil Joseph Caruana minn Għajnsielem, Għawdex.