L-artiklu fuq il-ĦOBŻ TAL-MALTI li deher f’ilmiklem.com ftit taż-żmien ilu jidher li qanqal ħafna interess. Dan forsi ġej mill-fatt li fiż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom, huma ħafna dawk il-Maltin u l-Għawdxin li qed jerġgħu jmiddu jdejhom biex jagħġnu l-għaġina u jaħmu l-ħobżhom ġewwa darhom stess.
Qegħdin inġibu silta minn kapitlu itwal li kien deher fit-tieni volum tal-ktieb Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni, ta’ Ġużi Gatt. Minn dan il-kapitlu twil, għażilna s-silta ta’ kif il-furnar dari kien jibda iqiegħed il-ħobż waħda waħda fuq il-qiegħa tal-forn, biex il-ħobż jinħema u jsir.
Kitba ta’ Ġużi Gatt
IL-FORN TAL-ĦOBŻ TAL-MALTI.
Meta l-forn ikun sħun, u l-qiegħa lesta u nadifa, l-furnar jaħseb biex jibda JAĦBEŻ, jiġifieri jibda jdaħħal il-ħobż għadu nej, waħda waħda fil-forn bil-PALA. Għalkemm qed insemmu dejjem lill-“furnar”, fil-forn mhux ħaddiem wieħed ikun hemm. Dak li jaħbeż jissejjaħ il-ĦABBIEŻ, u diġa għidna li dan irid ikun tas-sengħa, għax jekk ma jagħrafx iqassam il-ħobż sewwa fuq il-qiegħa, jista’ jiġi f’ħafna nkwiet. Ejjew naraw kif. Il-ħobż jitqiegħed fuq il-qiegħa billi jiddaħħal waħda waħda mill-bieb tal-forn permezz tal-PALA. Mod wieħed huwa dan:
L-ewwel ħobża li tqiegħed fuq il-qiegħa hi importanti ħafna, għax din tikkondizzjunalek kif tqiegħed il-kumplament tal-ewwel filliera. Biex il-kobor tal-forn jintuża sewwa u biex il-wisa’ tal-qiegħa ma jinħeliex, hu importanti li l-ħobża titqiegħed fuq ġewwa nett, imbasta ma tmissx mal-ħajt tal-koppla. Il-ħobż l-ieħor jitqiegħed ħdejn l-ewwel waħda; waħda waħda. Għalkemm hu importanti li l-ħobż ma jmissx mal-ħajt tal-koppla, ma jinpurtax jekk il-ħabbież IBEWWES il-ħobża ma’ dik ta’ ħdejha fil-filliera. Fil-fatt hekk jiġri, u dik hi l-kelma li tintuża: IBEWWES.
Imma mbagħad, ħej, ma tridx tbewwes il-ħobża mal-filliera ta’ quddiemha wkoll, għax inkella l-ħobża jkollha erba’ bewsiet, u ma tkunx ta’ quddiem in-nies. Kull ħobża li taħsel tkun f’tarf il-filliera jkollha biss bewsa waħda. Din jgħidulha ĦOBŻA TAL-ĠENBA, u kienet tinxtara minn min kien iħobb iżjed il-qoxra milli l-ilbieba.
L-eżempju li qed inġibu hu mod wieħed biss ta’ kif tqassam il-ħobż fuq il-qiegħa. F’dan l-eżempju tagħna, għad fadlilna ġenb li għadu vojt. Il-furnar li tani dan l-eżempju, Feliċ Fenech, tal-Ħobż, mill-Mosta, qalli li hu kien iqssam ix-xogħol hekk, imbagħad f’dak il-ġenb li jibqa’, jagħmel l-VERES – jiġifieri jerġa’ jibda sensiela ta’ fillieri oħra minn dak in-naħa, għax idu hekk kienet tagħtih. Imma kulħadd kellu l-mod tiegħu ta’ kif iqassam ix-xogħol. Innutaw li ħallejna ftit spazju fuq quddiem. Dan kien jimtela wkoll. Imma xtaqna nsemmu li minn wara l-gwerra sas-snin sittin jew sebgħin, ħafna fran kien jagħmlu l-ĦOBŻ TAL-KEXXUN. Dan kien żgur ġej minn influwenza Ingliża. Il-ħobż tal-kexxun kien ikun tajjeb biex bih tagħmel sandwich la Ingliża. Kienet tkun l-istess għaġina tal-ħobż tal-Malti, imma l-ħobża, minflok tinħema fuq il-qiegħa tal-forn, kienet tkun ġo landa tawwalija msejħa KEXXUN. Il-kxaxen kienu jitqiegħdu mal-ġenb qrib il-bieba tal-forn, kif jidher fid-disinn. Fl-istess disinn jidher li għad hemm spazju vojt fuq in-naħa tal-lemin ukoll.
Dak ħallejnieh biex inkunu nistgħu insemmu li meta l-“forn Malti” beda, ftit ftit, jispiċċa, u l-forn beda jsir “forn Ingliż”, f’dak l-ispazju daħħlet denbha parti mill-“gulley”, magħmula mill-ħadid fondut. Imma fuq il-forn Ingliż nitkellmu ftit iktar ‘il-quddiem.
Wieħed malajr jifhem li sakemm il-ħabbież idaħħal il-ħobż kollu fuq il-qiegħa tal-forn, jgħaddi ftit tal-ħin, u f’dak il-ħin il-forn ikun tilef xi ftit mis-sħana tiegħu. Dan jiġri l-aktar fuq in-naħa ta’ quddiem, qrib il-bieba tal-forn. Biex il-ħabbież jara li dak il-ħobż li jsib ruħu f’dik in-naħa tal-forn ma jibqax nej, kien jagħmel dan li ġej: Fil-ħobż ta’ quddiem nett kien jagħmel żewġ qatgħat, bis-sikkina, għamla ta’ salib. Dan biex ikun aktar faċli għas-sħana tal-forn li tilħaq il-ġewwieni tal-ħobża, w’allura l-ħobża ssir minn ġewwa wkoll. Dan kien jissejjaħ ĦOBŻ TAS-SIKKINA. Imma billi xi furnara kienu jagħtu daqqa waħda bis-sikkina lill-ħobż kollu li jidħol fil-forn, dak ta’ quddiem nett kien jissejjaħ ĦOBŻ TAS-SALIB, għax kien ikollu żewġ qatgħat għamla ta’ salib. Barra minn hekk kienet issir ħaġ‘oħra wkoll. Il-ħabbież kien jagħmel QABS. Qabel ma jagħlaq il-bieba tal-forn biex iħalli l-ħobż jinħema, kien iqiegħed ftit ħatab irqiq u li jaqbad malajr eżatt wara l-bieba, u bih jagħmel ħuġġieġa żgħira. Fil-ftit ħin li dik il-ħuġġieġa tibqa’ taqbad, is-sħana tagħha tkompli tgħin lill-ħobż biex isir.
Il-ħobż irid mill-anqas siegħa ħami. Meta jidhirlek li l-ħin tiegħu ikun wasal, tiftaħ ftit il-bieba, tagħti daqqa t’għajn, u tiddeċiedi tibdiex toħroġ il-ħobż jew tħallih isir ftit ieħor. Togħxa tisma’ l-Malti użat mill-furnara l-qodma huma u jfissrulek il-proċess tal-ħami. Carmelo Micallef, tal-Kina, qalli li meta fl-għaġna ma titfax melħ biżżejjed, il-ħobż JINTRABAT – jiġifieri ma jogħliex biżżejjed u jibqa’ żgħir. L-istess furnar qalli li l-ġebla tal-forn trid tkun ġebla t’Għawdex, “għax il-ġebla ta’ Malta “TNIGGIŻLEK il-ħobża” – jiġifieri taħraqhielek. Karmena Buttigieg, tal-Mulejja, qaltli li meta l-forn ma jkunx sħun biżżejjed, il-ħobż jiġi BLA QIEGĦ – jiġifieri jibqa’ artab minn ġewwa – imma forn ħami ħafna (sħun iżżejjed), ISENNEĠ il-ħobż – jiġifieri l-ħobż jiġi iebes wisq. B’eċċezzjonijiet żgħar, il-ġenerazzjoni li tiela’ m’għadhiex titkellem hekk.
Biex jaħbeż, jiġifieri biex idaħħal il-ħobż għadu nej fil-forn, il-ħabbież juża l-PALA TAL-ĦABŻA. Meta jiġi biex joħroġ il-ħobż misjur mill-forn, il-ħabbież juża l-PALUN. Id-differenza hi li l-palun għandu l-keff (dik il-parti li tista’ taqbad biha) itwal minn tal-pala, biex hekk taqbad iktar ħobż b’palatura waħda u tħaffef iżjed.
Issa ejjew nitkellmu ftit fuq il-kwalitajiet ta’ ħobż li (dari kien) joħroġ minn ġol-forn. Iktar ‘il fuq f’din it-taqsima diġa għażilna bejn ĦOBŻA u ĦOBŻA TAS-SIKKINA. Dawk il-furnara li kienu jagħmlu qatgħa bis-sikkina fil-ħobż kollu li jidħol fil-forn, kienu jsejħu l-ħobża b’qatgħa waħda bħala ĦOBŻA BIL-KAPPELL, u dik l-oħra li tkun eqreb lejn il-bieba w’allura trid ftit aktar għajnuna u jkollha żewġ qatgħat, kienu jsejħulha ĦOBŻA TAS-SALIB. Imma meta kont tifel jien, in-nies kollha kienu jagħmlu distinzjoni bejn ĦOBŻA u ĦBEJŻA. L-użin tal-ħobż inbidel ħafna matul iż-żminijiet, imma fi żmieni l-ħobża kienet ta’ ratlejn, u l-ħbejża kienet ta’ ratal. Il-furnar kien ikollu jiżen il-ħobża jew il-ħbejża, u jekk ma kinitx tiżen kemm suppost, kien jaqtagħlek ĠONTA minn ħobża oħra u jagħtik il-ġonta wkoll. Illum il-kelma ĦBEJŻA, b’xorti ħażina, inqatgħet, għalkemm setgħet faċilment baqgħet tintuża għal dawk il-ħbejżiet iż-żgħar li fi żmienna għadhom jintużaw għall-ĦOBŻA BIŻ-ŻEJT Maltija.
Kelma oħra li qed tintilef hi l-kelma FETTUL. Din tingħad għal dak il-ħobż tal-Malti li jkun magħmul tawwali. Dan għadek issibu f’ħafna ħwienet tal-merċa minn ta’ daż-żmien. Sa ftit ilu, taħt Bieb il-Belt, qabel ma waqqgħuh, kien għadu jpoġġi bejjiegħ tal-ħobż li kien jiġi b’kaxxa mdaqqsa, magħmula mill-kurrenti tal-injam u bil-ħġieġ, u mal-bieba tal-ħġieġ kien ikollu miktub il-prezz ta’ dak li jkun qed ibiegħ. Fil-lista kien hemm imniżżla l-kelma FETTUL, u jekk lil dan il-bejjiegħ kont titolbu fettul kien jagħtik ħobża ftit tawwalija. Dil-kelma qed tintilef ukoll.
Forsi għad hawn min sema’ bil-ĦOBŻ TAL-MAĦLUT. Dan il-ħobż kien jissejjaħ hekk għax kien magħmul mid-dqiq tal-QAMĦ imħallat mad-dqiq magħmul mix-XGĦIR. Ix-xgħir minn dejjem kien orħos mill-qamħ, u l-ħobż tal-maħlut kien orħos minn dak magħmul biss mid-dqiq abjad tal-qamħ. Hu minħabba f’hekk li fil-Malti nibtet l-espressjoni NKUN NAF X’ĦOBŻ TIEKOL. Illum din l-espressjoni saret tfisser li meta jien nagħmilha miegħek inkun naf int ta’ liema karattru int, inkun naf x’issarraf. Imma meta tnisslet, din l-espressjoni kellha x’taqsam mal-fatt li l-ħobż tal-qamħ kien jixtrih min kien aktar tat-tajjeb. In-nies komuni kienu jieklu l-ħobż tal-maħlut. Jekk inkun naf li int tiekol il-ħobż tal-maħlut, bħali, allura jfisser li int tal-qatgħa u tal-klassi tiegħi. Jekk tiekol ħobż ieħor, jiġifieri li int ta’ klassi oħra.
Forsi l-iktar distinzjoni li għadha magħrufa kemm fil-moħħ u kemm fil-fomm tal-Maltin tal-lum hi dik ta’ bejn ĦOBŻA u FTIRA. In-nies kollha li m’humiex furnara, u li staqsejthom x’inhi d-differenza bejn ħobża u ftira, wara li ħasbuha ftit qaluli: “Ħobża jkun fiha l-ħmira, u ftira tkun bla ħmira”. Intenni li hawnhekk qed ngħid għan-nies li m’humiex furnara. U s-sabiħa hi, li n-nies għandhom raġun – imma biss jekk wieħed joqgħod fuq in-NISEL TAL-KLIEM u mhux fuq il-fatti kif inhuma llum. Fil-lingwi Semitici, il-ĦOBŻ ĦMIR hu l-ħobż bil-ħmira, u l-ĦOBŻ FTIR hu l-ħobż bla ħmira, ħobż ażżmu.[1] X’aktarx illi f’Malta, f’xi żmien, hekk kien ukoll. Imma llum l-furnara kollha aċċertawni li l-ftajjar li jsiru fi żmienna huma kollha magħmula mill-istess għaġina tal-ħobż l-ieħor. Il-ftira ma jkebbuhiex biex issir tonda qisha ballun, imma jħalluha ċatta. Jiġifieri l-ftajjar ta’ żmienna fihom il-ħmira wkoll, għax huma magħmula mill-istess għaġina tal-ħobż l-ieħor; imma jekk toqgħod man-nisel tal-kelma, “ftira” suppost li hi bla ħmira. Il-furnara li tkellimt magħhom qaluli li l-ftajjar jiftakruhom “minn dejjem”. Żeppi Ellul, il-Boqboq, qalli li l-ftajjar kienu jitfgħuhom fil-ġenb tal-forn, fuq quddiem nett, waqt li l-ħabbież ikun qed jaħbeż. Billi l-ħabbież idum ftit sakemm iqiegħed il-ħobż kollu f’postu fuq il-qiegħa, il-ftajjar jilħqu jsiru, jinħarġu ‘l barra, flokhom jidħol il-ħobż tal-kexxun, u l-forn jingħalaq għal xi siegħa jew ftit iktar, sakemm il-ħobż jinħema.
Imma ma rridux ninsew il-ftira l-oħra: dik il-bicca għaġina ċatta li fuqha l-mara tad-dar kienet tqiegħed xi tadam, inċova, żejt, tewm, jew irkotta, jew ġbejniet, eċċ. u toħodha għand tal-forn biex jaħmihielha. Dawn, dari, kienu komuni ħafna, u mhux biss il-forn tal-Maxokk f’Għawdex kien jagħmilhom biex ibiegħhom, imma, jekk tmur lura biżżejjed fiż-żmien, ħafna fran oħra f’dawn il-gżejjer. Illum, b’xorti tajba, dawn it-tip ta’ ftajjar Maltin reġgħu feġġew f’xi restoranti fostna, u m’għadniex ikollna nitqannew biss bil-Margherita, Cappriciosa, Marinara, u Napolitana li huma, wara kollox, ftajjar Taljani. Imma fl-istess ħin qed isiru ħafna “invenzjonijiet” fuq l-ingredjenti ta’ fuq il-ftajjar Maltin li qed jidhru fir-restoranti. M’hemm assolutament xejn ħażin f’dan, imma l-ftajjar ta’ dari m’għandhomx jitħallew imutu. L-aktar ftajjar komuni dari kienu dawn:
Ftira biż-Żejt, Tadam, Inċova (jew Sardin), u Tewm. Il-Patata mqatta’ roti roti spiss kienet tidħol ukoll.
Ftira bil-Bajd u l-Ġbejniet.
Ftira bl-Irkotta u l-Majjal; xi kultant b’xi Zalzett tal-Malti wkoll.
Ftira bil-Makku (meta jkun żmienu).
Ftira biz-Zokkor u ż-Żejt (x’aktarx din tgħaddi mal-ħelu).
Ftira (u din mhix wisq magħrufa u m’għandhiex tintnesa) bit-TOQLIJA – toqlija tal-basal u t-tadam (u melħ u bżar u ħwawar oħra, m’għandniex xi ngħidu). Feliċ Fenech tal-Mosta qalli li wara li tidlek it-toqlija fuq il-ftira, kont tagħmel ukoll strixxi dojoq tal-għaġina u ssallabhom f’għamla ta’ gradilja, bħalma ġieli kien isir fuq it-torti. Feliċ qalli wkoll li fit-toqlija m’għandikx iżżid il-ġunġlien. (Mid- dehra l-ġunġlien kien komuni f’xi ftajjar li semmejna hawn fuq.)
[1] KHUBZ, Encyclopaedia of Islam, it-2 ediz., Leiden, Brill, paġna 41.
IL-MIKLEM TAL-FORN TAL-ĦOBŻ TAL-MALTI
Hawn taħt ġbarna ħafna mill-kliem li hu marbut mas-sengħa tal-furnar:
| Il-Qiegħa | L-art tal-forn, ġewwa l-koppla. |
| Il-Forna | Forn żgħir, x’aktarx mibni ħdejn il-forn ikbar ta’ maġenbu. |
| Il-Ħażżiena | Kamra fuq is-saqaf tal-forn, fejn jinħażen il- ħatab. |
| Il-Qânja | Bħal ħoġor magħmul miċ-ċangatura, quddiem
il-bieba tal-forn, u fir-rokna tiegħu jitgeddes il- ġamar għadu jikwi li jinħareġ minn fuq il-qiegħa tal-forn. |
| Il-Pala (tal-ħabża) | Tintuża biex jiddaħħal il-ħobż nej ġol-forn. |
| Il-Palun | Jintuża biex jinħareġ il-ħobż il-misjur mill-forn. |
| Il-Kenniesa | Tintuża biex tiknes u tnaddaf il-qiegħa tal-forn. |
| Il-Ġebbieda | Tiġbed ‘il barra l-ġamar minn fuq il-qiegħa. |
| Qabs | Ftit ħatab irqiq biex tqabbad. |
| Ħobża tal-Ġenba | Ħobża li tkun imbewsa minn naħa waħda biss. |
| Ħobża tas-Sikkina | Ħobża li jkollha qatgħa bis-sikkina fil-wiċċ. |
| Ħobża tal-Kexxun | Ħobża moħmija ġo kexxun tal-landa, u mhux fuq il-qiegħa. |
| Ħobż tal-Maħlut | Ħobż magħmul minn taħlita ta’ qamħ u xgħir. |
| Ħobż ismar | Ħobż magħmul mid-dqiq mhux mgħarbul, u allura għad hemm fih il-partijiet kollha tal-qamħa. Billi fi żmienna m’għadniex naħsbu bil-Malti, dan issa jgħidulu wholemeal. |
| Ħobż tal-Birra | Ħobż maħmul bil-ħmira tal-birra. |
| Ħbejża | Ħobża żgħira. |
| Ftira | Ħobża ċatta. |
| Fettul | Ħobża tawwalija. |
| Kagħka | Għaġina moħmija f’għamla tonda, |
| Xuwa/Xiwa | roast. |
| Xawwata | Focaccia, kull waħda mill-ikliet li jkun hemm fix-xuwa. |
| Lbieba | Il-parti r-ratba tal-ħobża. |















