Fit-taqsima ta’ qabel din, għall-ewwel darba wara mijiet ta’ snin, konna ftaħna l-bieb u dħalna fid-Dinja tal-Fantasija li kellhom missirijietna u l-Maltin ta’ qabilna.  Dħalna f’dinja li aħna konna abbandunajniha għal kollox u tfajnieha wara spallejna.  Fissirna l-għeġubjiet li hemm fiha u, aktar importanti minn hekk, pinġejna ħafna stampi tagħha, biex forsi dawn l-istampi jeħlu quddiem għajnejna ħalli ma nibqgħux naraw biss l-istampi tad-dinja tal-fantasija ta’ ħaddieħor.  Min irid jara x’konna ktibna, jista’ jfittex HAWN.

Imma għalkemm din li għamilna kienet biċċa xogħol meħtieġa, xorta għadha mhux biżżejjed.  GĦANDNA BŻONN NARAW AKTAR STAMPI QUDDIEM GĦAJNEJNA BIEX NIFHMU L-ĠEOGRAFIJA TAD-DINJA TAL-FANTASIJA MALTIJA.  Mhux stampi biss, imma wkoll aktar tagħrif, għax id-darba l-oħra ma konniex għidna kollox.

Aħna li qrajna l-ħrejjef li Patri Manwel Magri u Ġuże Cassar Pullicino ġabru minn fomm il-poplu, nafu sewwa kemm dawn il-ħrejjef jitgerfxu u jitħawdu flimkien skont min jirrakkuntahom.  Il-ħrejjef infushom jinħassu xi ftit “għajjenin” fil-mentalita u fin-nuqqas ta’ sofistikazzjoni tagħhom biex ilaħħqu mas-sofistikazzjoni tal-ħrejjef tal-barranin. Dana ġara għax ħadd min-nies tagħna tal-kultura ma pprova jirranġahom u jifdihom kulturalment.  M’għandniex għax nilludu ruħna – l-Aħwa Grimm, meta ġabru l-ħrejjef tant magħrufa tagħhom u li issa xegħelu l-immaġinazzjoni tad-dinja, wkoll bidlu u irranġaw ħrejjef li fl-oriġinal kienu ħorox u raffi wisq.  Fl-ewwel edizzjonijiet tal-kotba tagħhom ltaqgħu mal-kritika – għax l-għorrief u l-kritiċi qalu li l-istejjer kienu jdarrsu lil ħafna nies u ma kinux jappellaw għat-tfal.[1]  Fl-edizzjonijiet ta’ wara, l-Aħwa Grimm bidlu,  ħolqu, u irranġaw, biex il-ħrejjef jidhru f’dawl isbaħ. Anke dak iż-żmien – imxew maż-żminijiet.

Jekk irridu, għandna biżżejjed materjal fil-ħrejjef li għaddewlna missirijietna biex nerġgħu insibu fejn qegħdin Bufies u Buġibda. Bufies u Buġibda huma l-Wonderland tagħna; huma l-Middle Earth ta’ niesna; huma n-Narnia ta’ missirijietna. Nafu bihom biss mill-ħrejjef li darba kienu fuq fomm niesna, imma li issa tista’ tgħid li ntilfu.  Il-ħrejjef jgħidulna li minn Bufies tista’ tmur Buġibda, u li allura dawn huma żewġ xaqlibiet tal-istess art – l-art tal-fantasija Maltija.  Imma fil-ħrejjef tissemma wkoll “Id-Dinja ta’ Taħt”; din  fejn tiġi?  Din hi mistoqsija li hemm bżonn inweġbuha sewwa, għax it-tweġiba tagħha qiegħda mgerfxa fis-sorsi li għandna.  Biex inwieġbu l-mistoqsija sewwa, rridu l-istampi; stampi m’għandniex, allura rridu noħolquhom aħna.

 

IL-ĦOFRA LI MINNHA TINŻEL FID-DINJA TA’ TAĦT.

Hemm ħrejjef li fihom l-eroj ikollu jinżel ġo xi ħofra fonda u mudlama taħt l-art.  Fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-ħrejjef jissemma wkoll is-SERP TAS-SEBA’ RJUS, jew is-Serpentin, jew l-Għaġeb tal-Ilma, jew id-Dragun Draganti, li huma, fil-fehma tagħna, l-istess karattru.  Darba minnhom, is-Serp tas-Seba’ Rjus tela’ fid-dinja ta’ fuq, id-dinja tagħna, biex jisraq it-tuffieħa tad-deheb li kienet tikber fis-siġra tas-sultan. Min-naħa l-oħra, l-Għaġeb tal-Ilma, li ukoll kien serp b’seba’ rjus, tela’ ‘l fuq fid-dinja tagħna, imma ried sempliċement tfajla sabiħa biex joħodha miegħu u joqgħod jilgħab magħha, mhux tuffieħa.  Issa sar importanti għall-kultura tagħna li nitkixxfu s-Serp Tas-Seba’ Rjus, jew is-Serpentin, minn fejn ġie; minn fejn inqala’; u nsiru nafu wkoll it-tfajliet li jisraq fejn joħodhom.

Għax m’għandniex xi ngħidu – is-Serp tas-Seba’ Rjus m’għandux jippretendi li se jaqbad u jitla’ hawn fuq ħdejna, jisirqilna t-tfajliet u t-tuffieħ tad-deheb, u se jgħaddiha lixxa u ħadd ma jkellmu.  L-affarijiet mhux hekk isiru. Dejjem jinqala’ xi ħadd, xi eroj, li jew ikun bin is-sultan, jew bin xi mara li tkun għarfa ħafna, li jippoppa sidru biex jaqbeż għalina u jġib lura dak li serqulna. Patri Manwel Magri tana l-ħrafa li jisimha “Id-Dinja ta’ Taħt”, ħrafa li għandha mill-inqas żewġ varjanti.[2]  F’varjant minnhom il-ħrafa tfissrilna fid-dettal x’sab it-tifel iż-żgħir tas-Sultan hekk kif wasal fid-Dinja ta’ Taħt, biex jieħu sudisfazzjon għal dak li għamel is-Serp.  Nixtiequ nużaw ħafna mill-kliem li uża Manwel Magri għax hu kliem tassew sabiħ.  Il-varjant li għażilna hu dak li Magri ġabar mir-Rabat t’Għawdex.[3]  Isimgħu ftit il-biċċa kif inhi:

Mela s-Serpentin ġie biex jisraq it-tuffieħ mis-siġra tas-sultan. Imma t-tifel iż-żgħir, li kien għassa tiegħu, iġġilidlu u ferieh.  Meta sebaħ, it-tifel reġa’ mar ħdejn is-siġra tat-tuffieħ u lemaħ għadira demm.  Mexa mal-qtar tad-demm sakemm wasal ħdejn ħofra mgħottija b’xi ħaġa li “qisha ħerża ta’ bir”.  Ġab in-nies u ħafna ħbula, daħal ġol-ħerża tal-bir u beda nieżel u nieżel għal isfel fil-ħofra.  Baqa’ nieżel sal-qiegħ, sakemm riġlejh messew mal-art.  Meta ħares madwaru ra li kien ġo għar, u fid-dlam seta’ jara mina twila li fit-tarf tagħha kien hemm id-dawl tax-xemx.  Mexa tul il-mina u meta ħareġ minnha sab ruħu f’xagħra kbira.  Baqa’ sejjer ‘il quddiem sakemm kważi dalam.  Mal-għabex lemaħ mill-bogħod dawl bati, u qorob lejh.  Kien dawl f’dar żgħira.  Ħabbat il-bieb u xirfet mit-tieqa tfajla sabiħa li meta ratu qaltlu: “Oħħ! Hawn kif ġejt?!”  Qallha, “ngħidlek xi ġrali.” U qalilha kollox.

Xirfet mit-tieqa tfajla sabiħa u lil Bin is-Sultan qaltlu: “Oħħ.  Hawn kif ġejt?” Bin is-Sultan kien għad fadallu triq twila ħafna, ħafna u ħafna x’jimxi, imma lit-tfajla sabiħa, qalilha kollox.  Eric Leone wkoll kien għadda mill-istess triq, u penġihielna biex jurina kemm hemm sabiħ.

Bħalma jiġri spiss fil-ħrejjef Maltin, it-tfajla qaltlu “Imxi aktar ‘il quddiem u ssib ‘l oħti, ikbar minni, u tgħidlek x’għandek tagħmel.” U qabel m’għalqet it-tieqa xeħtitlu lewża li ġewwa fiha kien hemm LIBSA BIS-SEMA U L-KWIEKEB TIEGĦU.

Bin is-Sultan għadda ‘l quddiem, dejjem miexi bla ma jieqaf, jimxi sa ma kważi dalam, u mat-tieni lejl lemaħ dawl bati f’dar oħra bħal ta’ qabel.  Ħabbat il-bieb u xirfet rasha mit-tieqa tfajla, ikbar u isbaħ mill-oħra.  Kif ratu qaltlu: “Oħħ! Hawn kif ġejt?!”  Qallha “ngħidlek xi ġrali”. U qalilha kollox.  It-tfajla s-sabiħa qaltlu: “mur ‘il quddiem u ssib ‘l oħti l-kbira, u dik tgħidlek x’għandek tagħmel”.  U qabel m’għalqet it-tieqa xeħtitlu lewża li ġewwa fiha kien hemm LIBSA BIL-BAĦAR U ĦUTU.

U biex ma ntawwalhiex, it-tielet waħda tagħtu qastna, li ġo fiha kien hemm LIBSA BID-DINJA U ĦAXIXITHA.  Xi ġmiel ta’ kliem hux?  Illum moħħna m’għadhux kapaċi jikkmanda lil ilsienna biex jitkellem hekk!  Il-baħar u ħutu – jiġifieri l-baħar bil-ħut kollu tiegħu.  Id-dinja u ħaxixitha – in-natura kollha kemm hi bil-flora kollha tagħha.  Manwel Magri kien konvint li dawn it-tliet tfajliet sbieħ kienu jissimbolizzaw is-Sema, l-Art, u l-Baħar tal-Mitoloġija Maltija, u li s-Seba’ Tuffiħat li ried jisraq is-Serp tas-Seba’ Rjus kienu x-xemx u l-qamar, u l-ħames pjaneti li kienu jafu bihom in-nies ta’ dari.[4]  Tgħiduli Bin is-Sultan x’għamel bihom dawk l-ilbiesi li kienu fil-ġewż u fil-qastan?  Eh, trid taqra l-ħrafa biex tkun taf, sie’eb.

 

FID-DINJA TAL-FANTASIJA MALTIJA MIN JIKKMANDA?

Fit-taqsima ta’ qabel din konna għidna li f’Bufies u Buġibda hemm il-Golfu, id-Dajna, Iljuni għassa mal-bibien li jekk ma tkunx moħħok hemm jibdluk fi statwa tal-melħ, xini kbir jimxi fl-art, għasafar jgħannu u jistordu lin-nies – Jissemmew tant bhejjem tal-biża’ u tal-għaġeb f’Bufies u f’Buġibda u fid-dinja ta’ Taħt, possibbli dawn jagħmlu li jridu?  M’hemm ħadd min iliġġimhom u jrażżanhom naqra?  Fil-ħrejjef jissemmew is-SLATEN TAS-SEĦER.  Meta Bin il-Mara l-Għarfa mar biex ifittex it-Tfajla tal-Ġmiel sab l-għajnuna ta’ SULTAN IT-TAJR, SULTAN IL-ĦUT, u SULTAN IN-NEMEL.[5]  It-tajr, il-ħut u n-nemel kienu jobdu u joqgħodu għall-ordnijiet tas-sultan tagħhom. Imma fil-ħrafa ta’ BALMIES, minbarra Sultan il-Ħut u Sultan in-Nemel jissemma wkoll SULTAN L-ILJUNI.[6]  Meta Balmies wasal qrib il-belt fejn kien hemm Bint is-Sultan, sab li mal-bieb tal-belt kien hemm iljun kbir u tal-biża’ għassa biex jara li ħadd ma jidħol bla perness. Sultan l-Iljuni wissa lil dak l-iljun li kien għassa, u qallu biex jara li ħadd ma jagħti fastidju lil Balmies.  U l-iljun li kien għassa kellu jobdi.[7] U meta s-Sultan bagħat lil Balmies fl-għar tal-Iljuni, dawn, fuq ordni ta’ Sultan l-Iljuni, kollha firxu denbhom u ħolqu friex li fuqu seta’ jorqod Balmies.[8]  Jiġifieri f’Bufies u f’Buġibda, u fid-Dinja ta’ Taħt, mhux kulħadd jagħmel li jrid, imma hemm l-ordni.  Is-Slaten tas-Seħer jikkmandaw lit-tajr, lill-bhejjem, lill-ħut, u lill-insetti.  It-tmint Irjieħ – Il-Lvant u l-Punent, it-Tramuntana u n-Nofsinhar, Il-Griegal u x-Xlokk, u l-Majjistral u l-Lbiċ, irieġu l-qawwa tan-natura flimkien max-Xemx u l-Qamar.  Il-Qamar darba kien talab lill-Ommu biex tagħmillu sidrija, imma din m’għamlitlu xejn għax il-qamar kien jikber kuljum u s-sidrija kien joħroġ kuljum minnha.  Darb’oħra l-Qamar daħal ġo forn u talab lil waħda mill-għaġġiena biex tagħmillu ftira, imma minflok għamlithielu, tatu daqqa ta’ pala u ġemditlu wiċċu.[9]

Imma jekk tneħħi xi żewġ inċidenti żgħar, fl-art tal-fantasija Maltija kollox jimxi bil-qies u bl-ordni. Kollox ma’ kollox l-Irjieħ u x-Xemx u l-Qamar, u s-Slaten tas-Seħer imexxu kollox sewwa u kif għandu jkun.    Barra minn hekk, biex l-affarijiet ikomplu jimxu iktar sewwa u biex ikun kollox komplut, fl-art tal-fantasija Maltija jeżisti wkoll MAQDES MIBNI BL-GĦADAM TAL-ILJUNFANTI.  Dan l-għadam kien ġabu Bin il-Mara l-Għarfa[10]. Disgħa u disgħin fil-mija, ġewwa dan il-Maqdes kien hemm l-GĦOĠOL TAD-DEHEB.  Li l-Għoġol tad-Deheb kien darba ġewwa “knisja ta’ qabel konna Nsara” nafuh mill-ħrafa tal-BORĠ TAL-IMRAMMA.[11]  Lil Manwel Magri, l-Għawdxin qalulu li “jgħidu li hemm (jiġifieri fil-Borġ tal-Imramma li jinsab qrib Ta’ Ċenċ) hemm l-Għoġol tad-Deheb”.  Xi wħud kienu għadhom jarawh anke jirgħa f’dawk l-inħawi.  Naqta’ rasi li l-Għoġol tad-Deheb qiegħed f’Bufies li jinfed ma Buġibda, u qiegħed eżatt f’nofs il-Maqdes mibni bl-għadam tal-iljunfanti.  Ta’ xejn tfittxu f’post ieħor – u hu għalhekk li sal-lum għadu ma nstab imkien – għax qed infittxuh f’post ħażin.  U naqta’ rasi wkoll li l-maqdes mhux bl-għadam tal-iljunfanti mibni, imma b’ġebel kbir ħafna – bħal dak tal-Ġgantija u l-Imnajdra.  Din tal-għadam tal-iljunfanti qiegħda hemm biex tfixkilna, ħalli ma nsibux il-post malajr.  Hi bħal ħaġa moħġaġa li trid tiżinha sewwa – bħalma trid tiżen it-tweġibiet li tagħtik is-Sibilla

Dan li se ngħidilkom hu sigriet kbir, jiġifieri ixxandruhiex ma’ kulħadd:  l-Għoġol tad-Deheb x’aktarx li qiegħed f’nofs il-Maqdes Mibni bl-Għadam tal-Iljunfanti.  Imma din tal-għadam tal-iljunfanti qiegħda hemm biex tfixkilna – il-maqdes mhux bl-għadam tal-iljunfanti mibni, imma minn ġebel jew ħaġar kbir ħafna, bħal dak ta’ Ħaġar Qim.  Eric Leone daħal f’dan il-maqdes u penġa dak li ra.

IS-SIBILLA GĦANDHA PALAZZ QRIB ĦAFNA TAL-MAQDES MIBNI BL-GĦADAM TAL-ILJUNFANTI

Diġa għidna li fl-art tal-fantasija Maltija hemm mara ta’ għerf kbir li jsejħulha “Sibilla” u li tgħix f’palazz li ħadd ma jaf fejn hu. Imma nafu li s-Sibilli huma nisa’ ta’ għerf kbir li jagħtu l-pariri lil min imur ifittixhom fit-tempju.    Il-Palazz tas-Sibilla x’aktarx li qiegħed biswit il-Maqdes Mibni bl-Għadam tal-Iljunfanti.  Anzi, naħseb li qiegħed taħt l-art ta’ taħt it-tempju.  Għalkemm qiegħed taħt l-art, xorta għandu ġnien – ġnien imsaħħar bħal tal-ħrejjef. Fil-ġnien tal-Palazz tas-Sibilla hemm għajn li tispara u ttajjar l-ilma ‘l fuq u li x’aktarx hi l-GĦAJN TAL-ILMA JIŻFEN.  Fil-ħrafa tat-Tifla li marret u ġabet l-Għasfur Jgħanni hemm miktub li fl-istess post fejn kien hemm dan l-Għasfur, mhux biss kien hemm “l-Ilma Jiżfen”, imma kien hemm wkoll IL-ĠNIEN TAL-QASAB AĦDAR li kien “jikber u jiċkien”.[12]  Issa jekk l-Ilma jiżfen jiġi mill-għajn li qiegħda fil-ġnien tal-Palazz tas-Sittażbrilja, tgħid dak ifisser li anke l-Għasfur Jgħanni, hemm qiegħed ukoll?  U l-ġnien li hemm fil-Palazz tas-Sibilla hu l-Ġnien tal-Qasab aħdar li jikber u jiċkien?  Kif jagħmel biex jikber u jiċkien? Min jaf?! Trid tmur hemm u tara b’għajnejk biex tkun taf. Li hu ċert hu li l-Ġnien tal-Qasab Aħdar qed jibki biex xi bniedem stonkuż u ta’ ruħ Maltija jmur jara b’għajnejh u jgħidilna x’jiġifieri li l-Ġnien jikber u jiċkien, u l-Ilma Jiżfen kif jagħmel meta jiżfen.  Jiġifieri ara kemm għad baqalna xogħol x’nagħmlu.

Bib is-Sultan mexa mal-qtar tad-demm sakemm wasal ħdejn ħofra mgħottija b’xi ħaġa li “qisha ħerża ta’ bir”.  Ġab in-nies u ħafna ħbula, daħal ġol-ħerża tal-bir u beda nieżel u nieżel għal isfel fil-ħofra.  Baqa’ nieżel sal-qiegħ, sakemm riġlejh messew mal-art.  Meta ħares madwaru ra li kien ġo għar, u fid-dlam seta’ jara mina twila li fit-tarf tagħha kien hemm id-dawl tax-xemx.  Stampa oħra sabiħa ta’ Eric Leone.

IT-TIFSILA TAD-DINJA TAL-FANTASIJA MALTIJA

Biex iseħħilna niġbru kollox flimkien u ngħaqqdu id-Dinja tal-Fantasija Maltija f’ħolqien wieħed li jagħmel sens, wasal il-ħin li nippruvaw nifhmu aħjar il-ġjografija tal-post.  Fid-Dinja tal-Fantasija Maltija tista’ tmur bil-mixi.  Trid timxi u ġġib lil min jimxi, imma lejn liema naħa trid tiġbed?  Fuq quddiem nett tal-ħrejjef ta’ Patri Magri hemm il-ħrafa ta’ L-ewwel Nies f’Malta.  Fiha jingħad hekk: Meta kienu f’Malta jmorru bix-Xini Jimxi fl-Art? Dan huwa li jgħid il-Malti: Meta l-art kienet watja, meta kienet ta’ Sultan wieħed, meta Malta kienet mgħaqqda ma’ Għawdex, Kemmuna u Filfla u dawn kollha mal-art tal-Lbiċ, qabel l-art ma nfaqgħet.[13]  Mela jekk Malta u Għawdex xi darba kienu magħquda mal-art tal-Lbiċ, jekk bi ħsiebek timxiha l-aħjar li tiġbed lejn il-Lbiċ.  Tkun taf li wasalt meta tara l-Iljun li jkun għassa; Iljun li meta jkollu għajnejh magħluqa jkun qed jarak.  Lil dan tarah biss jekk int taħsel tkun imxejt fl-istess mogħdija li mexa fiha Dak Li Jħobb ‘l Ommu.[14] Jekk tinzerta li tkun qbadt it-triq it-tajba, li hi il-mogħdija li kien ħa Bin Is-Sultan li kien ġab is-Seba’ Tronġiet Mewwija, l-ewwel ma tara tkun l-GĦAJN TAL-MARĊA, u ftit ‘il hinn minnha tara s-SIĠRA TAD-DUBBIEN.  Lil dawn l-aħjar ikun li ssellmilhom bil-pulit u tibqa’ għaddej.  Imbagħad tara, kelb, ħmar, u tifla sewda.  Meta tkun għaddejt minn ħdejn dawn kollha u sellimtilhom, did-darba tara ŻEWĠ ILJUNI li jkunu qed jarawk jekk ikollhom għajnejhom magħluqa. Il-bieb li jkunu qed jgħassu jkun qed jinstabat bir-riħ.[15]  Dan biex tkun taf li l-Art tal-Fantasija Maltija għandha aktar minn bieb wieħed.

Tant hu minnu li l-Art Tal-Fantasija għandha aktar minn dħul wieħed, li fil-fatt tista’ tasal hemm anke bil-baħar.  Trid tarma xini bil-baħrin tiegħu,  u tintelaq u tħalli r-riħ jieħdok.  Imma r-riħ jidħak bik.  Ma tridx tieqaf fejn iwaqqfek hu għax tiġi fuqek tfajla ħelwa li tirbaħlek fil-logħob tal-ażżard u żżarmak minn kull m’għandek.  Mela għalhekk irid ikollok xini, għax xini jimxi wkoll bl-imqadef barra mill-qlugħ.  Trid  taqdef u tibqa’ dieħel ftit ieħor sakemm tara għajn ta’ ilma safi.[16]  U milli jidher anke jekk tmur bil-baħar tista’ tinżel f’postijiet differenti.  U ma ninsewx li x-Xini Jimxi fl-art jimxi wkoll fl-art.  S’issa konna qed nimxu jew inbaħħru dejjem lejn il-Lbiċ.  Jekk naqbdu frejgatina, nsalpaw ftit iktar lejn il-Punent, u nibqgħu sejrin tliet xhur, fl-aħħar nersqu lejn l-art u naraw geġwiġija ta’ nies fix-xatt.  Dawn in-nies ikollhom ġisimhom miksi kollu suf.[17]  Dak ifisser li nkunu wasalna.  Inkunu qegħdin Bufies, li jinfed ma’ Buġibda.

Ġaladarba tkun wasalt għandek tistenna li minn waqt għall-ieħor se taħbat wiċċek mal-Għasfur Jgħanni, u mal-Golfu, u mad-Dajna.  Dawn kollha trid tkun taf x’għandek tagħmel meta tiġi wiċċ’imb wiċċ magħhom jekk ma tridx li ssib ruħek f’xi basla.  Jekk timraħ biżżejjed fil-widien u fil-wesgħat, u fil-bwar u fl-għoljiet ta’ Bufies forsi tara għaddej ix-Xini Jimxi fl-Art, jew issib ruħek ħabta u sabta quddiem il-Maqdes Mibni bl-Għadam tal-Injunfanti, jew fil-Ġnien tal-Palazz tas-Sibilla u tara l-Qasab l-Aħdar, u l-Ilma Jiżfen, u l-Ġnien li Jikber u Jiċkien.  Disgħa u disgħin fil-mija f’Bufies u f’Buġibda hemm ukoll il-Ġganti, u x’aktarx li kienu huma li bnew il-Maqdes li fih l-Għoġol tad-Deheb, imma l-esperti ma jaqblux fuq dan.  Jekk taħsel tiltaqa’ mal-Ġganti wkoll trid toqgħod b’seba’ għajnejn minnhom għax jgħalluk.  U s-Serp tas-Seba’ Rjus?

La qiegħed f’Bufies li jinfed ma’ Buġibda għandek tistenna wkoll li ħin bla waqt tasal ħdejn toqba fl-art, fonda u mudlama.  Jekk il-ħofra tkun mgħottija b’ħerża ta’ bir, trid iġġib il-ħbula u jrid ikollok il-ħila li tibqa’ nieżel u nieżel ‘l isfel f’dak id-dagħbien fid-dlam.  Isfel issib għar kbir li toħroġ minnu minn mina twila, twila.  Meta toħroġ mill-mina ssib ruħek f’xagħra kbira.  Trid timxi ħafna biex issib lil xi ħadd, u x’aktarx li jkun laħaq dalam meta tasal ħdejn id-dar ċkejkna li fiha toqgħod dik it-tfaljla ħelwa li tħobb tagħti l-ġewż. Dik it-tfajla

ħelwa, is-Serp Tas-Seba’ Rjus ikun niżżilha hemm.  U mhux lilha biss – lil ħutha l-bniet ukoll. Trid dejjem iżżomm f’moħħok li d-Dinja ta’ Taħt għandha mill-inqas żewġ sulari.  Jekk tara raġel bilqiegħda taħt ħajt u miegħu ikollu żewġ nagħġiet – waħda bajda u l-oħra sewda, trid toqgħod b’seba’ għajnejn li ma tmissx man-nagħġa s-sewda, għax issib ruħek f’Dinja oħra aktar ‘l isfel.  Bin is-Sultan hekk kien ġralu wara li qatel lis-Serpentin.  Kif sab ruħu hemm isfel, it-tifel beda jibki, imma b’xorti tajba daħal ġo għar u sab ajkla bil-frieħ.  Ftiehem magħha u din taret bih u tellagħtu fid-dinja ta’ fuq.

Jekk tkun qiegħed fid-Dinja ta’ Taħt għax inżilt hemm minn ġo ħofra fonda li tkun mgħottija b’ħerża ta’ bir, ħallini ngħidlek li hemm mod ieħor kif issib ruħek fit-tieni sular t’isfel tad-Dinja ta’ Taħt: Trid issib toqba oħra fl-art, fonda u mudlama wkoll, imma did-darba ma tkunx mgħottija b’ħerża ta’ bir; tkun magħluqa b’bokkaport.  Jekk jirnexxielek issib dal-bokkaport ikun ifisser li tista’ tinżel fit-tieni sular tad-Dinja ta’ Taħt minn taraġ twil qisu tal-katakombi.  F’tarf it-taraġ hemm bieb tal-ħadid, u jekk għandek il-ħila tiftħu issib taraġ ieħor twil li minnu tista’ tkompli nieżel ‘l isfel.  Bibien tal-ħadid hemm sebgħa, u trid tiftaħhom kollha biex tasal fejn għandek tasal.  Meta tgħaddi mis-seba’ bieb, tiġi f’maħżen kbir bla bibien u bla twieqi, imma fin-nofs tas-saqaf tiegħu il-blat ikun mikxuf sa fuqnett, u l-fetħa tkun imdawra bil-ħaxix u x-xtiel.[18]  Il-biċċa hi li jekk is-seba’ bibien tal-ħadid infetħu, x’aktarx ikun ifisser li mhux int ftaħthom imma fetaħhomlok is-Serp Tas-Seba’ Rjus, u jkun ifisser ukoll li jkun hu li ħadek hemm.  F’dak il-każ oqgħod b’seba’ għajnejn għax x’aktarx tkun ġej f’inkwiet kbir.  Is-Serp tas-Seba’ Rjus għandu ħabta jibdel in-nies fi żwiemel, dwieb, bgħula, ħmir, nagħaġ, mogħoż, jew f’xi jfettillu; u Alla biss jaf kif se terġa’ tiġi sura ta’ bniedem.  Is-Serp tas-Seba’ Rjus, li jafuh ukoll bħala s-Serpentin, jew id-Dragun Draganti, jrieġi u jikkmanda l-ewwel sular tad-Dinja ta’ Taħt, jiġifieri dak li trid tinżel għalih minn ħofra li hemm f’Bufies jew f’Buġibda; imma jrieġi u jikkmanda wkoll it-tieni sular t’isfel tad-Dinja ta’ Taħt – dak tas-seba’ bibien tal-ħadid.  Mill-banda l-oħra, fid-Dinja ta’ Fuq – jiġifieri f’Bufies u f’Buġibda jikkmandaw ix-Xemx u l-Qamar, l-Irjieħ, u s-Slaten tas-Seħer.  U hemm ħafna tfajliet sbieħ li jħobbu jagħtu l-ġewż u l-qastan.

Dan kollu jfisser li m’għandna l-ebda skuża. L-ingredjenti kollha hemm qegħdin, u jekk irridu għandna mitt elf tarf.  Hemm biżżejjed dettalji biex jistgħu jinġabru lkoll flimkien fi ġrajja kkumplikata bħal ta’ Lord of the Rings.  Li jonqos hu biss li nies ta’ ħila artistika u letterarja, jorqmu, ilaħħmu, iżidu, joħolqu, jistħajlu, jimlew id-dettalji, u jpinġu l-pajsaġġi, il-veduti, ix-xeni, u s-sbuħija ta’ din id-dinja tal-fantasija Maltija.  L-istampi jridu jitpenġew bl-isbaħ ilwien u bl-iktar fantasija għammiela, ħalli quddiem għajnejna ma jkollniex biss id-dinja tal-fantasija ta’ ħaddieħor.  U hekk inkunu nistgħu ngħidu li kbirna u ħadna l-istat tagħna, u li m’għadniex ikkolonizzati f’moħħna.

Imma ħożż fl-ilma.

Id-Dajna hi bhima mill-eħrex, kbira daqs għaxar iljunfanti u rasha bħal tal-ġemel.  Meta titla’ fil-għoli u terfa’ rasha ‘l fuq, tinfed is-sħab b’rasha u minħabba f’hekk iqumu l-irwiefen u jagħmel ħafna maltemp.  Stampa tal-artist bravu Eric Leone.

(C) Ġużi Gatt

REFERENZI

[1] https://en.wikipedia.org/wiki/Brothers_Grimm

[2] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, paġni 182-209

[3] Ibid, paġni 196-209

[4] Magri, Manwel, X-Jgħeid il-Malti fuk id-Dinja ta’ Taħt u fuk ir-Rjieħ (Cotba tal “Mogħdija taż-Żmien, 44) Valletta, Stamperia tal  Malta, 1905.

[5] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994, paġni 24-27

[6] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994,  paġni 97-118

[7] Ibid, paġna 104

[8] Ibid, paġna 105-106

[9] Ibid, paġni 288-289

[10] Ibid, paġna 22-23

[11] Ibid, paġna 129

[12] Ibid, paġna 33

[13] Ibid, paġna 3

[14] Ibid, ara l-ħrafa ta’ Dak li jħobb ‘l Ommu, jew is-Sansun Malti, paġni 36-47

[15] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994,  paġni 70-86

[16] Ibid, paġna 216

[17] Ibid, paġna 7

[18] Mifsud-Chircop, George, Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Malta 1994,  paġna 59