Din hi taqsima oħra minn sensiela ta’ kitbiet maħsuba biex il-Maltin u l-Għawdxin jerġgħu jsiru midħla tal-karattri fittizji tal-fantasija li dari kienu jixgħelu l-istħajjil ta’ niesna. Jekk din hi l-ewwel darba tiegħek li qed taqra l-kitba ta’ dis-sensiela, ikun tajjeb li tfittex u taqra wkoll l-introduzzjoni, li għandek issibha HAWN. Fl-introduzzjoni għamilniha ċara li ħsieb tagħna hu li nagħtu biżżejjed tagħrif biex aħna l-Maltin inkunu nistgħu inpenġu x-xbiha ta’ kull karattru b’mod li l-karattri jkunu jingħarfu minn xulxin – bl-istess mod ta’ kif aħna nagħrfu x-xbiha ta’ Father Christmas, Batman, Superman, Xummiemu, u l-bqija. Bis-saħħa t’hekk, mhux biss it-tagħrif folkloristiku ta’ kull karattru ma jintilifx, imma wkoll dawn il-karattri ma jmutux, u jerġgħu jieħdu l-ħajja biex tistagħna l-kultura Maltija. Il-karattri li tkellimna fuqhom s’issa tista’ ssibhom HAWN. Illum imiss li nitkellmu fuq:
IL-ĦADDIELA
Fil-bidu ta’ din il-kitba konna sħaqna li dak li aħna nafuh bħala l-ĦARES m’għandniex nħawduh ma’ dak li jkun aħjar jekk ngħidulu RUĦ jew Spirtu. Din it-taħwida qed tiġri sempliċement għax l-Ingliż m’għandux l-ekwivalenti tal-Ħares, allura l-Maltin li, għarukaża għalihom, saru jaħsbu bl-Ingliż mhux bil-Malti, qed jitfixklu l-Ħares mal-kelma ghost. Ghost hi Ruħ li, dejjem skont it-twemmin sempliċi tan-nies ta’ dari, tibqa’ tidher wara l-mewt. Ir-Ruħ li tibqa’ tidher tkun ta’ xi ħadd li f’għomru tkun ġratlu xi ħaġa kerha li wara mewtu ma ħallitux jistrieħ – bħal meta xi ħadd jiġi mgħallaq bla ħtija, jew maqtul kiesaħ u biered u ġustizzja miegħu baqgħet ma saritx – u ruħu tibqa’ tidher u tbeżża’ n-nies għax ma ssibx mistrieħ fil-qabar. Sa mill-bidu nett xtaqna ngħidu li l-Ħares mhux l-istess ħaġa. Huwa ħlejqa tal-fantasija għal kollox differenti. Il-Ħares m’huwiex raġel bħall-oħrajn; għalkemm hu maskili u mhux femminili, jiġifieri m’huwiex mara; b’danakollu mhux raġel komuni tad-demm u l-laħam, u mhuwiex ruħ. Mela x’inhu? X’għamla ta’ ħlejqa tal-fantasija hu? Irridu ħafna sabar biex inwieġbu din il-mistoqsija, imma ta’ lanqas hawnhekk se ndommu ħolqa oħra fil-katina li wieħed jittama li twassalna biex nifhmu u nżidu biċċa oħra ma’ dak li diġa nafu. Ejjew nerġgħu nsemmu dak kollu li nafu fuq il-Ħares:
- Nafu li l-Ħares hu ikrah, għandu erbat iswaba’ u mhux ħamsa – għax m’għandux behem;
- Nafu li jħobb jidħol ġo xi dar vojta, jew ġo xi ħirba (dar imwaqqa’ u abbandunata), jew ipoġġi ġo xi għar ikrah u mudlam;
- Nafu li għandu l-flus tad-deheb – u nafu li lill-Ħares issibu wkoll fejn ikun hemm xi teżor moħbi. Meta l-Ħares ikun jaf li hemm teżor, lilek jara kif jagħmel biex ma jħallikx tersaq ‘il hemm – imma hu jsibu t-teżor u bis-saħħa t’hekk lil xi nies il-Ħares ikun jista’ jagħtihom il-muniti tad-deheb u jfawwarhom bil-flus;
- Nafu wkoll li l-Ħares għandu l-ħila li jieħu l-għamla ta’ xi serp, l-għamla ta’ kelb, jew ta’ qattus; il-kulur ikun dejjem iswed.
- Nannuwi Anġlu Gatt, Alla jaħfirlu, meta kien mixħut fuq is-sodda ta’ xjuħitu darba kien qalli, ma nafx hux biċ-ċajt jew bis-serjeta’ li l-Ħares tarah biss fid-dlam! Jekk ikun hemm il-Ħares u tixgħel sulfarina jew xemgħa, l-Ħares jgħib fid-dawl tax-xemgħa! Prosit għalina!
- U bilħaqq – nafu xi ħaġa fuq il-mara tiegħu. Għax il-Ħares, li hu raġel, għandu l-mara wkoll.
Fil-ħajja spiss jiġri li tkun mimdud f’soddtok u f’dak il-ħin tal-lejl li donnok tkun se tidħol fin-ngħas, tħoss li għadek taf x’qed jiġri, imma trid titkellem u ma tistax; trid tiċċaqlaq u tiġri imma tħoss riġlejk u dirgħajk marbutin mal-art; tħossok trid tgħajjat imma xi ħadd qed jagħfas fuq rasek u jżommok qisek ġo morsa; tħossok li għalkemm msammar f’postok, xorta qed taqa’ b’sabta kbira f’bir bla qiegħ u ma tista’ tiggranfa ma’ xejn. Il-ħolma tkun tant ċara quddiem għajnejk li tispiċċa tgħajjat għajta kbira, tistenbaħ, u ssib ruħek għarqan xraba u b’saqajk jirtogħdu. Meta jiġrilek hekk jgħidu li qabditek il-ĦADDIELA.
Sleep paralyses – mill-internet
Dan il-fenominu fiżiku hu magħruf mad-dinja kollha; għax il-bnedmin kollha huma suġġetti għalih. Bl-Ingliż jgħidulu Sleep, jew Dream Paralysis, u xi kultant jissejjaħ ukoll The Old Hag Syndrome. Hu fenominu naturali li t-tifsira tiegħu għandna nsibuha fix-xjenza medika. Imma l-ħolm u l-irqad hu qasam li x-xjenza ma tantx tifhem fih, u l-bniedem jobgħod iħalli fenomini naturali li jmissu lilu mill-qrib mingħajr ma jsibilhom tifsira sempliċi li tissodisfah. Anke l-istess isem bl-Ingliż – The Old Hag Syndrom – diġa jagħtik x’tifhem li l-folklor jidħol ukoll f’din il-biċċa. Il-Malti ma qagħadx lura.
Il-Folklor Malti jgħid li meta toħlom hekk, ikun ifisser li fid-dar hemm, mhux il-Ħares innifsu, imma l-mara tiegħu – il-ĦADDIELA. Ikun qed jiġrilek hekk għax il-Ħaddiela, li tkun daħlet f’dik id-dar qablek, ma tkunx tridek toqgħod hemm; tkun tridek titlaq ‘il barra u tikri band’oħra. Imm’allura inti x’tista’ tagħmel fuq din il-biċċa? Possibbli ma tista’ tagħmel xejn? Iva tista’. Li għandek tagħmel hu li, qabel ma torqod, tpoġġi muftieħ taħt l-imħadda! Minflok muftieħ kien hemm min jgħid li għandek tqiegħed sikkina taħt l-imħadda. Sikkin tajba wkoll. U l-għala muftieħ jew sikkina?
Għalkemm ir-raġuni għala ilha li ntnesiet fost niesna, l-istudjużi tal-Antropoloġija u l-Folklor ilhom jafu li skont t-twemmin popolari primittiv, l-ispirti l-ħżiena ta’ diversi popli differenti – ibda minn dawk Nordiċi tal-pajjiżi kesħin tat-Tramuntana, kompli bil-kulturi tal-Indja u Sri Lanka, ibqa’ nieżel għand is-suwed tal-Afrika tal-Punent, u erġa’ itla’ lejn l-Afrika ta’ Fuq, li hu l-post li lilna l-aktar li jmissna mill-qrib – l-ispirti l-ħżiena ta’ dawn il-kulturi, kollha jibżgħu mill-ĦADID. Għall-Malti ta’ dari, muftieħ jew sikkina kienu l-aktar biċċiet tal-ħadid li seta’ jsib malajr u fil-qabda fost l-oġġetti li jkollu f’daru. F’Malta, il-ħadid kien effettiv mqar kontra l-Għajn Ħażina. Ftit tas-snin ilu, waħda miz-zijiet tiegħi rrakkuntatli kif ftit wara li wildet lil binha – li jiġi l-kuġin tiegħi – kellha bżonn tmur tara f’raħal ieħor lil waħda ħabiba tagħha li wkoll kienet tqila, imma li kienet għadha ma wilditx. Meta kienu jafu li sejra tara mara oħra tqila, in-nies qalu liz-zija: “Ħu ċavetta miegħek! Ħu ċavetta żgħira u żommha moħbija f’idek sakemm iddum magħha!” Dari, il-ħlas tat-trabi kien riskjuż – ħafna ommijiet kienu jmutu huma u jildu t-trabi tagħhom; ħafna trabi kienu jmutu żgħar; in-nisa tqal kienu jkunu kollha qalbhom ittaqtaq u kollha jitolbu li t-tqala tagħhom tispiċċa b’wiċċ il-ġid. In-nies kienu jirraġunaw li meta l-mara li għadha ma wilditx tara liz-zija, żgur li jgħaddilha minn moħħha l-ħsieb li z-zija kienet wildet b’wiċċ il-ġid, waqtilli hi għadha bil-biża’ li t-tqala tagħha tispiċċa ħażin. Iċ-ċavetta moħbija f’id iz-zija kienet tilqa’ l-għajn ħażina li setgħet toħroġ minn xi għira jew biża’ tal-mara li għadha ma wilditx – għajn ħażina li setgħet tagħmel ħsara liz-zija, jew lill-kuġin tiegħi li kien għadu tarbija tat-twelid. Dari anke meta jqiegħdu tiġieġa qroqqa fuq il-bajd, bit-tama li jfaqqsu l-flieles, mhux biss kienu jagħtu kas tal-fażi tal-qamar, imma ġie li kienu jqiegħdu wkoll muftieħ taħt il-qroqqa; taħt it-tiben tal-binnija, biex iħares lit-tiġieġa minn kull Għajn, u l-bajd ifaqqas kif għandu jfaqqas.
Mela l-muftieħ, jew is-sikkina; it-tnejn tal-ħadid, kont tqegħdhom taħt l-imħadda biex il-Ħaddiela, li hi l-mara tal-Ħares u li tkun tridek titlaq mid-dar, ma tidħollokx fil-ħolm u tħarbatlek il-mistrieħ tal-lejl.
Din nistgħu ngħodduha bħala karatteristika oħra ta’ dan il-karattru tal-fantasija: Għandu l-ħila li jidħol fil-ħolm tan-nies. Illum din tinstema’ redikola, imma għal ħafna u ħafna żmien, il-bnedmin, mqar dawk l-aktar għorrief fosthom, kienu jemmnu ħafna twemmin stramb. L-istess għaref u kbir Aristotile, li tant tiftaħar bih iċ-Ċivilta’ tal-Punent, kien jemmen li kienu l-ispirti, tajbin jew ħżiena, li jikkawżaw il-ħolm tan-nies.[1] Fit-Testment il-Ġdid, l-Anġli daħlu fil-ħolm u ġie li kellmu lin-nies minn hemm. Jiġifieri m’għandniex għalfejn noqgħodu nistagħġbu. Hemm bżonn li jingħad li dak li bl-Ingliż jissejjaħ Nightmare, bil-Malti jiġi Ħmar il-Lejl, u m’għandux x’jaqsam mal-Ħaddiela, li hi fenominu marbut ma’ sleep paralyses.[2] Biex ma nħalluhiex barra, kien jingħad ukoll li l-Ħaddiela iktar hemm ċans li titħollok fil-ħolm u ttellfek l-irqad jekk tiknes l-art filgħaxija qabel ma torqod!
Pittura ta’ Fritz Schwimbeck – mill-internet
Importanti li nerġgħu nirrepetu ħalli ma ngerfxux:
Sleep jew Dream paralyses: Il-ĦADDIELA
Nightmare: ĦMAR IL-LEJL
Sleep walking: SOMNAMBULIŻMU
Skont il-lingwisti, il-mare li hemm fil-kelma nightmare, ma tfissirx debba. Mare hu speċi ta’ spirtu ħażin jew xitan li jissemma fil-mitoloġija Nordika.[3] Mela m’għandniex naħsbu li l-Ingliżi għandhom debba u aħna għandna ħmar! ĦMAR IL-LEJL hu ħolma kerha li xi darba jew oħra jkollu kulħadd. Il-ĦADDIELA hi ftit agħar (sleep paralyses) u jekk tistaqsi lil min ibati b’din il-kundizzjoni jista’ jfissirlek kif iħossu marbut ġo morsa u ma jistax jiċċaqlaq; irid jieħu n-nifs u ma jistax. Hemm differenza bejn Ħmar il-lejl u l-Ħaddiela. Jista’ jagħti l-każ li xi ħadd iqum mis-sodda, jitkellem, u saħansitra jimxi sal-kċina u jiekol xi ħaġa, u jkun fil-fatt rieqed u ma jkunx jaf x’qed jagħmel.[2] Nissogra ngħid li dan hu fenominu rari u ma jidhirlix li jissemma fil-kultura popolari tagħna. Nissogra ngħid ukoll li l-ewwel darba li smajna b’affarijiet bħal dawn kien meta qrajna dwarhom fil-comics bħall-Beono u d-Dandy! Imbagħad, aktar tard, qrajna fuq xi ġralha Lady Macbeth! Dal-fenominu jissejjaħ somnambuliżmu, u m’għandniex nitfixkluh mal-Ħaddiela jew ma’ Ħmar il-Lejl.
Ikun jonqos biss li nsibu mod ta’ kif inpenġu u nippersonifikaw lil din il-famuża Ħaddiela – il-mara tal-Ħares. M’aħniex mija fil-mija konvinti minn dak li għamilna, u nilqgħu bil-ħerqa xi suġġeriment li jkun aħjar minn tagħna. Imma jrid ikun aħjar minn tagħna – mhux agħar. Din il-famuża sleep paralyses hi dejjem rappreżentata minn ħjelqa tqila u kerha li dejjem tkun bilqiegħda fuq żaqq il-vittma b’mod li l-vittma tħoss li ma tistax tieħu nifs. Fil-każ tagħna hu ċar li l-Ħaddiela hi mara, għax isimha jurik; u bilfors li mara tqila u goffa biex tħossha qed trossok, tgħaffġek, u żżelġek ma’ qiegħ is-sodda. Imma kemm hi goffa u kemm hi tqila? Aħna ħallejna f’idejn l-artist bravu Eric Leone, u ara xi ġmiel ta’ mara goffa u tal-waħx penġielna. Għidli ftit jagħtikx ferħ ta’ ġenn jekk tħossha bilqiegħda fuq żaqqek!
Pittura tal-artist bravu Eriv Leone, magħmula apposta għal din is-sensiela.
(C) Ġużi Gatt
REFERENZI
[1] Lebling, Robert, Legends of the Fire Spirits, I.B. Tauris & Co. Ltd., Londra. 2010
[2] https://en.wikipedia.org/wiki/Nightmare
[3] Ibid.



Jien ghamielt zmien inbghati bl haddiella pero mhux fuq zaqqi kont inhossa imma fuq dari Jew fuq genbi u dejjem meta inkun qeda wahdi dar rieqda meta ikun hemm xi hadd rieqed hdejja bhal ragel tieghi Jew xi neputi qatt ma taqbadni
i used to have a lot of lucid dreams where I know that i’m in a dream but cannot control it so i have to wait until the end of it to wake up from it then go to sleep..it is kind of like being awake in another dimension so you won’t sleep well -_- .. I saw her once standing up near my bedside ..didnt know who she was back then.. she had curly messy dry white/gray hair, skeleton figure with white pale dry skin and glowing green around her (zombie like features)..kind of like the 1st picture that is on top of the sleeping woman..
she put her hands around my neck and tried to suffocate me to take something white/transparent with glowing green floating out of my mouth and into hers (i think its the soul so the glowing green around her body might be a lot of sucessfully taken souls 🙁 ).. well, that day i was really tired and wanted to sleep badly & she was irritating me by not letting me sleep well & blocking me in a lucid dream -_- so before she could sucessfully do it i told her off (not politely ) and she went away.. i woke up from the lucid dream so i could sleep 🙂 ..i’m used to these lucid dreams so i wasnt afraid of her which is probably why she left so quickly 🙂