Mal-kelma wirdiena, il-maġġoranza tan-nies iħossu tkexkixa mas-sinsla ta’ daharhom.  Iċemplu lil tal-pest control u l-istorja tieqaf hemm. Madankollu, din il-familja ta’ insetti għandha storja u kontribut kbir fil-kultura Maltija li baqa’ għaddej minn ġenerazzjoni għal oħra.

Kitba ta’ Arnold Sciberras, Jeffrey Sciberras u Antonie Vella

Skont Caruana, il-kelma ġejja minn “werden” (li ġejja minn “radari’) u jgħid li l-insett cosí detto dal rumore rauco e continuo, simile al rumore della ruota che fa volando.  Skont I-istess awtur “werden” huwa l-ħoss li tagħmel “la ruota che fila la bambagia’.

Ma din I-ispjegazzjoni jaqbel Barbera li joħroġ li l-kelma tirreferi għal fuso di ferro del quale si serve il filatore di lana, per analogia di movimento, i Maltesi appropriano tal voce alla blatta.

Serracino Inglott iżda ma jaqbilx ma’ din l-oriġini għaliex isostni li minn “werden” għandha toħroġ il-kelma “werdien” mhux “wirdien”. Hu jikkwota lil Dozy li jgħid l-isem ta’ dawn l-insetti ġej minn flour delicates qui semblant tissur de filoselle, ou specialment de fleurs etamines, auxquelles Ie zephyr arrache des perfume.  ll-petali (jew loqom kif isejjħilhom Cremona) ta’ dawn il-fjuri suppost jixbħu lill-ġwienaħ tal-wirdien. Insomma dawn l-insetti li tant hawn minn jistmerrhom, imisshom ifakkruna fil-ward.

Kumbinazzjoni teżisti wkoll siġra magħrufa popolarment bħala “tal-wirdien” (Oljandru – Nerium oleander) iżda din m’għandhiex x’taqsam ma’ dawn l-insetti. Din is-siġra ma tiġbidx lejha il-wirdien anzi fl-imgħoddi kienet tintuża bħala velenu biex toqtolhom.

Kokroċ tan-Naxxar

Fil-fatt, l-etimoloġija mogħtija minn Caruana u Barbera hija bbażata fuq il-ħoss li jagħmlu l-insetti huma u jtiru. Ta’ minn jgħid li mit-tlett speċi prinċipali ta’ wirdien li għandna f’Malta, waħda (B.orientalis) ma tistax ittir peress li tilfet il-ġwienaħ u, mit-tnejn l-oħra, waħda biss (P.americana) ittir b’mod frekwenti. Jista’ jkun li l-isem ingħata l-ewwel lil xi ħanfus li kienu jkunu fuq il-fjuri u mbagħad ġie estiż għall-insetti l-oħra kif nużawh illum.

Dan m’għandux jiskantana għaliex ġara ezattament l-istess f’lingwi barranin. Bit-Taljan il-wirdiena jgħidulha scarafaggio li ġejja mil-kelma latina scarabeus: tip ta’ ħanfusa (Familja Scarabeidae) li, fost postijiet oħra, tkun ukoll fuq il-fjuri. Dessoulavy (1938) jagħti wkoll it-tifsira ta’ wirdiena bħala ‘beetle’ għalkemm dan jiista’ jkun dovut biss għal nuqqas ta’ tagħrif xjentifiku preċiż min-naħa tal-awtur. Hu x’inhu, dan l-isem huwa antik ħafna tant li nsibuh fid-dizzjonarju tal-Kavallier Thezan (Cassola).

Kokroċ tal-Kċina

Illum, madwar id-dinja jinstabu xi 4,600 speċi ta’ wirdrien u koċroċ li huma miġburin f’ħames 5 familji. Fil-Gżejjer Maltin s’issa instabu 23 speċi u bi ftit iktar riċerka, n-numru ta’ speċijiet għandu mnejn ikompli jiżdied peress li qegħdin fuq gżira, allura hemm ċans ta’ endemiżmu, kif ukoll dawk li jidħlu aċċidentalment, u dawk li jaħarbu mill-entomokultura u jistablixxu ruħhom fis-selvaġġ. Filwaqt li tlieta minnhom huma ikkonsidrati bħala pesti u introdotti u li tagħhom għadu mhux studjat l-impatt fuq l-ambjent naturali, għandna ukoll dawk li huma indiġeni u endemiċi, li għandhom valur ekoloġiku għoli.

L-iskop ta’ din in-nota hu li jiġu reveduti l-ismijiet bil-Malti tal-ispeċi partikolari li ġew iddokumentati ġo pajjiżna filwaqt li jingħataw ismijiet ġodda lil dawk li għal xi raġuni jew oħra qatt ma kellhom isem Malti. Nistgħu ngħidu li meta xi ħadd mill-poplu komuni Malti jara wieħed minn dawn l-insetti, huwa jrreferi għalih bħala Wirdiena u jsir l-iżball li jħalltu il-kokroċ mal-ferħ tal-wirdiena. Filwaqt li l-isem Wirdiena huwa qadim minn żmien il-kavallieri (anke qabel), il-kelma kokroċ hija mislufa minn ‘cockroach’ minn żmien l-Ingliżi. In-nanniet tagħna kienu jagħmlu distinzjoni u jużaw il-kelma wirdiena għall-ispeċi kbar, bħal il-Wirdiena Ħamra, u jużaw il-kelma kokroċ għal dawk iż-żgħar li jsibu fil-kċina, bħall-Kokroċ tal-faxx. Għal din ir-raġuni, biex ma jkunx hemm iktar taħwid fil-pubblikazzjonjiet, għalkemm irreferrejna għal ismijiet li diga’ ġew ippublikati, aħna qbadna is-sistema li nirreferu għal speċi kbar bħala ‘Wirdien’ u għal speċi zgħar bħala ‘Kokroċ’.

Wirdiena ħamra

Għalhekk, inħasset il-ħtieġa li l-ispeċi jingħatalhom isem bil-Malti sabiex dawn jistgħu jiġu rreferuti b’mod korrett u anke meta jiġu biex jinkitbu, dawn ikunu korretti. Fil-passat ftit kien hawn kitba lokali fuq dawn l-insetti imma riċentament l-istudju fuq dawn l-organiżmi żdied u wieħed mill-awturi (AS) tella’ n-numru ta’ speċi magħrufa minn sebgħa sa tnejn u għoxrin. Dawn l-ismijiet ingħataw b’ċertu ħsieb u reqqa, u inġabru minn entomokulturisti u il-pubbliku ġenerali.

L-iskop ta’ din in-nomenklatura hu biex l-ismijiet ikunu komdi biex jiġu interpretati mill–pubbliku u, biex jispjegaw ċerti prinċipji tal-ispeċi nfisha li ġiet imsemmija u b’hekk tkun tista’ ssir distinzjoni bejn speċi u oħra bil-lingwa lokali. Din il-kitba tiġbor fiha l-ismijiet kollha li jirreferu għal din l-ordni ta’ dawn l-insetti li ġbarna minn fomm il-Maltin u dawk li kellna niżviluppaw aħna għax ma kellhomx isem lokali.  Din il-lista tinkludi speċi endemiċi, indiġeni aljeni, imħalltin, u razzez domestiċi.

Wirdiena tad-djar, mara

Wasal iż-żmien li l-ismijiet preżenti tal-ispeċi ta’ flora u fawna lokali u dawk li se jiġu msemmija jiġu kkonservati u jekk hemm bżonn immodifikati għall-bżonnijiet t’issa. Fil-ġejjieni, b’mod profesjonali, għandhom jiġu reveduti minn grupp ta’ nies speċjalizzati fil-lingwa. Dak ikun l-ideal biex xi darba nġibu n-nomenklatura lokali fuq saqajha. Dan it–tim organizzat minn xi taqsima edukattiva għandu jkollu l-inkarigu li jistabilixxu l-ismijiet Maltin tal-ispeċi kollha ta’ flora u fawna. Għal kull fergħa ta’ studju dan it-tim jikkonsulta ma’ nies esperti fil-qasam rispettiv. Dawn jagħtu pariri fuq is-suġġett tagħhom u jipprovdu listi tal-prima materja, inkluż ukoll lista ta’ letteratura fejn ismijiet eżistenti jkunu diġa’ ntużaw. Jagħtu wkoll is-suġġerimenti tagħhom imma d-deċiżjoni finali tkun dejjem ta’ dan it-tim prinċipali, għax għalkemm, per eżempju, l-entomologu jkun espert fl-insetti ma jfissirx li huwa espert tal-lingwa. Dik hija l-linja tal-lingwisti u tal-esperti tal-Malti, li probabbli jkunu wkoll għalliema b’esperjenza ta’ kif trendi l-lingwa faċli u kif twassalha lill-poplu. Id-deċizjoni tagħhom tkun finali u l-l-ismijiet li jiġu stabbiliti jsiru n-nomenklatura uffiċjali li trid tintuża’ minn kulħadd. Barra minn Malta, fejn jibżgħu għall-lingwa, hekk isir, u dan huwa wieħed minn l-aħjar modi kif tikkonserva l-lingwa. Forma lokali ta’ dan it-tip li hija imsemmija hawn fuq u li nħossu li għandna nieħdu eżempju minnha saret biss fuq l-ornitoloġija (l-istudju tal-għasafar).

Wirdiena ta’ Marsalforn

Fil-bidu tas-snin sebgħin, is-socjeta’ ornitoloġika ta’ Malta (illum magħrufa bħala BirdLife Malta) ħasset il-ħtieġa li twaqqaf kumitat li ngħata l-inkarigu li jgħarbel u jistudja liema kien l-aktar isem addattat għal kull speċi, biex fil-kitba ta’ din l-għaqda jintuża l-istess isem u ma jkunx hemm varjazzjonijiet li jkomplu jfixklu lil dak li jkun. Barra minn dan ħadu ħsieb li jintgħażel l-aħjar isem ġdid għal dawk il-ħlejjaq li ma kellhomx, kif ukoll biex jibdlu xi wħud li kienu ambigwi u xejn addattati. S’intendi dan hu wieħed mil-iżjed friegħi ta’ studju li jinteressa l–maġġorranza tan-nies u lin-naturalisti lokali; u meta tara l-livell ta’ tħarbit li għadha fih in-nomenklatura Maltija, dan hu l-aktar xogħol professjonali u ta’ eżempju ta’ kif għandu jitkompla ix-xogħol fuq din il-fergħa ta’ studju u friegħi oħra.

Ħajr.

L-awturi jixtiequ jirringrazzjaw il-parteċipazzjoni ta’ diversi entomokulturisti, bdiewa, raħħala, u klijenti tal-exterminator pest control limited talli għaddewlna l-ismijiet u l-għajdut li jafu huma. Tislima u irrangrazzjament lil diversi ġurnalisti li ħabbru is-sejbiet tagħna u fil-proċess laqqmu xi ismijiet Maltin għal diversi speċi. Ħajr ukoll lil Dr. Hors Bohn talli ma’ wieħed mill-awturi żied il-lista u iddiskriva speċi ġodda għall-gżejjer Maltin.

Wirdiena tal-Foss

IL-LISTA BL-ISMIJIET

 

L-Isem Xjentifiku L-Isem Ingliż L-Isem Malti Ippubblikat L-isem kollokju – kif jingħad min- nies L-isem korrett skont l-awtur.
Corydiidae
Heterogasmica jeffreyana Jeffrey’s Fungus Rock Cockroach Wirdiena tal-Ġebla tal-Ġeneral ta’ Jeffrey Wirdiena tal-Ġebla tal-Ġeneral, Ta’ Jeffrey
Polyphaga aegyptiaca Egyptian Cockroach Wirdiena Sewda, Raħba Patri (Raġel)

Soru (Mara)

Wirdiena Ħanżir L-Art (Ferħ)

Raħba

 

Ectobiidae
Blattella germanica German cockroach Kokroċ tal-faxx , Wirdiena Irqiqa Kokroċ tal-Kċina Kokroċ tal-Kċina
Ectobius melitensis Maltese Cockroach Kokroċ ta’ Malta Kokroċ ta’ Malta
Ectobius kraussianus Sicilian Wood Cockroach Wirdiena Tal-Buskett Kokroċ tal-Buskett
Ectobius vittiventris Amberwood Roach Kokroċ tal-Port
Lopoptera decipiens Field Cockroach Wirdiena tal-Għelieqi Kokroċ tax-Xagħri (forma sewda), Kokroċ tar-raba (forma ċara) Kokroċ tax-Xagħri

 

Supella longipalpa Brown Banded Coackroach Kokroċ Isfar Kokroċ ikkulurit (ferħ), Kokroċ Mislut (raġel), Kockroċ Qanpiena (mara) Kokroċ Ikkulurit
Symploce pallens Unadorned Roach Kokroċ Lenkieni
Blaberidae
Blaptica dubia Dubia Roach Id-Dubja Id-Dubja
Gromphadorhina sp. Southern Madagascar Hissing Cockroaches Wirdiena Ġganta tal-Ħsejjes
Nauphoeta cinerea Lobster Cockroach Wirdiena tat-Tikek
Henschoutedenia flexivitta Giant Lobster Roach Wirdiena Mnaqqxa
Panchlora sp. Banana cockroaches Kokroċ Aħdar
Phoetalia pallida Pallid Cockroach Wirdiena Tal-Maskla
Pycnoscelus indicus Indian Cockroach Wirdiena Tan-Naxxar Kokroċ Tan-Naxxar
Pycnoscelus surinamensis Surinam Cockroach Wirdiena ta’ Paris Kokroċ tal-Qsari
Blattidae
Blatta orientalis Oriental Cockroach Wirdiena Tad-Djar, Wirdiena tal-Lvant Wirdiena Tleqq (Mara), Wirdiena Imxajtna (Raġel) Wirdiena tad-Djar
Periplaneta americana American Cockroach Wirdiena Ħamra (is-Selvaġġa) Wirdiena Ħamra
White-Eyed American Cockroach Wirdiena ta għajnejha bojod (forma naturali) Wirdiena tal-Erwieħ, Wirdiena tal-addolorata Wirdiena tal-Erwieħ
Feral Gozo Black Cockroach  

 

Wirdiena Bagħla

(taħlita bejn Wirdiena  Ħamra Selvaġġa u il-forma domestika ‘’venom’’

Wirdiena ta’ Marsalforn
Maltese Ivory Cockroach Wirdiena Dehbija  (razza domestika Maltija) Wirdiena Dehbija
Black Sampei Cockroach Wirdiena ta’ Sampei (razza domestika maltija) Wirdiena ta’ Sampei
Black Ditch Cockroach Wirdiena tal-Fossa (razza domes,tika maltija) Wirdiena tal-Foss
Reġina (meta tkun qed tbdiddel il-qoxra u tagħmel perjodu bajda) Reġina
Periplaneta australasaie Australian Cockroach Wirdiena Awstraljana
Periplaneta fuligonosa Smokey Brown Cockroach Wirdiena Imbaskta
Shelfordella lateralis Turkestan Cockroach Wirdiena tal-Lvant Nofsani
Blatella asahinai Asian Cockroach Kokroċ Asjatiku

 

Referenzi

ABELA, K.(2021) Naturalist finds two Maltese cockroaches new to the world. Times. August 26th pg 65-66.

BARBERA G. (1939) Dizionario Maltese-arabo-italiano. Beyrouth

BOHN.H & SCIBERRAS.A(2021) Cockroach (Blattodea, Blaberoidea) fauna of the Maltese Islands, with descriptions of two new species. Zootaxa 5023 (4): 486–508.

BONETT, G & ATTARD, J (2005) The Maltese Countryside Vol. 2 PEG Publications. 392pp

CARUANA A.E. (1903) Vocabolario della lingua maltese. Giov. Muscat. Malta

CASSOLA A. (1992) The Biblioteca Vallicelliana “Regole per la lingua maltese”. Said International. Malta

CILIA,J(2016) The Bugs don’t Bug him.Sunday Circle no 253:50-51

CILIA.J.(2020)Two New Cockroach Species Discovered In Malta On The Rise In Birkirkara And Naxxar. Lovinmalta.October 16th.

CREMONA N (1966) Maltese Technical Terminology. Vols I. II. Unpublished (melitensia, University of Malta library)

DESSOULAVY C. (1938) A Maltese-Arabic Word List. 146 p. Luzac & Co. London

DOZY, R. (1927): Supplement aux dictionnaires arabes. 2 Bde. Leiden. Paris: Brill and Maisonneuve.

GRECH URPANI,D.(2024)Bigger, Darker ‘Venom’ Cockroaches Noticed Crossbreeding In Gozo’s Marsalforn.Lovinmalta. January 19 th.

GRECH URPANI,D.(2024)Get Roached! Maltese Naturalist Arnold Sciberras Is Writing ‘The Bible Of The World’s Cockroaches’.Lovinmalta. February 10 th.

HAVIS,M.(2019)Grave-dwelling ‘mutant’ cockroach with white eyes that pushes other insects around is making a comeback after 60 years.December 19th.

PACE,Y.(2021)Two New Species Of Maltese Cockroach Discovered As Known Species Increase From Seven To 21.Lovinmalta .Augaust 27th.

SCIBERRAS, A. (2008). Nota fuq in-nomenklatura tal-mazzarelli li hawn iddokumentati fil-gzejjer Maltin. L-Imnara, 9, (1), 42-44.

SCIBERRAS, A. (2013) Fauna regarded as domestic pests in the Maltese islands – The Cockroaches. Academia.eu

SCIBERRAS, A., SCIBERRAS, J. (2015) Elusive oriental cockroach on the increase.Times.12 th July pg 6.

SCIBERRAS, A. (2016)White roach legends.Times.21 th Augaust 21st pg 8.

SCIBERRAS, A & SCIBERRAS ,J.(2020) Zewg razez ta Wirdien. Nisget Artna (22), 19.

SCIBERRAS, A., SCIBERRAS, J. (2020) Razzez domestici Maltin ta invertebrati,rettili,hut u mammiferi. Nisget Artna (21)pgs 8-9.

SULTANA, J & FALZON V (Ed) (2002) Wildlife of the Maltese Islands, Birdlife Malta & Nature Trust, Malta 366pp.