Fil-gżejjer Maltin, l-ewwel xita  ġġib magħha mhux biss it-tkarwit tar-ragħad, il-leħħ tal-beraq, u tifqigħ tas-sajjetti, imma ġġib wkoll barka tas-sema, jew aħjar f’dan il-każ, barka ta’ l-art.  Ma’ ħrug April il-bebbux ikun daħal jorqod, mistoħbi għall-kenn ta’ taħt il-ġebel, fix-xquq mudlama tal-blat, jew inkella għad-dell frisk ta’ xi sagħtra jew għollieqa, imma mal-ħsus ta’ l-ewwel xita tal-Ħarifa jibda jaħseb biex joħroġ jirgħa.   Ikun ilu mas-sitt xhur sajjem u meta l-qtar oħxon tax-xita tant mistennija jmelles wiċċ l-art, il-bebbux jitħajjar joħroġ minn qoxortu u jfittex li jtuq l-istonku.

Kitba ta’ Carmelo Pace.

L-artiklu deher l-ewwel darba, fl-Imnara, Nru 31.

Normalment il-bebbux ma joħroġx eżatt ma’ l-ewwel xita għax din malajr tinxtorob mill-art xotta li tkun ilha għal xhur sħaħ maħkuma mis-sħana tas-Sajf kiefer Malti.  Imma mat-tieni jew it-tielet ħalba xita tara il-bebbux jixref mill-moħba tiegħu u jfiġġ  minn kullimkien, tiewi biex jiekol u biex jinnamra.

Il-bebbux (jew “tal-qrun” kif jgħidulu xi wħud) għadu ikla popolari ħafna mal-Maltin u l-Għawdxin li jkunu jistennew bil-ħerqa l-istagun tiegħu.  Interessanti li l-Għawdxin għadhom jagħmlu differenza (li x’aktarx dari kienu jagħmluha l-Maltin kollha) bejn “bebbux” – li huma ħlejjaq tal-baħar, u “għakrux/għekierex” – li huma ħlejjaq ta’ l-art. B’xorti ħażina ż-żagħżagħ qed jinsew din id-distinzjoni.  In-nies ta’ l-irħula li jgħixu f’kewn in-natura baqgħu jżommu d-drawwa ta’ l-ikla tal-bebbux. Għalkemm illum din l-ikla issibha anke f’xi whud mill-aqwa ristoranti, kien hemm żmien meta il-bebbux kien meqjus bħala ikla tal-fqar –speċjalment meta bdiet dieħla l-influwenza tal-ikel barrani fi żmien il-ħakma Ingliża u beda jitwarrab l-ikel tradizzjonali Malti.  Illum tisjir il-bebbux sar arti u jeżistu ħafna riċetti minn pajjizi mad-dinja kollha.  F’pajjizi bħal Franza, l-Italja u l-Portugal isir festival internazzjonali tat-tisjir tal-bebbux, li jkun rreklamat  bħala attrazzjoni turistika.  F’Malta u Għawdex wkoll sar żvilupp f’dan il-qasam u nsibu diversi riċetti tradizzjonali u ġodda tal-bebbux fl-aqwa kotba tar-riċetti miktuba minn koki magħrufa.  Qxur tal-bebbux instabu f’diversi postijiet arkejoloġiċi f’Malta u Għawdex bħall-imqades ta’ |mien il-Ħaġar u f’Tas-Silġ li juru li l-bebbux kien jinġabar minn żmien il-qedem.

Skond Charles Cachia fil-ktieb tiegħu “Il-Molluski ta’ Malta” sa issa fil-gżejjer Maltin ġew identifikati madwar sebgħin speċi ta’ bebbux ta’ l-art u ‘l fuq minn 700 speċi tal-baħar.  Il-klassifikazzjoni tal-bebbux issir fuq l-għamla ta’ qoxortu. Il-qoxra tista’ tkun ta’ għamliet differenti hafna; fid-daqs, fil-lewn u fil-forma.  Il-bebbux  jimxi jew jitkaxkar fuq organu tawwali msejjah is-sieq.  Fit-tarf ta’ quddiem hemm ir-ras, b’par  “qrun” (jew anke tnejn) li fil-kotba jsejħulhom “tentakoli”.  Fil-ponta tal-qrun ikun hemm l-għajnejn.  Il-ħalq għandu lsien aħrax li jissejjaħ “radula” li permezz tiegħu jiekol ikel divers, minn ħaxix sa annimali oħra.

Biex ikun jista’ jimxi il-bebbuxu joħroġ dak li bil-Malti ngħidulu lgħab, bħal bżieq, li joħroġ minn glandoli wara ħalqu u minn toqob matul il-ġnub tas-sieq.  Huwa fuq dan il-lgħab li l-bebbuxu jkun jista’ jiżżerżaq billi jħaddem il-muskoli tal-ġnub ta’ siequ b’moviment minn wara għal quddiem biex jimbotta lilu nnifsu fid-derizzjoni li jkun irid imur. Dan il-lgħab huwa materjal  jiżloq ħafna u meta jibda jinxef jeħel mas-swaba ta’ jdejk u jdejqek.  Bil-Malti ngħidu li “jgħallek”, jigifieri jwaħħal u jdellek.  U minn xi darba ġabar il-bebbux jaf li trid togħrok subajk sewwa ma’ xi ġebla tal-franka, ma’ xi qabda ħaxix niexef, ma xi skora jew ċarruta niexfa jew inkella taħsilhom u togħrokhom sewwa bis-sapun biex tneħħih.  L-ilma li bih taħsilhom joħroġ ta’ lewn ħadrani ċar.

Fl-irtuba, meta l-art tkun niedja sewwa, u iktar u iktar meta  tkun mxarrba bix-xita, l-bebbuxu ma jkollux għalfejn joħroġ dak il-lgħab kollu u għalih il-ħajja tkun eħfef, mhux bħal meta l-art tkun xotta meta jkun eħtrieq.  L-irtuba tagħmel mar-riħ isfel li jġib l-umdita’ miegħu.  L-arja tkun ħelwa u mielsa u trattab il-ħaxix niexef ukoll u għalhekk ikun aktar faċli għall-bebbuxu li jieklu.  Ir-riħ fuq iġib l-eħtrieq; l-arja tkun xotta u ħarxa u l-ħaxix, speċjalment dak niexef ikun imqarqaċ u wieqaf u għalhekk il-bebbux ma tantx joħroġ. Biex il-bebbux isib l-irtuba jrid joħroġ mal-lejl sa filgħodu kmienu qabel ma toħroġ ix-xemx u ttajjar in-nida jew tixxotta l-art. Il-bebbux jibza’ wkoll mir-riħ qawwi.  Peress li hu jaħżen l-ikel jista’ jissaporti mistoħbi ġewwa bla ma jiekol sakemm it-temp ikun kif jixtiequ hu.  Min fejn jimxi fuq art xotta l-bebbuxu jħalli l-marka tal-lghab li fuqu jkun iżżerżaq.  Meta jinxef dan isir minn lewn il-fidda u jissejjah “il-falza”  Skond Ġużeppi Gauci, bidwi ta’ 82 sena mill-Qawra, fejn il-ħaxix ikun imċappas bil-lgħab tal-bebbux, il-bhejjem jiskartawh u ma jiekluhx.

Xi speċi ta’ bebbux ta’ l-art ikollhom bħal għatu magħmul minn ġilda iebsa, qisha bħal kallu, li meta jimxu jkun fuq in-naħa ta’ wara tas-sieq u meta jidħlu f’qoxrithom dan l-għatu jinġibed l-aħħar ħaġa u bih jitbqu l-fetħa. Dan jissejjaħ “operculum”. Bil-Malti nistgħu ngħidulu tebqa jew għatu.  Imma il-bebbux komuni ta’ l-ikel m’għandux dan l-għatu  u biex jitboq fomm qoxortu juża l-lgħab.  Permezz tiegħu jaħdem bħal rita  rqiqa li tissiġilla l-fetħa filwaqt li biha stess ikun jista’ jaqbad sew mal-post fejn ikun irid jistrieħ u jorqod ir-raqda tas-Sajf.  Meta jiddeċiedi li jrid jistrieħ, il-bebbuxu jaqbad ma’ saqaf, ma’ ħajt, ma’ blata, ma’ njama, ma’ zokk ta’ siġra, ma’ werqa, ma’ pjanċa jew ma’ xi wiċċ ieħor li jisib għal qalbu

MARA U RAĠEL FL-ISTESS ĦIN

Il-bebbux ta’ l-ikel (Cantareus aspersus) bħall-bebbux kollu ta’ l-art huwa hermafrodita – jiġifieri għandu fih iż-żewġ sessi.  Kull bebbuxu hu raġel u mara fl-istess ħin, u jipproduci kemm l-isperma u kemm il-bajd.  Imma biex ikollu l-frieħ hemm bżonn jitgħammar minn bebbuxu ieħor.  Meta jkun qed jghammar il-bebbuxu johrog bhall-perm abjad li permezz tiegħu jeħel jew “jingalla” mal-bebbuxu l-ieħor.  Fil-gżejjer Maltin dan iż-żmien tat-tgħammir ikun wara l-ewwel xita għall-ħabta ta’ Ottubru.  Wara għoxrin jum li jkun tghammar il-bebbuxu jħaffer toqba fil-ħamrija ta’ madwar 5-10 ċentimetri fonda billi juża t-tarf warrani ta’ siequ u fiha jbid minn 40 sa 70 bajda ta’ lewn bajdani.  Il-bebbuxu wara li jbid jitlaq, u l-bajd ifaqqas waħdu wara xi 30 jum. Fit-tifqis jgħin ħafna t-temp niedi u sħun.  Il-bebbuxu jrid mas-sentejn biex ikun tajjeb biex jgħammar u jgħix għal madwar tlett snin jew iktar.

Minn wara l-ewwel xita sa Novembru, l-aħjar mod biex tiġbor il-bebbux hu li tistenna għodwa bir-riħ isfel biex ikun hemm l-irtuba li ġġib magħha n-nida.  Ikun aħjar jekk tkun għodwa bla riħ u b’dik id-daqsxejn difa.  Ir-riħ mhux ħabib tal-bebbux.  Trid tmur kmiena mas-sebħ, qabel toħroġ ix-xemx u tibda taħraq fejn allura l-bebbux idabbar rasu ‘l ġewwa għall-kenn.  Meta l-istaġun tax-xita jkun qabad sewwa u tibda wkoll il-kesħa ta’ Diċembru, Jannar u Frar, il-bebbux ftit li xejn joħroġ jirgħa għax ikun imxabba’, u l-kesħa ma jħobbiex.  Imbagħad jerġa’ joħroġ bi ħġaru għall-ħabta ta’ Marzu-April, biex jerġa’ jiekol l-aħħar ikla kbira qabel ma jaħseb biex jidħol għar-raqda twila tas-sajf.  Ta’ min jgħid li dari kienu joħorġu jfittxu l-bebbux anke ma’ l-għabex, u wara li jidlam, u kienu jmorru għalih bil-fanali jew bil-fjakkli, bħalma qalli Frans Farrugia minn Ħal Għaxaq.

Wara li jkun għadda l-istaġun tax-Xitwa u nofs dak tar-Rebbiegħa, għall-ħabta ta’ l-aħħar t’April bidu ta’ Mejju, il-bebbux jidħol l-ġewwa jistkenn mill-qilla tas-sħana sajfija.  Jorqod u jibqa sajjem matul is-Sajf kollu u biċċa mill-Harifa sal-bidu ta’ staġun ieħor tax-xita.  Meta jagħmel hekk il-bebbux għandu ħabta jinġabar flimkien għall-irdoss u jintrass dahar ma’ dahar ma’ sħabu l-oħra fi gruppi ta’ għaxra – ftit inqas jew ftit iktar.  Innutajt ukoll li l-frieħ tal-bebbux għandhom ħabta jitilgħu fuq id-dahar ta’ xi bebbuxu kbir meta jorqdu għas-Sajf.  Meta jidħol jorqot ngħidu li l-bebbux refa’. Meta “jerfa’” il-bebbux għandhu ħabta jistaħba taħt il-ġebel aktarx kbir imxerred ‘l hawn u ‘l hinn fix-xagħri, ġox-xquq tal-ġebel tas-sejjieħ, bejn il-qiegħan tal-blat jew wara xi xitla kbira tas-sagħtar fix-xagħri jew ma’ xi zokk ta’ siġra.  Pawlu Borg bidwi ta’ 76 sena minn taħt ir-Rabat ta’ Malta, qalli li hemm bebbux ta’ l-ikel li ma jingħarafx wieħed mill-ieħor, imma li biċċa minnu jagħżel li jitla’ maz-zkuk tas-siġar, u l-ieħor iħobb iqabbad mal-blat.  Skond hu dak li jqabbad mal-blat ikun itjeb mill-ieħor u jekk il-blat ikun qawwi jerġa’ jkollu togħma aħjar, “għax il-blata li magħha jqabbad tgħallem”.

Filwaqt li meta tiġbru fl-istaġun tiegħu jkun ħafna eħfef  għax tinzertah barra jirgħa, jekk tmur tfittxu fix-xhur tas-sajf trid tkun “tax-xeħta”, jkollok l-esperjenza u tkun tal-galbu biex jirnexxilek issib ikla bebbux.  Dan isibuh bħala “l-bebbux tas-Sajf” għad-differenza mill-“bebbux tax-Xitwa”.  Hawn min jgħid li tas-Sajf ikun itjeb u ismen.  Biex tfittex il-bebbux tas-Sajf l-iktar ħaġa komuni hi li tqalleb il-ġebel. Imma għal dak tal-blat missieri kien jieħu biċċa fildiferru ftit ħoxna biex ma titgħawwiġx malajr, ngħidu aħna bħal tal-ħabel ta’ l-inxir l-antik.  Tarf minnhom ikun milwi forma ta’ L u t-tarf l-ieħor minfejn taqbad, jew il-wejda, ikun għamla ta’ O mgħaffġa. Il-fildiferru tiġi qisha ganċ, twil xi pied u nofs.  Meta jimmarka xi xaqq li jaħseb li fih il-bebbux, missieri kien idaħħal il-ganċ minn-naħa l-mgħawġa, jmexxih mas-saqaf tal-blata u “jhoss” il-bebbux imwaħħal.  Imbagħad iqabbad il-ganċ wara l-bebbuxu u jiġbed ‘l barra.  U wiehed wara l-iehor kien iġib il-bebbux mix-xaqq.  Ġieli kull bejta kien ikun fiha sitta jew għaxra.  U ġieli x-xaqq tant kien ikun dejjaq li l-bebbuxu ma tkunx tista’ toħorġu, jew inkella jaqgħalek ‘l isfel u titilfu.  Meta idek “tkun qagħdet” u tkun rabbejt is-sengħa għal dil-biċċa xogħol,  minn dak li tħoss bil-ganċ tibda tinduna jekk ix-xaqq hux vojt jew hux mimli bebbux. Ġieli jirnexxilek toħroġ bħal fettul ta’ erba’ jew sitt bebbuxiet imqabdin qishom imsenslin, wieħed ma’ dahar l-ieħor.

Meta joħorġu għall-bebbux, wieħed jgħid lill-ieħor:

“Illum għall-bebbux”

“Se mmur nlaqqat ikla bebbux”

“Se mmur insib ftit bebbux”

“Se mmur niġbor ftit bebbux”

“Se mmur indur għall-bebbux”

“Se mmur inqalleb erba’ ġebliet”

“Se mmur għal tal-qrun”

 KIKKRA DQIQ GĦAL KULL KILO BEBBUX

Kull oġġett iħajrek iktar jekk ikun barra minn żmienu. Meta il-bebbux tkun ġbartu fis-Sajf dan tkun tista’ ssajru mill-ewwel għax ikun ġa sajjem u nadif minn ġewwa.  Imma jekk tiġbru meta jkun jirgħa barra dan trid issawmu mill-inqas għal xi għaxart ijiem ħalli jilħaq joħroġ dak li jkun kiel.  L-aħjar li tagħmlu ġo xi xkora tal-faxx imdendel, jew ġo xi qafas bil-ġnub ta’ l-injam imma bil-wiċċ u l-qiegħ tax-xibka tal-ħadid, kemm għall-arja kif ukoll biex li jneħħi jibqa’ nieżel.  Għalhekk f’kull kaz importanti li l-bebbux ikun maqtugħ mill-art xi pied u nofs, u jintrefa’ x’imkien xott.  Hawn min kien jitilqu ġo xi kamra jew dwejra battala u jħallih jiġri u jqabbad mal-ħitan.  Sibt min jirrakkomanda li jekk int tkun trid issajru malajr bla ma ssawmu allura titfagħlu kikkra dqiq għal kull kilo bebbux li jkollok biex dan jieklu u jitnaddaf u fl-istess ħin ineħħi l-imrar tal-ħaxix li jkun kiel.  Hemm min ukoll jitimgħu l-ħobż jew l-għaġin. Il-bebbux jista’ jinħażen għal ċertu żmien.  Jekk tkun ġbartu minn ta’ l-ewwel xita dan ma tistax iżżommu ħafna għax ikun għadu ma kielx sew u jmutlek wara xi xahar.  Imma jekk tkun ġbartu qabel is-sajf tkun tista’ żżommu anke sa sena wara jekk terfgħu sewwa f’post frisk u arjuż. Inti kulma tkun qed tagħmel hu li ġġiegħlu jorqod għandek flok jorqod fejn irid hu. Imma ċ-ċiklu naturali tiegħu ma tkunx ħarbattulu għax tkun ġbartu f’waqtu.  U allura tista’ żżommu minn Mejju sa Novebmru u tieħu minnu ftit ftit meta tkun trid.

ISMIJIET BIL-MALTI

L-ismijiet bil-Malti ta’ l-ispeċi l-aktar komuni tal-bebbux huma dawn:

Il-bebbuxu ta’ l-ikel (Cantareus asperses).

Dan hu meqjus mill-Maltin bħala l-bebbuxu “raġel”, imma kif għidna, dan mhux minnu għax kull bebbuxu hu raġel u mara fl-istess ħin.  Jinstab imxerred ma’ kullimkien fil-gzejjer Maltin. Għandu qoxra fit-tond li hi b’saħħitha u ta’ lewn kannella bi ċrieki u dbabar suwed.  L-annimal huwa ta’ lewn safrani fl-aħdar. Jinstab taħt il-ġebel, fix-xquq, jew maz-zkuk. Huwa ta’ speċi waħda għalkemm ivarja. L-Għawdxin jagħmlu sew meta jsejħulu “għakrux”.

Il-bebbuxu mara (Eobania Vermiculata, Muller 1774).

Il-Maltin jafuh bħala l-bebbuxu “mara”, imma fil-bebbux m’hemmx nisa u rġiel.  Intant l-isem issa weħel miegħu. Hija iktar ċatta u iżgħar mill-bebbux ta’ l-ikel.  Ghandha fommha iżgħar u idjaq mill-bebbux tal-ikel.  Tingħaraf bla tbatija mis-sinjali jew faxxi kannella skuri li jduru ma qoxritha li hi ta’ lewn abjad mitfi.  Ghalkemm jgħidu li hi tajba ħafna u saħansitra itjeb mill-bebbux ta’ l-ikel, mhix imfittxija għall-ikel mill-Maltin forsi minhabba li laħamha ma tkunx tista’ taqilgħu malajr.  Tittiekel f’hafna pajjiżi tal-Mediterran fosthom l-Italja u l-Marokk.  Issibha kullimkien f’kull tip ta’ ambjent.  Fis-Sajf  tinħeba fix-xquq tal-ħitan aktarx in-naħa ta’ barra u tqabbad permezz ta’ ħliefa jew rita bajda qisha karta rqiqa.  Hawn żewġ varjazzjonijiet ewlenin tal-bebbuxu nagħġa: waħda bil-qoxra ta’ sfond abjad biċ-ċrieki kannella skuri. L-oħra bil-qoxra lewn it-te’ bil-ħalib u ċ-ċrieki kannella ċari.

Il-bebbuxu mogħża, (Cantareus apertus, Born 1778).

Għandha qoxra lewn kannella fl-isfar ħadrani, bla tbajja jew linji.  L-annimal hu ta’ lewn ħadrani fl-iswed b’rasu iktar skura u żewġ sinjali iktar skuri fuq għonqu.  Din hi  magħrufa mal-bdiewa bħala li tħobb tira’ fuq l-uċuh tal-qamħ jew art kkultivata u biex teħles mis-sħana tas-Sajf tinħeba billi tħaffer ‘l isfel fil-ħamrija u titboq fommha bi ħliefa ħoxna bajda. Qoxritha hija irqaq minn tal-bebbuxu ta’ l-ikel.  Għandha żewġ pari qrun. Tittiekel min-nies tal-pajjiżi tal-Mediterran, imma mhix imfittxija għall-ikel mill-Maltin.  Il-bdiewa kienu jiġbruha jew iħaffru għaliha fil-ħamrija biex jisħquha b’xi ġebla.  Ma kinux jistgħu għaliha għax kienet tiklilhom l-uċuh. Mattew Spiteri, 82 sena, “Tal-Qerrieda”, mill-Qrendi qalli, li qabel kien hawn ħafna, “imma minn mindu bdew iferrxu n-nutrat din inqerdet u m’għadnix naraha fejn għandi jien”.

Il-Lhudija (Schembri) (Theba Pisana, Muller, 1774).

Il-bebbux Lhudi hu dak il-bebbux żgħir li mdorrijin narawh fi kwantitajiet kbar fis-Sajf imwaħħal ma’ xi zokk niexef tal-bużbież jew ma’ tal-ħubbejża, ma’ xi xitla tax-xewk niexfa, ma’ l-għollieq, mal-ħitan jew ma’ xi tank jew pjanċa tal-ħadid.  I-Lhudija tħobb tinġabar ma’ sħabha fi kwantitajiet kbar biex teħles mis-sħana ta’ l-art tikwi tas-Sajf.  Hemm tlett ilwien minnhom: bojod, safranin u bir-rigi kannella.  Laħmu hu griz ċar ħafna kważi abjad trasparenti. Dan il-bebbux huwa mfittex mis-sajjieda bħala lixka.  Fi Sqallija jsejħulu “babbaluci” u huwa ikla tradizzjonali fil-festa ta’ Santa Rosalia f’Palermo bir-riċetta bl-isem ta’ Babbaluci alla Palermitana. Hawn Malta mhux imfittex għall-ikel. Hawn min isejjahlu wkoll “il-bebbux abjad tas-sajd”

Il-bebbux tal-bejt (Marmora melitensis, Ferussac, 1821)

Għandu qoxra ftit ċatta, tonda, u b’saħħitha.  C.Cachia jiddeskrivih bħala “ta’ lewn abjad mnaqqax bi tbajja’ żgħar kannella”.  L-annimal hu ta’ lewn safrani fil-griż.  Iħobb  il-blat, xquq, zkuk tas-siġar jew ħitan.  Jitrabba wkoll fuq il-bjut minfejn aktarx ħa ismu.  Jixxiebaħ ħafna konkoloġikament mal-Lhudija.  Hawn min isejjaħlu wkoll “tal-qalli”.

In-nagħġa bajda (Phinterochila candissima, Deparnaud, 1801).

Huwa, kif jixhed ismu, bebbuxu ta’ lewn abjad karti.  Issibu mwaħħal fuq il-blat, mal-ħitan u ma’ isfel taz-zkuk ta’ xi xitla jew mitfuħ fil-ħamrija.  Iħobb ħafna postijiet qrib xatt il-baħar fejn hemm l-blat.  L-annimal huwa pjuttost kbir u tawwali, ta’ lewn kannella fl-iswed jew kannella fl-aħmar.  Għandu qoxra iebsa, ħoxna u b’saħħitha ħafna iktar minn ta’ l-oħrajn.  Huwa ta’ għamla tonda mbuċċata, fommu zgħir u ta’ lewn abjad ħafna.  Hawn min isejjaħlu wkoll “il-bebbuxa bajda”.

It-trajbu (Rumina decollata, Linnaeus, 1758).

Huwa bebbuxu tawwali ta’ għamla konika.  Qoxortu mibruma bħal ħabel jew fettul u jkollu l-biċċa ta’ wara dejjem nieqsa. Lewn il-qoxra ivarja minn abjad sa kannella ċar.  Issibu qalb il-blat kif ukoll fil-ħamrija, ħdejn xatt il-baħar, jew ‘l gewwa.  Għas-Sajf it-trajbu jrabbi ħliefa ħoxna li jintebaq biha.  Iħobb jinħeba taħt il-blat jew fix-xquq jew billi jintradam fil-ħamrija. Lanfranco,G. isejjaħlu wkoll “bebbuxu tat-tramuntana”.

Il-bebbux Tork (Cernuella caruanae, Kobelt, 1888).

Għandu qoxra ftit ċatta u ta’ lewn safrani fil-griż, immarkata b’faxxi kannella ħfief interrotti. Jixbaħ ħafna fl-għamla lil-Lhudija imma ftit iktar ċatt.  L-annimal huwa ta’ lewn safrani fil-griż bir-ras u l-għonq griżi.  Tinstab kullimkien fil-ħamrija, taħt il-ġebel, ma’ xi ħajt, mal-blat jew maz-zkuk tas-siġar.  Tinstab biss fi Sqallija, Malta u l-Libja.  Hawn min isejjahlu wkoll “bebbuxa sewda”, “torka sewda”   jew “it-torki”.

Il-bebbux tal-fossa       (Cyclostoma melitense).

Normalment issibu fil-ħamrija, imma jinstab komuni wkoll mal-blat, taħt il-ġebel, jew taħt il-weraq u xi mindaqqiet anke mirdun fil-ħamrija.  Huwa magħmul dejjaq u bil-ponta (għamla konika), għandu qoxra ħoxna u b’saħħitha, ta’ lewn safrani, oranġjo jew kannella.  Huwa għandu żewġ pari qrun bl-għajnejn fuq il-qrun ta’ taħt.  L-annimal huwa bajdani, b’sieq bit-tebqa li meta jitkebbeb gewwa tagħlaq il-fomm, jew il-bokka biha.

Il-bebbuxu tal-qsari (Helix rogusiuscola, Giovanni Gulia).

Mollusk li jitrabba fl-indewwa tal-qsari, aktarx żgħir bil-qoxra għamla tawwalija u rqiqa bil-ponta.

Id-dussies t’Għawdex (Muticaria macrostoma, Cantraine, 1835).

Għandu qoxra ta’ għamla konika tawwalija u fuqha għandha linji rqaq mqabbżin waħda ma’ l-oħra.  Fommu kemmxejn wiesa’.  Dan il-bebbuxu jinstab biss fil- gżejjer Maltin u fi Sqallija.

ugraga ta’ Filfla   (Trochidea spratti form despotti, Soos, 1933).

Huwa bebbuxu żgħir endemiku għal din il-gżira żgħira.  Huwa ta’ għamla ikkupplata bħal boċċa, qisu żugraga, b’qoxra b’saħħitha u ta’ lewn kannella ċar bi ċrieki jduru miegħu ta’ lewn iktar skur.  Meqjusa wkoll bħala mhedda minħabba d-daqs ta’ Filfla. Jinstab biss fil-punent tal-gżira. Ikkalkulat li hemm mal-2000 eżempju. Imma skond il-Ktieb “The Marine Shells and Mooluscs of the Maltese Islands, ta’ Giusti, Manganelli, u Schembri” u li minnu ħadt ħafna mit-tagħrif dwar dawn it-tnax-il speċi ta’ bebbux imsemmija hawn fuq, iż-żugraga ta’ Filfla tinstab ukoll f’Kemmuna fuq il-ponta ta’ l-għemieri, u f’ta Falka qrib l-Imġarr.

Skond il-Professur Aquilina fid-Dizzjunarju tiegħu, teżisti l-kelma “babu” li f’paġna 58 jgħid li tiddeskrivi “very little snails having the shape of a cone”, imbagħad f’paġna 93 jgħid li tirreferi għal “very small baby snails”.

 MAGĦRUFA GĦALL-ĠBIR TAL-BEBBUX.

 Dari konna nsibu nies, tista’ tgħid f’kull raħal, li kienu magħrufa għall-ġbir tal-bebbux.  F’raħal twelidi, il-Qrendi, l-aktar nies imsemmija għall-ġbir tal-bebbux fi żmieni kienu l-aħwa Ta’ Bużżika, u wieħed ieħor li kien il-prim tal-bebbux Ġanni Tabone minn Tal-Forn miżżewweġ għand Tal-Marsusa.  L-aħwa |eppi u Salvu Magro ta’ Bużżikka kienu sfaw iltiema, u peress li ma kinux kapaċi jfendu għal rashom sewwa, kien jgħixu bil-ħniena, u xi mindaqqiet bil-kattiverja, tan-nies tar-raħal. Meta kienu għadhom żgħażagħ kienu jsibu min iqabbadhom xi biċċa xogħol, fil-barrieri jew fl-għelieqi u forsi jagħtihom ftit flus.    Meta kibru x-xogħol tar-raba’ sar aktar mekkanizzat, u ħadd ma kien iridhom ħlief biex jisloħhom u jiddieħek bihom.  Insomma, mela dawn it-tnejn kienet l-hena tagħhom jmorru jfittxu u jimlew landa tal-kunserva bil-bebbux mill-inħawi ta’ Xagħar Imqalleb, Ħaġar Qim, jew mill-Magħlaq.  Għall-ħabta ta’ nofsinhar jerġgħu lura r-raħal, għajjenin u bil-ġuħ, bil-landa ġo xkora tal-faxx.  Jekk isibu lil xi ħadd qalbu tajba, kien jagħtihom xi ħaġa tal-flus tagħha.  Ġieli kienu jitolbuk bil-ħniena biex toħodielhom.  Mhux ċajta timla landa bebbux fis-sajf, meta jkun kollu mistoħbi tajjeb.  Mhux l-ewwel darba li ġew fl-inkwiet ma’ xi bidwi li jaqbadhom iqallbu fil-għalqa u jfittxu fil-ħitan tas-sejjieħ.   In-nies tar-raħal kienu jsibuhom ukoll bħala l-Oħxon (|eppi) u l-Irqiq (Salvu).  Wieħed ma kienx jgħaddi mingħajr l-ieħor; fejn tara ‘l wieħed tara ‘l-ieħor. Sakemm Ċensa l-Mewt fettlilha tieħu lil wieħed minnhom, li għalkemm kien l-ikbar fid-daqs, fil-fatt kien l-iżgħar mit-tnejn.  Għadhom stampati f’moħħI, u forsi b’din il-kitba jibqgħu jgħixu ftit ieħor fl-istorja.

 Kotba ikkonsultati:

 Cachia Charles, Il-Molluski ta’ Malta. Pin. 1999.

Giusti, Manganelli, Schembri,  The Marine Shells and Molluscs of the Maltese Islands.

P.J.Schembri/A.E.Baldachhino, Ilma Blat u Hajja

Sultana J, Falzon V., Wildlife of the Maltese Islands, 1996.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti.

Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary.

 

 

Ħajr lil

 

John Mamo direttur tal-Mużew ta’ l-Istorja Naturali ta’ Malta, l-Imdina.