Ġamri kien minsub fuq il-ħajt tal-għalqa jlaqqax maqbad ta’ moħriet. Kemm kemm jitħarrek għadda minn taħtu Sidor ta’ Żebbeġ biż-żiemel tiegħu, ċeklem, ċeklem, miexi warajh, rasu ‘l isfel, għajnejh ġamra u rkobbtejh jirtogħdu.
“Saħħa Ġam, għandi ż-żiemel magħdur sewwa.”
“Qed nara. Iż-żiemel ta’ Doru kien immantar bħalu, il-ġimgħa l-oħra.”
“Iva Ġam? x’għamillu?”
“Bellagħlu qasba kbira żejt imħallat bil-pitrolju.”
“Għid is-sew? Xi ħaġa rrid nagħmillu… Saħħa Ġam.”
“Saħħa Sidor.”
L-għada Ġamri lemaħ lil Sidor tiela’ ħosbien mill-isqaq bil-kappestru tal-ħabel fuq driegħu.
Wasal ħdejh u wrieh il-kappestru. “Miet iż-żiemel,” qallu, “tajtu ż-żejt u l-pitrolju kif wasalt u mal-lejl ibbies. Ma swietx id-duwa ta’ Doru.”
“Tarax,”qal Ġamri, “hekk ġralu lil Doru, iż-żiemel miet wara siegħa li tah iż-żejt.”
“jien, mingħalija, iż-żiemel ta’ Doru fieq.”
“Le, miet.”
“U lanqas għidtli l-bieraħ?”
“Int staqsejtni?”
“Le, saħħa Ġam.”
“Saħħa Sidor.”
Ftit titlef kliem il-bdiewa.
Dr. Temi Zammit
Ġabra ta’ kitba
1937