Il-pajsaġġ Malti huwa wieħed tassew uniku u pittoresk, imżewwaq b’xagħri mimli flora u fawna, ħitan tas-sejjieħ, u bix-xemx u l-baħar.  Iżda wieħed ma jistax ma jsemmix il-bajtar tax-xewk.

Miktub minn Ian Sammut (Uffiċjal Argikolu Anzjan), Jeffrey Sciberras, u Arnold Sciberras (Riċerkaturi fil-Biodiversita’)

Il-bajtra hi waħda mill-aktar speċi tal-flora famuża mal-Maltin. Il-bajtra tax-xewk (li bil-Latin hija msejħa ‘Opuntiaficus-indica’), hija speċi li hi kklassifikata taħt il-familja tal-kaktus. Din l-ispeċi ssibha l-iktar mal-ġnub tal-għelieqi, pero ħarbet ukoll fil-pajsaġġ naturali f’pajjiżna. Fil-ġzejjer Maltin insibu speċi oħrajn ta’ Opuntia u Kakti li, bħal Opuntiastricta, Opuntiapilifera, Opuntiaeliator, Opuntiamicrodasys, Optuniadejecta, u Opuntiaengelmannii li, minkejja li mhumiex komuni daqs Opuntiaficus-indica, ġew ikkultivati għal skop ornamentali, kif ukoll ħarbu fis-selvaġġ. Opuntiaficus-indica hija l-aktar speċi li ġiet domestikata mill-bniedem sa mill-qedem u l-aktar li tinsab imxerrda madwar il-partijiet differenti tad-dinja, l-aktar dawk bi klima tipika Mediterranja. Fatt interessanti huwa li l-bajtra tax-xewk mhix speċi indiġena, iżda taf l-oriġini tagħha mill-Messiku u ilha tinsab fil-gżejjer Maltin mhux aktar minn 500 sena. Ta’ min jirrimarka li l-pal tal-bajtra mhux iż-żokk tal-pjanta, filwaqt li x-xewk huwa l-weraq immodifikat. Din il-modifikazzjoni saret permezz tal-evoluzzjoni fejn biex jitnaqqas it-telf tal-ilma mil-pjanta, maż-żmien il-weraq ħadu l-forma ta’ xewk.

Il-bajtra tax-xewk hija pjanta li ftit li xejn nagħtu kasha. Infatti, diversi bdiewa jkabbru l-bajtar tax-xewk madwar l-għelieqi tagħhom prinċiparjament biex juru l-periferija tar-raba’ tagħhom, bħala lqugħ kontra r-riħ biex joffri kenn għas-siġar tal-frott u għall-uċuħ tar-raba’, kif ukoll bħala sors t’ikel, kemm għalihom u għal-bhejjem tagħhom. Annimali bħal mogħoż, nagħaġ u baqar li huma ruminanti, kienu jingħataw il-pala għal l-ikel, imma din mhix tajba għaż-żwiemel.

Interessanti l-fatt li ġie osservat f’Għawdex biss – xi xitel żgħir jitħawwel ġo “bejta” li hi ħofra żgħira fil-ħamrija, u l-pala waħedha tal-bajtar tax-xewk titqiegħed bħala lqugħ mir-riħ maġenb il-bejta, biex tipproteġi x-xitla mill-elementi.

Illum il-bajtar tax-xewk qed jintuża għat-trobbija tal-Ħanfusa Morio, Morio Beetle, Zophobasatratus, u għat-trobbija tal-Ġurat tad-Deżert, Desert Locust, Schistocercagregaria, u tal-Ġurat tal-Passa, Migratory Locust, Locusta migratoria. Dawn l-insetti qed jintużaw bħala ikel għar-rettili u ħlejjaq oħra. Il-fjur tal-bajtar tax-xewk huwa wkoll tajjeb ħafna għan-naħal, speċjalment fis-sajf meta jkun hawn inqas sorsi ta’ fjuri slavaġġ, speċjalment fl-imwarrab.

Sfortunatament, informazzjoni fuq il-bajtar tax-xewk ta’ Malta hija waħda limitata immens. Iżda madwar 20 sena ilu, is-sur Carmelo Briffa kien wettaq studju, fejn l-għan prinċipali kien li jiġbor il-varjetajiet tal-bajtar tax-xewk li jinsabu fil-gżejjer Maltin u tiġi ffurmata kollezzjoni bihom. Dan seħħ, u sal-lum il-ġurnata, din il-kollezzjoni tinsab ġewwa r-razzett esperimentali tal-Gvern, aktar magħruf bħala l-Għammieri. Din il-kollezzjoni tikkonsisti minn madwar 15-il varjetà differenti, fejn dawn inġabru u qed jiġu miżmuma bħala waħda mill-akbar kollezzjonijiet tal-bajtar tax-xewk li hawnf’pajjiżna.

Opuntia engelmanii

Opuntia stricta

Opuntia microdasys

Opuntia dejecta

Opuntia pillifera

Opuntia eliator

Din il-kollezzjoni tikkonsisti f’dawn il-varjetajiet li ingħataw dawn l-ismijiet:

  • L-Ispanjol 1, l-Ispanjol 2, u l-Ispanjol 3
  • Il-Malti 1, u l-Malti 2
  • Il-Franċiż 1, u l-Franċiż 2
  • l-Ingliż 1, u l-Ingliż 2
  • il-Ġermaniż 1, u l-Ġermaniz 2
  • Tax-Xitwa 1, u tax-Xitwa 2
  • Safra tax-Xewk Twil
  • Safra Imwaħħra

(Ismijiet miġbura mill-pubbliku skont it-teżi ta’ Briffa)

Sa minn tfulitna, il-Maltin kellhom “l-aħmar, l-isfar, u l-abjad”.  Il-“Franċiż” kien il-bajtar l-abjad, imma li meta tqaxxru, fil-qalba tiegħu kien ikollu bħal sinjal jew ħajta rqiqa safra.  Bajtar “abjad” ieħor ma kienx ikollu das-sinjal irqiq isfar, u meta konna naraw das-sinjal irqiq konna ngħidu “bajtra Franċiża”.

P.P.Castagna, fil-ktieb tiegħu Lis-storia ta’ Malta bil-gzejer taħħa, li ħareġ fl-1866, kien jagħmel distinzjoni bejn “il-bajtar ta’ San Ġwann” (li jiġi mit-tina bajtrija) u l-bajtar tal-Indja, jew ta’ Ghindia, li hu l-bajtar tax-xewk kif nafuh illum. Castagna jgħid hekk fuq il-bajtar ta’ Ghindia:

‘Għandna erba’ kwalitajiet ta’ bajtar: tad-demm, ta’ bla żerriegħa, Franciż, u isfar.  L-ewwel hu l-isbaħ, it-tieni wisq skars, it-tielet l-iktar stmat, u r-raba’ l-oħla (l-aktar ħelu).  Jinżamm għal xi żmien wara li jinqata’, billi jqegħduh fuq il-bjut mgħotti bit-tiben; u billi jaqtgħuh bil-pala minn għerqha, u jdendluha ma’ x’imkien.’

Ta’ min jirrimarka li l-aktar tliet varjetajjiet popolari li nsibu madwar il-gżejjer Maltin huma dawk li qed jissejħu: il-Malti, l-Ingliż u l-Franċiż. Bħala statura tas-siġra, dawn it-tliet varjetajiet jixxiebħu, iżda l-maġġoranza tal-bdiewa jiddistingwu bejn varjeta u oħra permezz tal-kulur tal-frott. Il-frott ta’ l-Ingliż huwa pjuttost ħamri, filwaqt l-l-Franċiż huwa safrani/bajdani, u tal-Malti jkanġi fl-oranġjo. Dawn l-ismijiet ma ingħatawx ta’ xejn; il-bajda/safrani hija mxebħha mal-avveniment ta’ meta l-Franċiżi ċedew il-gżejjer Maltin fl-1800, filwaqt li l-ingliż ġie mxebbaħ mal-kulur tal-uniformi tas-suldati Ingliżi. Karatteristika mill-varjetajiet tax-xitwa hija li jagħmlu ftit frott matul ix-xhur kesħin tas-sena, apparti l-frott fis-sajf. Għadu qed isir studju jekk minn dawn il-varjetajiet hawnx minnhom li huma endemiċi għal-pajjiżna.

Tax-Xitwa 1

Tax-Xitwa 2

Madwar 16-il sena wara l-istudju ta’ Carmelo Briffa (fl-2020), wieħed minna (I.S) għamel studju ieħor fuq dawn l-imsemmija varjetajiet billi ddeskrivihom kemm mill-aspett tal-morfoloġija (b’mod viżwali), kif ukoll mill-aspett fiżjokemikali (aspett kimiku). Fost diversi sejbiet, instab li l-itwal frotta hija l-Malti 2, filwaqt li l-iqsar frotta hija l-Spanjol 2. Il-varjetà Spanjol 3 irriżulta li tipproduċi l-itqal frotta mill-varjetajiet l-oħra bħala piż totali. Tax-Xitwa 1 instab li kellha l-inqas qoxra mal-frotta, kemm f’termini ta’ ħxuna tal-qoxra, kif ukoll il-piż nett tal-qoxra. Intant, din l-istess varjeta nstab li kellha l-akbar proporzjon ta’ polpa tal-frott, ikkumparata mal-qoxra f’termini ta’ piż, fejn il-polpa laħqet aktar min 61% tal-piż tal-frotta b’mod globali. Mill-aspett ta’ tjubija (Brixo), il-Ġermaniż kellu l-għola valur filwaqt li bħala għoli tas-siġra, l-varjetajiet tax-Xitwa kienu l-itwal, fejn dawn wara 15-il sena, laħqu l-għoli ta’ madwar 5 metri. Saru diversi osservazzjonijiet oħra, iżda xi ħaġa li tant spikkat kienet id-diversità fil-lewn tal-fjuri. Il-lewn tal-fjuri jvarja fuq diversi binarji fosthom minn isfar, għal oranġjo u aħmar.

Fenomeni morfoloġi ċari fuq tal-Bajtar Tax-Xewk, li ġew osservati fil-gżejjer Maltin huma;

i) Il-Bajtrun – meta jkollok nofs frotta ħierġa minn pala

ii) Il-Bukkett –meta jkun skoss frott ħiereġ minn frotta waħda li tkun ikbar

iii) Il-Qlugħ – meta jkollok nofs pala ħierġa perpendikulari minn pala sħiħa

iv) Il-Qalb – meta jkollok pala imxebħa ma’ forma ta’ qalb tal-imħabba. Ġeneralment din tifforma meta xi speċi ta’ mollusk igerrem xi parti tal-pala, l-istess parti tieqaf tikber u minflok jikbru l-ġnubijiet tal-madwar.

Dawn il-fenomini fil-passat, peres li huma rari, kienu jitqiesu mill-bdiewa bħala sinjal li ġejja sena ta’ risq fuq l-uċuħ tar-raba’ tagħhom.

Qlugħ

Bajtrun

Qalb

Bukkett

Saru diversi analiżi kemikali oħra fosthom il-konċentrazzjoni ta’ diversi secondary metabolites, bħal anthocyanins, betalains u oħrajn, li minkejja li fil-pjanta, għandhom rwoli partikolari, huma essenzjali għas-saħħa tal-bniedem fosthomil-prevenzjoni tal-kanċer. Saru wkoll analizi fuq il-pal tal-bajtar bħal kontenut ta’ lamtu (starch), xaħam (fats) u proteini (protein)fost l-oħrajn, li huma elementari fejn tidħol n-nutrizzjoni tal-bhejjem. B’mod ġenerali, l-ADF (Acid Detergent Fiber) kif ukoll l-irmied (ash) instabu f’livell baxx ikkumparat ma’ bajtar ta’ barra minn Malta. L-ADF jikkonsisti f’partijiet tal-pala li huma l-anqas li jitkissru u jissajru fis-sistema diġestiva, fejn fosthom jinkludu ċ-ċelluloża (cellulose) filwaqt li l-irmied jikkonsisti f’dakkollu li mhux organiku u jinkludi diversi minerali. Fost dawn il-minerali nsibu l-potassa, il-fosfru u l-kalċju, li dan tal-aħħar kien l-aktar mineral li nstab għoli mill-minerali kollha. Fattur għal dan jista’ jkun minħabba l-fatt li l-ħamrija Maltija hija mballata bil-ġir li huwa magħmul mill-kalċju. Madanakollu, il-livell ta’ proteina li nstab fil-pal ta’ Malta, kien wieħed simili ma’ ta’ barra. Għaldaqstant ġie konkluż li d-differenzi fil-livelli tal-proteina bejn varjeta u oħra kien attribwit lejn id-differenza fil-ġenetika. Iżda, minkejja li l-valur tal-proteina kien wieħed simili bħal ta’ barra, mhux biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet tan-nutrizzjoni li l-bhejjem jeħtieġu għal produzzjoni mixtieqa, għaldaqstant il-bhejjem ikunu jeħtieġu sors addizzjonali ta’ proteina.

Twettqu wkoll diversi analiżi statistiċi biex wieħed ikun jista’ jara x’relazzjonijiet hemm bejn varjeta’ u oħra. Permezz ta’ din l-informazzjoni kollha miġbura prinċiparjament mill-morfoloġija tal-bajtar, għal-ewwel darba ġiet żviluppata dichotomous key li xogħolha huwa li permezz ta’ ftit mistoqsijiet sempliċi, wieħed jista’ jidentifika x’jisimha l-varjeta’ tal-bajtar tax-xewk.

Il-bajtar tax-xewk għandu potenzjal kbir ħafna li sfortunatament ftit li xejn qed nisfruttawh. Fost ħafna minn dawn in-niċeċ ta’ żvilupp, nistgħu nsibu l-użu tal-:

  • Konsum frisk tal-frott
  • Ipproċessar tal-frott fi prodotti oħra bħal ġamm u xorb alkoħoliku,
  • Produzzjoni taż-żejt miż-żerriegħa għall-użu kosmetiku,
  • Użu ta’ għalf aħdar għal-bhejjem,
  • Żvilupp tal-pal tal-bajtar għall-konsum Uman (Napolitos),
  • Użu mediċinali aromatiku,
  • Produzzjonital-frott permezz tal-‘scozzolatura’ għal-frott frisk fix-xitwa
  • Produzzjoni tal-insett cochineal
  • Produzzjoni tal-biogas
  • U ħafna aktar.

Ħajr lill-Professur Everaldo Attard tas-superviżjoni tat-Teżi, livell ta’ Masters fuq dan is-suġġett ma’ wieħed mill-awturi (I.S). Ħajr ukoll lil Carmelo Briffa tax-xogħol pijunier li għamel fuq is-suġġett.

Referenzi:

Briffa C. 2004 Cactus Pear – An underutilised crop in the Maltese Islands. Unpublished thesis.

Sammut I. 2020 Morphometric and Physiochemical Analysis of Local Varieties of Prickly Pear (Opuntia ficus-indica (L.) Mill.) From Malta. Unpublished thesis.

Lis Storia ta Malta bil Gzejer taħħa. Pietro Paulo Castagna, Midsea Books Ltd., Facsimile Addition 1985.

Frotta tal-bajtra safra mwaħħra

Safra tax-xewk twil

Frotta, Spanjol 1

Frotta, Franċiż 1

Il-frotta tal-Ġermaniż 2

Frotta, Ġermaniż 1