Malta qatt ma kienet maqtugħa għal kollox minn dak li kien qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna. Il-barranin ilhom li daħlu fostna, u aħna ddakkarna minnhom: ħadna kemm it-tajjeb u xi kultant il-ħażin ukoll. L-influwenza tal-barrani daħlet f’kull aspett tal-ħajja soċjali tagħna. Imma f’dan l-artiklu, l-iktar li jinteressana hu l-fatt li l-ilsien Malti żamm ġo fih xi kliem li jurina l-bidliet li saru fl-ismijiet tal-bċejjeċ tal-għamara li bihom kienet armata d-dar Maltija matul iż-żmien.
Kitba ta’ Ġużi Gatt
F’din il-kitba nixtieq insemmi xi kliem li kienet tgħid ommi, Alla jaħfrilha. Importanti li wieħed ikun jaf li ommi ma kinitx taf tgħid kelma waħda bl-Ingliż, u wisq inqas bit-Taljan. Imma mill-banda l-oħra, xorta kienet tgħid xi kliem bl-Ingliż u bit-Taljan – imma għaliha dan kien kollu Malti.
Ngħidu aħna ġieli kienet tibgħatni nġib xi ħaġa “minn fuq is-SEJBORT”. Is-sejbort kont naf liema hu. Għal ħafna żmien qatt m’għaddieli minn rasi li “sejbort” ma kinitx kelma Maltija. Aktar tard, meta tikber ftit, tinduna li “sejbort” hi l-kelma Ingliża sideboard. Allura tistaqsi lilek innifsek, ommok, li ma kinitx taf bl-Ingliż, x’għamara oħra kellha li tixhed l-influwenza tal-Ingliż f’Malta?
Iġġib xi ħaġa minn fuq is-sejbort – sideboard bl-Ingliż
Id-dar kien hemm ukoll “tolboj”. Dak kont naf fejn kien ukoll. Kienet biċċa għamara pjuttost dejqa u twila, jew għolja. Mingħalija, dik li kellha ommi kellha żewġ bibien fuq. Imma t-tall boy seta’ jkun bil-kxaxen biss.
Eżempju ta’ kif ikun Tall Boy. Jista’ jkollu biss kxaxen sa fuqnett; mhux bilfors ikollu żewġ bibien
Fid-dar t’ommi ma jidhirlix li kien hemm dresser. Imma fid-dar taz-zijiet, u fid-djar tal-ġirien – dawk kellhom Dresser. Kif jixhed isimha, din kienet biċċa għamara li daħlet fi djarna matul il-ħakma tal-Ingliżi. Jien jidhirli li d-dresser kien ikun fil-kċina jew fil-kamra tal-ikel. Allura naħseb li kien jgħodd aktar bħala kitchen dresser.
Xi ħaġa bħal din lienet tgħaddi bħala dresser. Mingħalija z-zija kellha xi ħaġa hekk.
Imma dan jgħaddi bħala dresser ukoll. Allura naħseb li l-kelma dresser ħadet post l-isem l-ieħor “pożaplatti”.
Fid-dar t’ommi kien hemm ukoll il-cupboards tal-kċina, u fihom kien hemm sink. Imm’ommi baqgħet għal ħafna snin, naħseb anke sal-aħħar, tgħid “fuq ix-xriek” u mhux “fuq il-cupboards”. Żgur ukoll li baqgħet tgħid “mejjilla” u ma kinitx tgħid “sink”.
Il-cupboards u s-sink. Ommi baqgħet tgħid “ix-xriek u l-mejjilla għal ħafna żmien.
IL- POŻAPLATTI
Aktar ‘il fuq għidt li fid-dar t’ommi ma kienx hemm dresser. Imma mbagħad niftakar li ommi kienet issemmi il-POŻAPLATTI. Mela z-zija kienet tgħid dresser, bl-Ingliż, u ommi kienet tgħid pożaplatti. Din x’kelma hi?
Id-dizzjunarji tagħna jafu dawn il-kelmiet li jibdew bil-kelma “poża”:
Pożabiljetti: Cardrack
Pożakarti: Paperweight
Pożambrella: Umbrella stand
U, m’għandniex xi ngħidu, jafu wkoll bil-pożaplatti. Is-sabiħa hi li, dejjem skont id-dizzjunarju ta’ Aquilina, dawn il-kelmiet ma jeżistux fit-Taljan, imma huma speċi ta’ kelmiet Taljani li ħloqnihom aħna. Biex nieħdu eżempju, il-Ġermaniżi ħolqu l-kelma “handy” u jgħiduha meta jirreferu għall-mobile phone. Issa handy ma teżistix fl-Ingliż bl-istess sens li tawha l-Ġermaniżi.
Jidher li ommi kienet għadha tgħid “pożaplatti” fi żmien meta dil-kelma kienet bdiet tinqala’ ‘l barra mill-kelma dresser.
Għal ommi dan kien jgħaddi bħala pożaplatti. Dak il-post l-ieħor fejn tista’ tqiegħed il-platti, dak li bl-Ingliż jissejjaħ plate rack, għal ommi kien ikun XTELLIERA.
L-influwenza tat-Taljan kienet f’Malta qabel ma daħal l-Ingliż. Fid-dar, ommi kellha wkoll LAVAMAN. Din il-kelma malajr tinduna li ġejja mit-Taljan: lava-mano. Imma jekk dan l-isem għadu jintuża llum mit-Taljani, x’aktarx li jkunu qed jirreferu għal dak li għalina hu s-sink ta’ ġol-kamra tal-banju.
Il-lavaman tagħna l-Maltin hu naqra differenti. Dak li kellha ommi kien jixbaħ ħafna lil dak li jidher fir-ritratt. Kellu wiċċ tal-irħam, u fin-nofs kellu toqba li fiha kien jidħol FLISKATUR. Tista’ tibqa’ ċert li fil-fliskatur kien ikun hemm BUQAR. Fi żmien in-nanna, kont tgħalli l-misħun fuq l-ispiritiera, titfa’ l-misħun fil-buqar, u mill-buqar tferrgħu fil-fliskatur biex tkun tista’ taħsel wiċċek filgħodu.
Lavaman li jixbaħ ħafna lil dak li kellha ommi.
Mela fil-fliskatur stajt taħsel wiċċek. Imma x’tagħmel biex taħsel partijiet oħra ta’ ġismek? Għall-ewwel snin ta’ tfuliti, fid-dar t’ommi ma kienx hemm kamra tal-banju. Din ma kinitx xi diżgrazzja kbira. Il-kamra tal-banju ma kinitx teżisti fil-parti l-kbira tad-djar tal-Maltin u l-Għawdxin. Fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor, il-Gvern kien beda jgħin finanzjarjament lill-familji biex dawn ikollhom kamra tal-banju fid-dar. Fid-dar t’ommi, il-kamra tal-banju daħlet anke qabel ma daħlet fid-djar ta’ nies oħra fir-raħal.
Imma fi żmieni, ħafna Maltin kienu għadhom jistkerrhu l-ħela tal-ilma. Ftit nies kienu daqshekk arditi u ħalja li jimlew il-banju sa fuq bl-ilma. Din kienet għarukaża. Jien niftakarni nitfa’ fil-banju borma misħun, li tkun għallejt fuq l-ispirtiera (ma kellniex gijżer – geyser), u żżidha bi ftit ilma kiesaħ sakemm it-temperatura tal-ilma tkun komda għalik. Dak ifisser li kont ninħasel f’mhux aktar minn tlieta jew erba’ pulzieri ilma. M’hemmx għalfejn li wieħed joqgħod jagħmel għaġeb fuq din, għax illum ħafna minna għandhom shower flok banju, w’allura ilma jużaw daqskemm kont nuża jien fi tfuliti – qabel ma aħna wkoll kellna shower.
FLISKATUR FUQ TREPIED
Issa missieri, Alla jaħfirlu wkoll, alavolja kellna banju, xorta fi fliskatur fuq trepied baqa’ jinħasel, kif kien jagħmel minn tfulitu. Fil-kamra tal-banju kien hemm post għal dat-trepied ukoll. It-trepied kellu post għall-fliskatur, plattina fejn toqgħod is-sapuna, u buqar li ġġor il-misħun ġo fih. Missirijietna hekk kienu jinħaslu għal ħafna snin, u għal ħafna u ħafna snin qabel, lanqas trepied bħal dan ma kellhom.
Trepied – imma daqsxejn isbaħ minn dak li kien hemm fid-dar t’ommi.
IT-TWALETTA FIL-KAMRA TAS-SODDA
Fil-kamra tas-sodda kien hemm il-GWARDAROBBA, GRADENZA – kelmiet li ġejjin mit-Taljan, u minbarra s-sodda u sidebaord li ommi baqgħet tgħidlu lavaman, kien hemm ukoll TWALETTA. Dejjem skont ma jgħidu l-esperti, dil-kelma ħadniha mill-Franċiż (toilette), imma tajniha ħoss daqsxejn “Taljan”. It-twaletta kellha mera maqsuma fi tlieta, u biha kont tista’ tara lill-wiċċek jew rasek, minn quddiem, mill-ġenb, u ftit minn wara wkoll. Imma trid toqgħod b’seba’ għajnejn – ma tridx iddum ħafna tħares fil-mera. Tal-Mużew kienu jgħidulna li San Duminku Savio kellu jagħmel tliet siegħat il-Purgatorju, u ma telgħax is-sema dritt għar-raġuni li kien idum wisq jagħmel xagħru quddiem il-mera! Ta’ dan weħel tliet siegħat il-Purgatorju.
It-Twaletta kellha mera maqsuma fi tlieta. Biha kont tista’ tara quddiem u fil-ġenb.
KOMODINA jew SKAMBELLA?
Fil-kamra tas-sodda kien hemm żewġ komodini, waħda fuq kull naħa tas-sodda. Jien dejjem “komodina” nafha, imma meta għadda ż-żmien u kont immur nara lil nannuwi, Alla jaħfirlu, fid-dar tax-xjuħ fejn kien għamel xi żmien, il-komodina li kellu ħdejn rasu kien jgħidilha SKAMBELLA. Kienet kelma ġdida għalija imma meta staqsejt nies oħra, dawn kienu jużawha wkoll. Jidher li din hi kelma li adottajniha aħna u tajniha tifsira għalina. Ġejja mit-Taljan – sgabello, jew sgabellone, imma bit-Taljan dawn il-kelmiet ifissru daqsxejn differenti.
Imma nannuwi ma kellu l-ebda dubju li dik li kellu ħdejn rasu kienet skambella.
Komodina jew skambella
Fid-dar kien hemm ukoll VETRINA. Din kienet mimlija bil-fajjenza: settijiet tat-te u settijiet tal-pranzu, buqari, tazzi, eċċ. Kien hemm ħafna minnhom għax dawn stajt takkwistahom b’xejn jekk tfaddal biżżejjed, pakketti, kartun, u għotjien ta’ bottijiet tal-laned tal-preserve li kont tuża spiss fit-tisjir jew f’oġġetti għat-tindif tad-dar. Dawn kont tista’ ssarrafhom f’ċerti ħwienet, x’aktarx il-Belt Valletta, u jekk ikollok biżżejjed, minflokhom kienu jagħtuk ħafna vażuni, tazzi, kikkri, uvieri, maggijiet, u affarijiet oħra li x’aktarx ma jkollhomx bżonnhom, imma la b’xejn, kont tifraħ bihom u toħodhom. Fid-dar fejn trabbejt kien kienet toqgħod in-nanna wkoll, u bejniethom, ommi u n-nanna kienu jfaddlu biżżejjed pakketti, kartun u għotjien biex imlew il-vettrina bihom u kont tistħajjilha se tixpakka minn ħin għall-ieħor. Ħafna mill-fajjenza li kien hemm fiha qatt ma ntużat fid-dar. Kienet hemm biss għaż-żina.
Il-vetrina li kellha n-nanna kien fiha ferm iktar imbarazz, u kont tistħajjilha se tixpakka.
Salott, sufan, pultruna, tavolina – dawn huma kallha kelmiet li ħadna mit-Taljan. Il-Maltin jafu wkoll bil-kelma kanapè. Fid-djar tar-raħal, jekk ikun hemm xi wieħed, x’aktarx li kien ikun taj-qasab. Imma ma kinitx xi ħaġa komuni ħafna – iktar xi ħaġa ta’ xi ħadd li jippretendiha xi ftit. Issa l-kelma kanape oriġinat fi Franza, imma daħlet f’ħafna lingwi Ewropej u x’akatrx li aħna ħadniha mit-Taljani.
Fid-djar tal-irħula, il-kanape kien ikun l-aktar tal-qasab, imma ma kienx komuni.
Isem li żgur ġej mit-Taljan hu Sotto Spechio. Dan kien moda ħafna fi tfuliti – jiġifieri fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor, u l-ħafna djar ġodda li nbnew dak iż-żmien tista’ tgħid li kollha kellhom wieħed.
Sotto Specchio
Ma naħsibx li semmejna kollox, imma il-bidla mill-moda Taljana għal għamara stil Ingliż toħroġ sew f’ilsienna. Fid-dar t’ommi żgur ma kienx hemm DIXWOXER, jew TAMBILDRAJER. Dawn konna għadna ma nafux bihom.
Imma kif wasalt biex nagħlaq dan l-artiklu, ftakart f’ħaġa li żgur daħlet f’darna “fi żmien l-ingliżi”. Illum m’għadekx taraha, u n-nies tal-lum bilkemm jemmnuk meta tgħidha:
SKARTOĊĊ FL-INTRATA
Sa madwar għoxrin sena wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, fid-djar ta’ ċerti nies kienet moda li jkollhom xi SKRATAĊĊ TAR-RAM li l-Maltin ikunu laqqtu minn hawn u minn hemm fi żmien il-Gwerra. Min kellu x-xorti li jsib xi żewġ skrataċċ mill-kbar nett kien iħallihom hekk – weqfin x’imkien fejn jidhru fl-intrata. Min kellu biss skrataċċ miż-żgħar kien iqegħidhom fuq xi tavolina, jew fuq il-mejda tas-sotto spechio, u aktarx iva milli le, kien iqiegħed fihom xi fjuri – l-aħjar ikunu fjuri tal-plastik, ħalli ma jitbielu u jinxfu qatt. Il-mara kien ikollha biċċa xogħol biex tillostra r-ram tagħhom bil-ĠAMBOLL (John Bull Brass Polish) u bil-ĠIBS VERĠNI (Plaster of Paris), imma meta tlesti, ir-ram jibda jleqq sabiħ.
L-iskrataċċ ma kinux l-uniċi affarijiet tar-ram li kien hemm fl-intrata. Kien ikun hemm ukoll x- żewġ GASTRI, li fuqhom kien ikun hemm BORMA tar-ram, u ġol-borma stajt idaħħal xi “qasrija ta’ ġewwa”.
Il-gastra, li fuqha kien ikun hemm “borma” x’aktarx tar-ram, u ġo dil-borma tidħol xi “qasrija ta’ ġewwa.” Ritratt mill-internet.
Platti tar-ram, imdendlin mal-ħajt.
Barra minn hekk ikun hemm ukoll xi PLATTI TAR-RAM, li jiddendlu mal-ħajt – jiġifieri l-iskrataċċ tar-ram kienu jakkumpanjaw lir-ram l-ieħor li jkun hemm fl-intrata.
Iż-Żmien itul u l-qarn idur – iż-żmien jgħaddi u l-affarijiet jinbidlu. Illum ma tantx għadek tara skrataċċ tar-ram li xi darba kienu ġew sparati mill-kanuni tal-gwerra, u lanqas m’għadek tara l-platti tar-ram imdendlin mal-ħajt. Imma oġġetti taż-żina magħmula mir-ram għadhom pjuttost komuni: platti, vażuni, ktieli, gandlieri, u xi kultant anke xi lampa bħalma kien ikollu Aladin.
Oġġetti taż-żina. Dil-kelma trid tgħidha bl-ewwel vokali twila – żijna. Jekk taħtaf il-kelma u tgħid żina’, dik tkun kelma oħra li m’għandhiex x’taqsam. Is-sitt Kmandament jgħidlek “La Tiżnix – jiġifieri tagħmilx dnubiet taż-żina’.
Il-kelma żina bl-ewwel vokali twila ġejja mill-verb ŻEJJEN, u oġġetti taż-żina huma oġġetti li żżejjen bihom.

















Prosit tassew għal dan l-artiklu. Wieħed tal-‘antiques’ kien qalli li id-differenza bejn ‘lavaman’ u twaletta kienet li ta’ l-ewwel kien normalment għall-użu tal-irġiel, filwaqt li tat-tieni kien għan-nisa. L-aħħar punt, jien naraha ereżija li tispellu kelmiet bħal ‘gijżer’ minflok il-kelma propja ‘geyser’, għax kelma Ingliża mhix se ssir Maltija sempliċement billi nispelluha ħażin. Grazzi mill-ġdid.