Mera tal-karattru Malti u wirt ekklesjastiku.

Kitba ta’ Joseph C. Camilleri.

Il-festi tal-bliet u l-irħula, sew titulari u sew sekondarji, għandhom l-istess forma, li ġiet immudellata matul iżmien. Il-pedament tagħha kien il-wirt Nisrani li l-Maltin wirtu mingħand il-knisja nisranija bil-funzjonijiet reliġjużi tagħha, li mażmien saru drawwiet tipiċi lokali. Il-poplu Malti wiret dawn id-drawwiet u għamilhom tiegħu. B’hekk, dak li kien isir f’Malta mexa b’mod differenti minn dak ta’ pajjiżi oħra bħal, ngħidu aħna, fl-Italja t’Isfel. Ta’ min jifkatar li Malta kienet għal żmien twil taħt it-tmexxija ekklesjastika ta’ Palermo (Sqallija), fejn id-drawwiet Sqallin kienu qed jidħlu ħelu ħelu fil-ħajja tal-Maltin.

Xahrejn qabel il-festa, il-ħajjata kien ikollhom x’jagħmlu għax il-biċċa l-kbira tan-nisa u x-xebbiet, kif ukoll l-irġiel, kienu jaħsbu biex iħitu xi libsa ħalli jżanżnuha fil-festa. In-nisa kienu jaħsbu għal xi għonella tal-ottoman. Carmel Vella jgħid: Ħlief fil-każ ta’ xi tieġ tal-familja, il-festa biss kienet l-unika okkażjoni li wieħed iżanżan libsa jew żarbun. (1) Jekk il-ħajjata kien ikollhom ħafna xogħol tant ieħor l-iskrapan. F’dawk iż-żminijiet, iż-żarbun kont trid tordnah. Dan kien issir bl-idejn.

Wieħed jista’ jaqsam l-festa Maltija f’żewġ taqsimiet, dak li jsir bejn il-ħitan tal-knisja, u dak li jsir barra mill-knisja. Il-funzjonijiet fil-knisja jħejju lill-parruċċani b’mod spiritwali għall-festa. It-tħejjija jinqasam fi tnejn:

(a) IN-NOVENA,  (b) IT-TRIDU

It-tmexxija tan-novena tvarja minn parroċċa għall-oħra. Minkejja dan hemm strattura komuni – quddiesa bil-priedka, il-kant tal-innu u d-daqq tal-antifona, kif ukoll il-kurunella. Bil-mod il-mod it-tħejjija tilħaq il-quċċata tagħha bl-aħħar tlett ijiem – it-Tridu, kelma li ġejja mil-Latin Tridum (2). Tony Terribile jikteb hekk fuq żmien il-festi fl-imgħoddi: F’dawn il-jiem il-poplu tagħna kien jimla l-knejjes l-ewwelnett biex jisma’ l-priedki li kienu jsiru u t-tieninett biex jisma’ l-mużika li kienet tindaqq f’dawn il-granet. (3)  Fil-knisja jkun hemm ta’ kuljum xi funzjoni fuq suġġetti diversi li tinvolvi talb għal diversi bżonijiet tal-kommunita nisranija.

IL-KNISJA

Qabel il-festa l-knisja tiġi mżejna waħda sewwa. Il-ħitan jiġu mnaddfa u miksija bid-damask tal-palma. Fuq il-ħoġor tal-ħitan kienu jagħmlu x-xemgħat. Ix-xemgħat kienu jitpoġġew ukoll fuq il-gandelabri, linef u gandlieri. Wara d-damask kienu jibdew jarmaw l-artali. L-aħħar ħaġa li kienet toħroġ kienet il-fidda – ventaltari, gandlieri, lampieri u vażuni tal-fjuretti. Kull fratellanza kellha s-salib u l-lanterni tagħha, kollha tal-fidda. Wieħed jista’ jgħid li dawn it-teżori artistiċi juru l-qima u rispett li missirijietna kollhom lejn Alla.

Il-qalba tal-armar tal-knisja kienet tkun il-vara titulari jew dik sekondarja. Il-ħruġ tal-vara min-niċċa kien marbut ma’ diversi drawwiet. Kull paroċċa welldet id-drawwa tagħha. Carmel Vella jikteb hekk: Żewġt iħdud qabel il-festa kienu joħorġu ‘l San Nikola min-niċċa fi knisja mimlija nies. Għall-okkażjoni kienu jisparaw musketterija ta’ bombi minn fuq xi bjut fil-qrib u wkoll numru ta’ maskli minn ħdejn il-kampnar il-falz (4). Il-parroċċani jattendu bi ħġarhom. Għan-nies, il-ħruġ tal-istatwa min-niċċa kien ifisser li l-festa bdiet, u sena preparazzjoni spiċċat.

Fl-imgħoddi l-art tal-knisja kien kollu kaptelli tal-franka billi fil-knisja kien isir id-dfin. Tony Terrible jgħid hekk: Il-Poplu tagħna kien imewwet din id-dehra tal-kaptelli fil-jiem tal-festa u għalhekk kien ixerred kwantità kbira ta’ weraq tar-rand, tal-liedna u ta’ ħxejjex oħra aromatiċi li bihom il-knisja tieħu dehra sabiħa ħafna u kif wkoll il-fwejjaħ tagħhom kienu jkomplu jgħinu l-atmosfera tal-festa. (5)

IL-FESTA U L-MUŻIKA

Il-funzjonijiet tal-festa jenħtieġu il-mużika. Din il-ħtieġa welldet ħafna xogħlijiet mużikali. Insibu salmi, responsorji u antifoni. Nies bħal Ġuzeppi Camilleri, Carlo Diacono u Paolino Vassallo kisbu isem għat-talent tagħhom. Tony Terribile kiteb ċar u tond: …biex tisma’ xi biċċa mużikali kienet trid tasal il-festa. (6) u dan fi żmien fejn kien hemm nuqqas kbir ta’ mezzi ta’ kommunikazzjoni. Il-mużika [[ib il-ħtieġa tal-orgni. Billi ma kienx hemm l-elettriku kien ikun hemm raġel li xogħlu kien li jonfoħ il-minfaħ tal-orgni. Dan ix-xogħol sar xi ħaġa tal-imgħoddi.

IL-FESTI U L-BNADAR

Ħafna djar għandhom post fuq il-bejt  fejn jitwaħħal l-arblu (fontispizju). Għall-jiem tal-festa l-arbli jkollhom il-bandiera. Insibu diversi bnadar li jintużaw f’dawn il-jiem. Hawn min juza l-bandiera nazzjonali, oħrajn bandiera li jkollha l-ilwien tal-każin jew xi bandiera tipika tal-qaddis li għaliħ qed tkun issir il-festa. Iż-Żejtun insibu ħafna bnadar tal-każini – aħdar għal tal-Beland u aħmar għal tal-Banda Żejtun. F’Ħal Tarxien insibu ħafna bnadar Marjani. F’Għawdex il-bnadar ġieli jkunu tal-pajjiżi li fihom il-parruċċani xi darba kienu emigraw. Insibu bnadar Kanadiżi, Awstraljani u Amerikani. Barra dawn jintużaw ukoll il-bandiera tal-Ordni jew il-Bandiera tal-Fidi (jew tar-Reli[jon), u l-bandiera tal-Vatikan (mingħajr l-arma) jew kif inhi aktar magħrufa bħala “tal-Papa”. Il-bnadar iġibu l-ferħ u jkomplu jżidu l-atmosfera fejn tkun qed issir il-festa. Il-bnadar jintużaw l-aktar fit-truf ir-raħal jew tal-belt li tkun. Dan jiġri minħabba li ma tantx ikun hemm tiżjin fit-toroq u għalhekk in-nies iżejnu l-gallariji u l-bjut biex juru lil kulħadd li huma wkoll għandhom il-festa.

LEJLET IL-FESTA

Lejlet il-festa ssir it-Translazzjoni bir-relikwija. Din tikkonsisti f’purċissjoni. Kull parroċċa għandha d-drawwa tagħha ta’ kif tiċċelebra din il-funzjoni. Hawn parroċċi li jorganizzaw purċissjoni madwar il-knisja bir-relikwija. Oħrajn jorganizzaw purċissjoni li tibda minn xi kappella sal-knisja parrokkjali; dejjem tinġarr ir-relikwija. Fit-tmien tal-purċissjoni r-relikwija titpoġġa fuq l-altar il-ma[[ur waqt li titkanta l-antifona. Wara r-relikwija titħalla fuq l-altar. Fl-istess jum jsir il-kant tas-salmi tal-Għasar. Għal din il-funzjoni nkitbu diversi xogħlijiet mużikali wkoll.

 JUM IL-FESTA

Fl-imgħoddi f’jum il-festa l-knejjes li fihom kienet issir il-festa kienu jiftħu kmieni. Tony Terrribile jgħid li kienu jiftħu madwar l-erbgħa ta’ filgħodu (7). Wara kien jindaqq il-‘Pater Noster’ u l-moti bil-qniepen. Dawn il-moti kienu sinjal lill-parruċċani biex iżuru l-knisja għall-kant tal-Matutin u tal-Laudi. F’dawn il-funzjonijiet kienu jitkantaw is-salmi. Aktar tard kienet issir l-aqwa quddiesa tal-festa dik kantata li kienet tissejjaħ il-pontifikal. Dr Mario Saliba kiteb hekk: Il-qofol tal-festa jintlaħaq fil-jum tal-festa meta filgħodu jkun hemm il-pontifikal solenni. (8) Din il-quddiesa kienet tinkludi priedka twila madwar siegħa li fiha il-predikatur kien jinseġ diskors lill-qaddis li għalih kienet qed issir il-festa. Din il-priedka kienet tispiċċa biċ-ċapċip. Diversi membri tal-kleru għamlu isem bħala predikaturi. Insemmu lil Patri Bonaventura Fiorini, il-Monsinjuri Catania, D’Andria u Capurro. F’xi parroċċi l-kappillan kien jinsisti li l-predikatur isemmi kemm jista’ jkun l-isem tal-qaddis, qaddisa jew tal-Madonna. Aktar mal-predikatur issemmi l-isem aktar il-parruċċjani jieħdu pjaċir u aktar jitħallas.

Din il-quddiesa teħtieġ ċelebrant, djaknu, sudjaknu u assistent presbiteru. Qabel l-offertorju kienet issir il-funzjoni speċjali magħrufa bħala l-Osklu. Waqt din il-funzjoni ċ-ċelebrant kien joqgħod bilwieqfa fuq it-taraġ tal-altar. F’idejh ikun hemm ostensorju bir-relikwija. Il-kleru, l-abbatini u l-parruċċani kienu jitilgħu bil-mod il-mod biex ibusu din ir-rekliwija. Waqt li kienet issir din il-parti tal-funzjoni kienet tindaqq mill-ġdid l-antifona. Fl-istess jum, kmieni filgħaxija f’xi parroċċi isir quddiesa għar-ruħ xi benefattur li ħadem fuq li ħadem biex kabbar xi aspett artistiku jew għamel ġid mal-parruċċani. Hekk f’Ħal Tarxien issir quddiesa għar-ruħ is-surmast Lorenzo Gonzi bħala ringrazzjament u turi rispett li dan il-bniedem li kkompona diversi xogħlijiet mużikali għall-funzjonijiet religjużi li jsiru kull sena f’din il-knisja.

Quddiem il-vara kienu jitqiegħdu xemgħat kbar indurati u miżbugħa bi fjuri kkuluriti, qsari u bukketti ta’ fjuri. Il-bukketti kien ikunu mżejna b’xi terħa tal-ħarir bl-isem tal-qaddies jew kliem ieħor ta’ tifħir lill-qaddis.

Il-qofol tal-festa hi l-purċissjoni bl-istatwa titulari jew sekondarja. Għall-ewwel din il-purċissjoni kienet issir bir-relikwija iżda bil-mod il-mod bdew isiru l-istatwi li ħadu post ir-relikwi. F’din il-purċissjoni kienu jieħdu sehem il-fratelli bis-salib u lanterni tal-fidda. F’xi parroċċi qabel il-ħruġ tal-istatwa jsir l-irkant għall-istendardi u għall-irfigħ fil-vara. Eżempji huma l-Imgarr (Malta) u s-Siġġiewi.

Jieħdu sehem l-abbatini (il-piccolo clero) u l-kleru. Ġieli jkunu mistiedna l-membri tal-kleru li kienu twieldu fil-lokalita. Il-ħruġ tal-purċissjoni dejjem ikun ċeremonja speċjali fejn issir id-daqq tal-innu. Għall-festa titulari ta’ Ħal Tarxien il-poeta Kelinu Cachia kien isellem lill-Madonna Annunzjata permess ta’ poezija. Kien isaqsi lill-Madonna għaliex kienet ħarġet mill-knisja/dar tagħha. Tant kien ikun mimli spiritu religjuż li kien idaħħal lill-parruċċjani fi spiritu Nisrani. Wara l-poezija kien ikun hemm talb u ċapċip. F’ħafna partitarji kienu jibdew taqbiliet ta’ tifħir lill-patrun/patruna. Xi drabi dawn it-taqbiliet ma kienux ta’ spiritu Nisrani iżda kienu sempliċiment xi botta lill-partitarji tal-festa l-oħra. Tony Terribile jikteb hekk fuq dawn il-purċissjonijiet: F’Ħafna mill-purċissjonijiet l-istatwa kienet timxi fl-aħħar tal-purċissjoni iżda f’oħrajn l-istatwa kienet timxi fin-nofs wara l-fratellanzi. Fl-imgħoddi f’xi wħud mill-festi kienu jakkumpanjaw xi strumenti mużikali u xi kantanti li dawn kienu jkantaw xi innijiet liturġi. (9) kienu jitqassmu s-sunetti li kienu jiktbu xi poeti dilettanti mill-belt jew raħal. Dawn aktarx kienu jiġu stampati fuq karti qishom imkatar tal-ħarir.

F’xi purċissjonijiet il-banda takkumpanja l-istatwa. Hi timxi qabel l-istatwa. Din id-drawwa ssir fit-tlett irħula – Ħal Lija, Ħ’Attard u Ħal Balzan biex insemmu ftit minn xi ċentri fejn issir. Xi rħula l-purċissjoni tinkludi nies li jakkumpanjaw l-istatwa. Oħrajn iħeġġu lin-nies biex jixgħelu l-gallerijiet tagħhom bil-bozoz u biex idoqqu xi innijiet reli[jużi. F’Ħal Tarxien il-purċissjoni titulari tieqaf quddiem l-iskola tas-sorijiet tal-Karità biex is-sorijiet joħorġu barra fil-gallerija u jkantaw żewġ innijiet – innu bl-ilsien Malti u ieħor bl-ilsien Taljan.

Meta l-istatwa tasal quddiem il-knisja ssib folla nies tistenna. Bil-mod il-mod l-istatwa tittella’ fuq iz-zuntier u xħin tasal tiddawwar biex tiġi faċċata tal-folla. Iċ-ċapċip ikun f’aħjar tiegħu. F’xi parroċċi, qatta nies tin[emgħa quddiem l-istatwa u jibdew ilissnu xi taqbiliet, waħda wara l-oħra. Wara jsir xi talb u jindaqq l-innu. Fl-aħħarnett ikun hemm il-ħruq tal-kaxxa infernali. L-istatwa terġa’ ddur lejn il-bieb ewlieni tal-knisja u bil-mod il-mod tidħol fil-knisja fejn issib il-knisja mimlija daqs bajda bin-nies. L-istatwa titpoġġa fuq il-bankun u tindaqq l-antifona u t-Tantum Ergo. Wara, bħala għeluq tal-festa, ikun hemm il-barka sagramentali. F’xi parroċċi l-kappillan jew arċipriet jgħid xi kelmtejn ta’ ringrazzjament. Il-baned kienu jlestu l-programm mużikali tagħhom u kienu fl-aħħar idoqqu l-innu Ingliz – ‘God save the King (Queen)’.

Ġimgħa wara l-festa issir l-Ottava. Din issir permezz funżjoni żgħira fil-knisja, kif ukoll ftit logħob tan-nar fuq iz-zuntier. Wara jdaħħlu l-vara fin-niċċa. Jistenna sena oħra.

IL-FESTI TA’ BARRA

Xi tmint ijiem qabel il-festa kienu jwaħħlu l-arbli fit-toroq. Ma’ dawn l-arbli kienu jiżdiedu l-kolonni, il-bnadar u tiżjin ieħor. Kienu wkoll jistiraw il-fildiferru bejn il-ħitan. Fuq dan kienu jiddendlu l-festuni tal-liedna u xi paviljuni. Carmel Vella jgħid li dan kien issir mid-dilettanti bla ħlas.

Meta l-elettriku ma kienx għadu wasal fit-toroq tal-bliet u l-irħula d-dawl kien jasal permezz tal-fjakkli li kienu jitpoġġew fuq iċ-ċnut tal-bjut u fuq il-ħitan. Dawn kienu bottijiet tal-landa mimlija xaħam u mqabbda permezz tal-ftejjel (10). F’lejlet il-festa kienu jorganizzaw ħuġġieġa kbira fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja. Billi kienet kbira kienet iddum taqbad. Il-ħuġġieġa kienet tagħti l-atmosfera ta’ ferħ u titfa’ d-dawl mal-pjazza kollha.

Il-faċċati tal-knejjes kienu jiddawlu permezz tat-tazzi taz-zejt. Dawn kienu kollha ta’ kulur differenti. Kull waħda kien ikollha ftila tat-tajjar jew lumina. Kien hemm nies apposta li bil-ħila tas-slielem tal-ħbula kienu jixgħelu l-faċċata f’ħakka t’għajn. In-nar kien jingħata minn speċi ta’ stanjata bi ftila tixgħel. Dawn it-tazez kienu jitpoġġew ukoll fuq arki artistiċI magħula mill-injam u armati f’xi toroq. Fuq il-faċċati tad-djar kienu jitpoġġew xi tazez ukoll. Kull tazza kienet tiswa tliet soldi għat-tlitt ijiem tal-festa. Kull dar kien ikollha bejn tlieta sa ħames tazez. Dawn kienu jagħtu atmosfera tassew sabiħ meta jinxtegħlu fil-għaxija. F’Ħal Lija u fir-Rabat (il-knisja tal-patrijiet ta’ Ġiesủ) għadhom jintramaw arbli mimlija tazez tal-lampi taz-żejt li jinxegħlu permess tal-elettriku.

It-toroq kienu jiżżejnu b’weraq tal-palm u tal-liedna. Lejn it-tmien tas-seklu dsatax bdew jidhru xi figuri ta’ angli u qaddisin, magħmulin mill-kartapesta li jitpoggew fuq pilandri magħmula mill-injam. Permezz ta’ din in-novità diversi nies saru magħrufa għal dan it-tip ta’ xogħol. Insemmu lil Karlu Darmanin (Karlozzu), Vincenzo Cremona u ħafna oħrajn. Xi artisti ħolqu xeni magħmula minn diversi figuri. Għall-festa tal-Lunzjata f’Ħal Tarxien saret ix-xena tat-Tieġ tal-Madonna. Għall-festi ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun u fiż-Żurrieq saru żewġ xeni tal-martirju ta’ din il-qaddiesa.

IL-BANED

Festa mingħajr mużika mhix festa. F’kull lokalità ikun hemm banda jew tnejn. Il-baned twieldu fit-tieni nofs tas-seklu dsatax. Dawn aktarx  twaqqfu minħabba l-interess li kellu l-poplu fil-baned tar-ri[imenti Ingliżi li kienu starzzjonati f’Malta. Tony Terribile kiteb hekk: Kienet l-influwenza ta’ dawn il-baned Ingliżi li nisslet f’ħafna Maltin il-ħeġġa li jiwaqqfu banda fil-belt u raħal tagħhom (10). Maż-żmien il-każini tal-baned bdew jieħdu ħsieb l-armar u anke ġieli n-nar tal-art u tal-arju. Matul il-jiem tat-Tridu u ġieli anke matul il-[imgħa ta’ qabel il-festa jkun hemm programmi mużikali fit-toroq ewlenin mill-banda tal-belt u raħal. F’lejlet il-festa u nharha ikun hemm anke baned mistiedna li jkomplu iferrħu l-parruċċani. L-aqwa programm mużikali ikun jew filgħodu jew wara nofsinnhar f’jum il-festa. Mal-banda jkun hemm folla kbira nies b’T-shirts ordnati apposta jaqzu u jogħlew mal-ħoss tal-mużika. Din il-folla tkun armata bil-bżieżaq u anke xi ‘imrewħa’ kbira mimlija ilwien u b’xeni dwar il-patrun/a tal-festa.

Fejn hemm żewġ każini kull każin ikollu l-lewn tiegħu. Barra l-ilwien ikun hemm l-armi u kull każin ikun imlaqqam jew tal-istilla, jew tal-ajkla, jew tal-Iljun, eċċ. F’Ħaż-Żabbar hemm żewġ każini fuq il-festa titulari, dik tal-Madonna tal-Grazzja. Il-Każin tal-Grazzja jkollhom il-lewn blu waqt dak ta’ San Mikiel il-lewn aħdar. Għalhekk il-partitarji għal dan il-marċ jilbsu l-blu jew l-aħdar. Jekk il-marċ isir filgħodu, tul il-marċ il-partitarji jġorru speċi ta’ tinda minħabba r-raġġi tax-xemx li tissejjaħ kannizzata.

Bdew ukoll jiġu orgnizzaw attivitajiet kulturali bħal kunċerti u anke affarijiet oħra. Idejat, biex il-festa tiżviluppa aktar u aktar bdew jaslu permezz tal-ġemellaġġi bejn il-kunsilli lokali Maltin u barranin. Dawn komplew żiedu d-drawwiet. Xi drawwiet huma tiġrijiet tan-nies u bhejjem, ikla tal-festa, wirja agrarja tal-frott u ħxejjex, wirja kulturali dwar il-festa eċċ. Eżempju ta’ drawwiet li twieldu permezz ta’ ġemellaġġi nsibu li fl-Għarb beda issir il-tapit tal-fjuri. Din id-drawwwa hija mifruxa sewwa f’Sqallija (12).

DRAWWIET OĦRA

Ċerti festi għandhom importanza ferm ikbar minn festi oħra. Santa Marija, San Pietru u San Pawl (l-Imnarja) u l-Vitorja għandhom qawwa fil-folklor Malti iżjed minn festi oħra. Santa Marija jġib magħha s-Sebgħa Santamarijiet. Sebgħa huma l-parroċċi li jorganizzaw il-festa tagħhom f’jum Santa Marija (15 t’Awissu) – Ħ’Attard, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Il-Mosta, l-Imqabba, l-Qrendi u l-Katidral t’Għawdex (magħruf ukoll bħala l-Matriċi). Parroċċi oħra ddedikati lil Santa Marija jorganizzaw il-festa tagħhom Ħadd wara l-15 t’Awissu. L-istess storja, iżda fuq bazi iżgħar hemm il-Vittorja (Il-Bambina). Fit-8 ta’ Settembru jsiru 4 festi ad unur it-twelid ta’ Marija Santisssima. San Ġuzepp minkejja għandu numru ta’ parroċċi u festi sekondarji ma għandux din id-drawwa, l-anqas fil-jum ddedikat lilu – id-19 ta’ Marzu. L-Arċifratellanza ta’ San Ġuzepp u l-kommunita tal-patrijiet Ta’ Ġiezu biss jorganizzaw il-festa tiegħu f’dan il-jum. L-Imnarja ssir bil-kbir fil-katidral tal-Imdina u fuq bażi ta’ parroċċa fin-Nadur. Ma’ din il-festa hija marbuta l-wirja agrarja kif ukoll il-lejla kant u ikla fniek fil-Buskett. F’jum l-Imnarja jkun hemm it-ti[rijiet taħt ir-Rabat. Il-festi tal-Madonna tal-Karmnu jimxu fuq l-istess forma fuq dawn ta’ San Ġuzepp. Hemm diversi festi ad unur din id-devozzjoni Marjana iżda fis-16 ta’ Lulju ssir il-festa tagħha bejn is-swar tal-Belt Valletta. Min-naħa l-oħra l-festa ta’ San Martin hija marbuta mal-Baħrija. Il-lewż, il-[ellewż u t-tin huma marbuta ma’ din il-festa iżda għandhom għeruq nazzjonali. L-istess storja hija l-festa ta’ Sant’Antnin Abbati u dan l-aħħar San Franġisk. It-tberik tal-annimali jsir fuq bażi nazzjonali anke fl-iskejjel, iżda l-festa tiegħu (Sant’Antnin Abbati) issir l-aktar biswit is-Saqqajja (ir-Rabat).

Il-festi taw l-ilwien lix-xhur ukoll. Kull xahar hu ddedikat lil xi qaddis. Frar hu ddedikat lil San Pawl, Marzu lil San Ġużepp eċċ.

Ix-xhur u l-qaddies marbut magħhom

Xahar               Qaddis

Jannar:             Il-Qalb ta’ Ġesừ

Frar:                 San Pawl

Marzu:              San Ġuzepp

April:                ? (forsi minħabba l-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa)

Mejju:               Il-Madonna

Ġunju:              Il-Qalb ta’ Ġesừ

Lulju:               Tal-Karmnu

Awissu:            Santa Marija

Settembru:       Il-Vitorja

Ottubru:           Tar-Ruzarju

Novembru:       L-Erwieħ

Diċembru:        It-Twielid ta’ Ġesừ 

Ċertu attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum huma marbutin mal-festi. Il-ħlas taċ-ċnus tal-għelieqi jsir għall-ħabta ta’ Santa Marija. Ir-regatta ssir l-aktar f’8 ta’ Settembru (Jum il-Vitorja). L-Imnarja ssir fid-29 ta’ Gunju. L-Imnarja Għawdxija ssir f’jum Santa Marija fil-ġonna ta’ Villa Rundle.

Il-festa [ġib il-kummerċ. Isir ħafna bejgħ mill-Gabbani u mill-ħwienet taħt il-barka tal-festa. Dr Saliba kiteb hekk: Il-festi saru mezz ieħor ta’ kummerċ. Il-preżenza tat-turisti tqanqal lil tal-qubbajt sabiex idaħħal aktar flus mis-soltu… (13).

L-ISPARAR

Festa bla nar mhix festa. Insibu żewġ tipi ta’ nar – tal-ajru u tal-art. Din id-drawwa bdiet billi fl-imgħoddi xi Maltin kienu jaħdmu f’postijiet fejn l-awtoritajiet kienu jaħznu l-porvli u l-azzarini. Dan seħħ sew fi żmien l-kavallieri ta’ San Ġwann u sew fi żmien l-Ingliżi. F’xi festi bdew jiġu mistiedna xi kaċċaturi li kienu jisparaw bosta balal żgħar. Din id-drawwa għadha ħajja fil-parroċċa ta’ San Ġiljan. Is-sur Tony Terribile jgħid hekk: Dawn kienu jiġu sparati minn raġel b’kandiletta ma’ qasba twila jew bis-sebut mal-porvli stess (14). Bdew jisparaw ukoll il-maskli. Fil-Mużew tal-Katidral hemm kollezzjoni sħiħa ta’ maskli li kienu jintuzaw għall-festa tal-Imnarja. Kien hawn żewġ daqsijiet ta’ maskli. Il-kbar kienu tal-bronż, bil-widna u kienu qishom buqar tal-birra. Il-maskli ż-żgħar kienu tubi tal-ħadid twal xi erba’ pulzieri. Carmel Vella jekk hekk: Kienu jimlew il-maskli bil-porvli, ipoġġulhom miċċa ġo toqba f’ġenbhom… Iqegħduhom in fila wieħed wieħed ma’ ġenb il-knisja… u ma tulhom u taħt il-miċ jitferrex serbut porvli…Meta jsir ħin il-ħruq, Joli kien jixgħel gass f’tarf ta’ qasba u erħilu jmiss il-polvri li fil-pront jieħu n-nar, ikebbes il-miċ u l-maskli jesplodu wara xulxin bi ħsejjes li jtarxxu. (15) Fil-jiem ta’ qabel il-festa, ħafna subien kienu jħejju l-gassijiet u trikkitrakki biex jinħarqu waqt it-tridijiet u mal-marċi.

Tony Terribile jikteb hekk: Il-Maltin tgħallmu jaħdmu n-nar ikkulurit tal-art u tal-ajru mingħand it-Taljani u dan l-aktar fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin (16).

IL-KUMMERĊ

Madwar il-pjazza u f’xi toroq fil-qrib tal-knisja jkun hemm il-bejjiegħa. Qabel kienu jkunu dawk li jbiegħu l-qubbajt. Illum ikun hemm gabbani ta’ kull xorta ta’ ikel u xorb. Xi wħud ibiegħu anke ġuġarelli. Insibu żewġ tipi ta’ qubbajt, wieħed kannella li hu ibies u ieħor abjad li hu artab. Il-bejgħ issir minn fuq ‘mejda’ tassew artistika. Fil-fatt ikun hemm żewġ imwejjed. Waħda ta’ livell baxx u l-oħra fil-għoli. Mal-ġenb ikun hemm xi vetrini żgħar. Fuq dawn l-imwejjed ikun hemm il-qubbajt. Kull ‘mejda’ jkollha l-qubbajt tipiku tagħha. Hemm pika kbira bejn tal-qubbajt. Kull riċetta hija xi ftit differenti u din tintiret mill- missier għall-ulied. Illum il-qubbajt sar jinkesa wkoll biċ-ċikkulata. Fl-imgħoddi wara t-tmiem tal-festa l-familji kienu jduru fuq dawn l-imwejjed tal-qubbajt biex jixtru biċċa qubbajt. Kien hemm drawwa li xi ħaddiema jixtru biċċa qubbajt għall-kolleġi tagħhom tax-xogħol. Il-ħwienet tal-ħelu jagħmlu aktar kummerċ bis-saħħa tal-festa. Xi familji jistiednu membri oħra tal- familja d-dar u dawn iġawdu l-festa u naturalment jieklu u jxorbu flimkien. Ix-xorb l-aktar komuni kien rum, ‘whisky’ u ‘brandy’. Il-ħwienet tax-xorb tal-lokalita, jkollhom negjozju aktar mis-soltu. Xi wħud joħorġu l-imwejjed barra fit-toroq. Kien ikun hemm żgħażagħ li kienu jispiċċaw il-festa fis-sakra.

Barra mill-kummerċ hemm l-element ekonomiku. It-turiżmu,l-aktar fix-xhur tas-sajf ikun fl-aqwa tiegħu. Ħafna operaturi tat-turisti jorganizzaw ‘tours’ għal-lokalitajiet fejn ikunu qed issiru dawn il-festi. Dan kollu jqajjem ix-xogħol u r-rota tkompli ddur. Dr. Saliba kiteb hekk: Il-festi qegħdin jiġbdu għadd kbir ta’ turisti sabiex fis-sajf jerħulha lejn il-gżejjer tagħna biex jgħixu esperjenza unika. Dawn it-turisti jiġu hawn Malta biex isegwu ċerimonja ta’ devozzjoni u tradizzjonali li f’pajjiżhom inqatgħu jew ma jsirux (17).

Il-festa hija okkazzjoni biex wieħed jammira x-xogħlijiet artistiċi li saru għall-knisja. In-nies, inkluż it-turisti, tidħol fil-knejjes u tammira r-rikkezzi u l-fided li jinħarġu biss għall-festa (18).

Il-festa ġġib l-għaqda. Ir-raħal jew il-belt tiċċelebra flimkien il-festa sew fil-knisja u sew barra mill-knisja. Barra l-għaqda hemm il-ferħ. Il-festa tiġbed in-nies lejn il-knisja u lejn it-toroq tal-lokalità. Id-daqq tal-baned ikompli l-ferħ sew fost il-parruċċani u sew fost in-nies li jiġu minn barra l-lokalità aktar u aktar jekk huma emigranti.

Il-festa jġib il-pika. Kulħadd jikkumenta fuq kemm inħarqu murtali, kemm saru arbli u kemm huma twal dawn l-arbli. Isiru kummenti fuq ix-xorb li nxtorob waqt il-marċijiet. In-nar hu elementi ieħor ta’ kummenti. Dr Mario Saliba jikteb hekk: In-nar fil-festi huwa element li jaħraq u ġab ħafna argumenti favur u kontra. Fl-aħħar, inkunu nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li n-nar tagħna kien isbaħ minn tagħhom u li kellna aktar nies jaqbżu fil-pjazza minnhom….U kullħadd ħerqan biex jara s-sena ta’ wara kemm jiflaħ jonfoq aktar eluf fil-murtali u ta’ min hu l-itwal arblu minn dawk li għadhom kif iżżanżnu.  Hemm min jikkundanna dan kollu għaliex jiffomenta l-pika, jinkoraġġixxi x-xorb żejjed, u l-nfieq ta’ flus fid-duħħan (19).

KONKLUŻJONI

Il-festa hija mera mill-aktar ċara tal-karattru Malti, karattru Mediterranju. Dr Saliba qal: Il-festi huma parti mill-ħajja tagħna. Il-festi huma l-espressjoni tas-sabiħ u tal-ikrah tal-karattru tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Kulħadd ikun ilu iħejji sena sħiħa sabiex iċ-ċerimonja f’ġieħ il-patrun jew patruna tar-raħal jew għallinqas f’ġieħ dik l-istatwa tal-kartapesta (jew tal-injam) li tkun ilha sena maqfula ġewwa l-knisja, ikunu suċċess (20).

Ser tkun il-ħajja Maltija mingħajr festi? Għal xi wħud il-festa hija karnival fuq bazi ta’parroċċa. Ma hemmx element religjuż fil-festa jew aħjar dan l-element spiċċa jew qed jispiċċa. Jekk dawn il-manifestazzjonijiet jieqfu tkun daqqa kbira lejn il-wirt folkloristiku Malti. Sew il-kunsilli lokali u sew il-kummitati tal-festi jridu jarblu sewwa d-drawwiet barranin u jaraw jekk dawn jistgħux jiġu mdaħħlin fix-xena Maltija. L-aħjar eżempju hu l-Għarb fejn it-twapet tal-fjuri saru parti inteġrali ta’ din il-festa. B’hekk inkompli inkabru l-wirt popolin li jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Il-festi hu miġbura flimkien matul ix-xhur tar-rebbiegħa u tas-sajf. Ftit huma dawk il-festi li ssiru fix-xhur l-oħra – il-Kunċizzjoni (Bormla), San Pawl (Belt Valletta) u San Ġużepp (Rabat – Malta). Hija ħarsa li festa ta’ Santa Katarina taz-Zejtun qed issir f’Gunju. Hemm zewġ festi waħda f’Ottubru – dik tal-Madonna tar-Ruzarju u l-oħra taċ-Ċintura, it-tnejn fil-Gudja. Novembru hemm vojt kbir waqt f’Diċembru ssir il-festa tal-Kunċizzjoni f’Bormla. Jannar iġib miegħu l-festa ta’ Sant’Antnin li ssir filgħodu mill-knisja konventwali tal-patrijiet Agostinjani fir-Rabat (Malta). Tgħid li l-kurja ried tistudja mill-qrib din is-sitwazzjoni fejn is-settur turistiku jiddependi xi ftit fuq dawn il-festi. Mhux aħjar festi mifruxin minn wara l-Għid sa Ottubru minflok 7 jew 8 festi f’Ħadd wieħed ta’ Lulju jew Awwissu?

Referenzi:-

1) Vella Carmel, Il-festa ta’ San Nikola fl-imgħoddi, Każin Banda San Nikola, Ġunju 1996 p21.

2) Terribile Tony, Il-festi tagħna fl-Imgħoddi, Leħen il-Kazin 12th May, Festa San Filep 2003 p185

3) Terribile op cit p185

4) Vella op cit p 21/22.

5) Terrible op cit p 185

6) Terribile op cit p185

7) Terribile op cit p 187

8) Saliba Mario (Dr), Il-Festa: taħlita ta’ Reliġjon, Folklor u Kummerċ, Luminaria Nru 99 Diċembru 2009 p 12.

9) Terribile op cit p187.

10) Terribile op cit p189

11) Terribile op cit p 189

12) Saliba Mario (Dr) op cit p12

13) Saliba Mario (Dr) op cit p13

14) Terribile op cit p189

15) Vella op cit p22.

16) Terribile op cit p 189

17) Saliba Mario (Dr) p 12

18) Saliba Mario (Dr p 12

19) Saliba Mario (Dr) p 12

20) Saliba Mario (Dr) p 12