Fl-1978, eżatt fl-ewwel ħarġa ta’ L-Imnara, il-pittur Rafel Bonnici Cali kiteb artiklu fuq kif hu kien spiċċa mdaħħal f’biċċa folklor marbuta mal-ewwel karozzi tal-linja fost dawk li kienu maħdumin Malta.
Kitba ta’ Ġużi Gatt. Dan l-artiklu kien deher oriġinarjament fl-Imnara, Vol 8 (2006) Nru. 30
Skond Cali fl-artiklu tiegħu: Folklor fuq il-Karrozzi tan-Nar (1), meta ntemmet l-ewwel Gwerra Dinjija fl-1918, is-servizzi Ingliżi bdew ibiegħu b’irħis xi wħud mill-karozzi l-kbar li kellhom (l-aktar l-ambulanzi) u li issa li spiċċat il-gwerra kienu jqisu li m’għadx għandhom bżonnhom. Xi Maltin moħħhom jilħqilhom u li jaraw fit-tul xtraw minn dawn l-ambulanzi, żidulhom xi żewġ bankijiet fuq ġewwa u gallarija fuq wara, u ġabu l-permess biex jgħabbu l-passiġġieri (2). In-nies tal-irħula ntebħu li b’karozza bħal din kont tasal il-Belt iktar malajr milli bit-tramm jew bil-vapur ta’ l-art, u l-biċċa ntogħġbot.
F’Ħal Tarxien, fejn trabba u kien joqgħod Rafel Bonnici Cali, kien hemm wieħed jismu Ċelest, li xtara ambulanza qadima, żebagħha kaħla ċar, biex taqbel ma’ ismu, u kitbilha “Ta’ Ċelest”, b’ittri kbar mal-ġnub. Dak iż-żmien, is-sidien ta’ dawn il-karozzi mhux biss setgħu jaħdmu għal fejn iridu u jaħdmu meta jridu, imma setgħu jiżbgħu il-karozzi tagħhom kif ifettlilhom huma. Xi ħadd mill-Furjana jiżbogħ il-karozza ħadra; ieħor minn Tas-Sliema jiżbogħha kaħla; u nibqgħu sejrin hekk. Wieħed raġel mill-Belt żebagħ il-karozza ħamra – il-kulur tal-martri – għax kien partitarju tal-festa ta’ San Pawl. Imma ma kienx kuntent b’daqshekk biss. Qabbad lil Rafel Bonnici Cali biex ipinġilu x-xbiha ta’ San Pawl fuq il-ġnub tal-karozza. Fi kliem Rafel Bonnici Cali nnifsu: “Ix-xogħol intogħġob u għalhekk sidien oħra qabbduni npinġilhom qaddisin u xbihat oħra fuq il-karrozzi tagħhom…Sid minn Ħal Qormi ried lil San Ġorg fuq iż-żiemel, ieħor minn Ħaż-Żebbuġ ried lil San Filep, ieħor mill-Ħamrun ried lil San Gejtanu …u wieħed minn Għawdex ried lil San Pietru Pawl, il-patrun tal-parroċċa tan-Nadur” (3) Minbarra x-xbihat tal-qaddisin, Gran Mastri u persunaġġi oħra mill-istorja ta’ Malta, it-tiżjin tal-karozzi kien jinkludi wkoll girlandi ta’ fjuri pinġuti mal-ġnub u l-warrani tal-gallarija. Għall-ħabta ta’ l-1927, il-gvern deherlu li kellu jibda jikkontrolla t-trasport pubbliku daqsxejn aħjar. Mhux biss ħoloq ir-rotot mill-irħula għall-Belt (għalkemm ħafna drabi dawn kienu għadhom bla ħinijiet fissi) imma npona wkoll kulur partikolari għal kull rotta, u qatagħha li ma riedx aktar girlandi, ismijiet, u xbiehat mal-ġnub tal-karozzi fuq barra. Hekk intemm ħesrem is-sehem ta’ Bonnici Cali u pitturi oħra bħalu fit-tiżjin tal-karozzi tan-nar (4).
Imma mqar bl-ilwien imposti mill-Gvern, xorta kien hemm il-wisa’ fejn is-sid seta’ juri l-individwalità tiegħu. Dak it-tiżjin li bil-Malti jissejjaħ TBERFIL, magħmul minn linji rqaq, tikek, weraq, eċċ., jekk ikun magħmul bil-għaqal ma kienx jagħti fil-għajn ħafna u seta’, u baqa’, jsir.
Dari, it-tberfil kien aktar magħruf fuq il-karettuni. Aktar tard bdew jitberflu wkoll il-karozzini. Il-karozzin daħal f’Malta għall-ħabta ta’ nofs is-seklu dsatax; imma l-karettun imur ferm aktar lura fl-istorja. It-tberfil tal-karozzi tal-linja jinħass li ġej mit-tberfil tal-karettuni, li llum għebu mit-toroq tagħna imma li dari kienu magħrufa ma’ kullimkien. Ikun tajjeb li nniżlu ftit dak li hu magħruf fuq it-tberfil tal-karettuni.
Għad hawn ħafna li għadhom jiftakru li l-karettuni “tax-xogħol” jew “tal-ħoloq”, jiġifieri dawk li kienu jintużaw mill-bdiewa fil-ġarr u l-bejgħ ta’ kull xorta ta’ għelejjel, kienu jinżebgħu orinġ. Anke dawk il-karettuni l-kbar imsejħa “tal-ġebel” li kienu jintużaw għall-ġarr tal-knaten u x-xorok mill-barrieri kienu jkunu, fil-biċċa l-kbira, orinġ. Dan għaliex dawn il-karettuni kienu jinżebgħu bil-MINJU. (red lead). Il-minju kien jinbiegħ bl-użin għax kien jiġi magħqud u tqil, qisu stokk, imbagħad kien jitħallat maż-ŻEJT TAL-KITTIEN (linseed oil) biex jiġi artab biżżejjed li tkun tista’ tapplikah bil-pinzell. (Aktar tard waslu wkoll laned bil-minju mħallat u lest, imma fil-bidu kont trid tħalltu int.) Dari l-injam kien jinżebagħ jew bil-BJANKETT (white lead), jew bil-minju (red lead) bħala undercoat, imbagħad fuqu kien jingħata l-kulur. Imma l-karrettuni tal-ġebel u tax-xogħol kienu jingħataw xi tliet passati minju u jibqgħu hekk – orinġ.
Mela karettun miżbugħ orinġ kien jittieħed għand il-BERFIEL biex dan iżejnu b’dik iż-żina li aħna nafuha bħala TBERFIL. It-tberfil isir biż-żebgħa. Mill-gwerra ‘l hawn sar possibli li wieħed imur f’ħanut taż-żebgħa u jixtri kull skala u kull lewn ta’ żebgħa mħallta u lesta kemm tiftaħ il-bott u tbill il-pinzell fiha. Imma ma kienx minn dejjem hekk. Dari, iż-żebgħa kont trid tħallatha int, jew tqabbad lil taż-żebgħa jħallathilek. U kont trid tinqeda bit-TRAB TAL-KULUR li kien jinxtara bl-użin.
Dat-trab kien jiġi fl-ixkejjer, u tal-ħanut kien ikollu xi sitt kuluri differenti: l-isfar, l-ikħal, l-aħdar, l-aħmar, l-iswed u l-kannella. Kemm jekk tħallatha int, u kemm jekk iħallathielek tal-ħanut, iż-żebgħa kienet titħallat hekk: L-ewwelnett ried ikollok irħama lixxa u ċatta. Titfa’ ftit trab tal-kulur fuq l-irħama, iżżid iż-żejt tal-kittien ġo ħofra li tagħmel fit-trab, tagħġen kollox b’sikkina taż-żebgħa, mbagħad taqbad il-MAĊINELL minn-naħa ta’ fuq, u tagħfas il-qiegħ tond tiegħu fuq it-taħlita taż-żebgħa. Bil-maċinell togħrok, tisħaq, iżżelleġ, u tagħfas fuq it-taħlita biex tkisser iż-żrar u ċ-ċapep tat-trab ħalli t-taħlita tiġI ħaġa waħda u t-trab tal-kulur jinħall kollu fiż-żejt. Biex iż-żebgħa tissaħħaħ aktar, iżżid ftit bjankett (għax it-trab tal-kulur imħallat biż-żejt tal-kittien biss ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jiksi u jgħatti sewwa), titfa’ ftit AKKWADIRRAŻA (acqua di rasa – speċi ta’ terpentina biex it-taħlita tirqaq u l-pinzell jiġri iktar), u ftit VERNIĊ (varnish) biex wara li tiżbogħ, iż-żebgħa tinxef aktar malajr.
Il-maċinell kien ikun magħmul mill-irħam ukoll, u kien hawn ikbar, iżgħar, u daqs dak li jidher fid-disinn. Fit-tberfil tal-karettuni l-aktar li kienu jintużaw kienu l-isfar u l-ikħal
It-tberfil tal-karettuni kellu r-regoli tiegħu. Kien jitberfel biss in-naħa ta’ barra taż-żewġ roti, in-naħa ta’ barra taż-żewġ lasti, u t-trufijiet tad-dliegħi u tas-salib. Meta mort inkellem lil Ġanni u Leli Caruana “tal-Buġann” minn Ħal Għaxaq, li missierhom kien magħruf għall-bini tal-karettuni u li n-nies għadhom sallum jeħdulhom xi rota biex isewwuhielhom, Ġanni kien qalli hekk:
Darba ġie wieħed u riedni nberfillu r-roti miż–żewġ naħiet – fuq barra u fuq ġewwa. Għidtlu: Int ta’ x’hiex int dilettant, tal-karettun jew tal-karnival? Għax jekk inberfilulek kif qed tgħid int, għall-karnival biss ikun tajjeb!
Minn barra ż-żebgħa, biex tberfel trid ukoll pinzell irqiq bix-xagħar daqsxejn twil. I-berfiela li tkellimt magħhom kollha qablu li l-aħjar ikun pinzell tax-xagħar tal-ġemel (camel’s hair). Imma dari, bejn għax pinzell tajjeb mhux dejjem kont issibu, u bejn għall-ekonomija, mhux l-ewwel darba li l-berfiela għamlu l-pniezel tagħhom huma stess. Min iberfel il-karettuni kien jiltaqa’ ma’ ħafna żwiemel, u kienet ħaġa ħafifa li taqta’ ftit xagħar twil minn denb iż-żiemel jew mill-frenża ta’ fuq għonqu. Imma Michael Saliba “Tal-Milied”, li joqgħod lejn Taċ-Ċawla, r-Rabat t’Għawdex, u li fi żmienu kien iberfel il-karozzi tal-linja, qalli li l-aħjar xagħar mhux ta’ denb iż-żiemel, imma dak li ż-żiemel ikollu minn taħt sidru sa taħt żaqqu. Veru li mhux iż-żwiemel kollha jagħmluha, imma fil-biċċa l-kbira, fix-xhur tax-xitwa, iż-żwiemel JILBSU – jiġifieri jtellgħu aktar xagħar u suf ma’ gisimhom kollu. Is-sidien IĠIŻŻUHOM jew IQARWŻUHOM – jiġifieri jneħħulhom ix-xagħar żejjed li jkollhom. Taħt żaqq iż-żiemel jinbtu xi erba’ xagħriet twal li jkunu rotob, u dari kienu jfittxuhom għal xi pinzell tad-dberfil. Hawnhekk ta’ min wieħed jgħid li ma’ għarqub iż-żiemel jikbru wkoll xi xagħriet twal, u bil-Malti dawn jissejħu l-PINZELL. Imma dawn ma kinux jinqatgħu; għax dak ix-xagħar qiegħed apposta biex meta ż-żiemel jogħroq, l-għaraq iġelben ma’ saqajh u, permezz ta’ dawn ix-xagħriet twal, l-għaraq joqtor għal ma’ l-art. Jekk dan ix-xagħar jitneħħa, l-għaraq jibqa’ nieżel għal ġo difer iż-żiemel u biż-żmien id-difer jitherra, bi ħsara kbira għall-bhima.
Michael Saliba qalli wkoll li hemm xagħar ieħor, aħjar minn dak taż-żiemel, li dari kien jintuża biex jagħmlu xi pinzell irqiq. Il-mogħża, bejn biżlejha u sieqa ta’ wara għandha xi ftit xagħar twil (li jiġi bħal dak li l-bniedem għandu taħt abtu). Dan ix-xagħar kien jintuża għall-pniezel, għalkemm ma kenitx ħaġa ħafifa biex tikkonvinċi lill-mogħża biex tħallik taqtagħulha!
L-istess Michael Saliba qalli li meta kienu jiġu veru daharhom mal-ħajt, xi berfiela ġieli wżaw mqar is-sifa taż-żbul biex jagħmlu pinzell twil u irqiq. Dan kien jintuża darba, mbagħad jintrema.
Il-pinzell irid ikollu wkoll manku minfejn taqbdu. Paul Saliba “tal-Busa” minn San Ġiljan qalli li jekk taqbad rixa u tifliha sewwa, tinduna li fil-ponta tagħha, dik il-ponta li dari kienet tintuża bħala pinna, ikun hemm toqba rqiqa ħafna. Qalli li missieru ġieli ħa l-ikbar rixa li seta’ jsib fil-ġewnaħ ta’ tiġieġa, u daħħal ix-xagħar f’dik it-toqba rqiqa biex seta’ juża r-rixa fit-tberfil tal-karozzini.
Fil-paġni li jmiss qed nuru kif kienu jitberflu l-karrettuni. Dawn id-disinji huma ta’ Feliċ Gauci minn Ħal Tarxien, li missieru kien magħruf bħala Nenu tal-Karettuni u kien armat bir-remissa fi Triq Lanzon f’Ħal Tarxien stess.
Id-disinji juru t-tberfil tal-karettuni li jkunu miżbugħin orinġ. Dawn kienu jkunu l-karettuni l-kbar, tax-xogħol, jew “tal-ħoloq”. Karettuni iżgħar, magħrufa bħala “taċ-ċinga”, kienu jinżebgħu fil-biċċa l-kbira ħodor, u fit-tberfil, minflok iċ-ċelest jew il-blu ċar kien ikollhom l-isfar.
Il-karettuni “taċ-ċinga” kienu jkunu għal xogħol ta’ inqas strapazz, ngħidu aħna xi bejjiegħ tal-ħaxix jew tal-pitrolju.
Biex ma nħalluhomx barra nistgħu nsemmu wkoll il-karettuni “tal-molol”. Dawn kienu jissejħu wkoll “tan-namra” jew “tal-familja” għax kienu jkunu maħsuba biex jintużaw minn min ried joħroġ lill-familja għal xi dawra, jew minn dawk li kienu jieħdu pjeċir jirkbu u jsuqu għal għonq it-triq. Minn dawn kien hawn li kellhom xi saqqu żgħir li jitqiegħed fuq ix-xatba għall-kumdita’ tar-rikkieb.
IT-TBERFIL FUQ IL-KAROZZINI
Il-karozzini huma magħmula mill-injam tal-fagu. Dari kienu jinżebgħu minn lewn iż-żebbuġa, u t-tberfil tagħhom (skond Paul Saliba Tal-Busa) kien ikun skond id-disinn li qed jidher hawn taħt. Is-sinjal tan-nofs hu iswed, u ż-żewġ sinjali l-oħra li hemm fuq kull ġenb tiegħu huma ħomor skuri. Skond is-Sur Saliba, dan l-aħmar kien jiġi billi l-ewwel jinżebagħ sinjal bil-minju (li jkun orinġ), imbagħad fuqu tgħaddi ieħor b’aħmar li jissejjaħ karminju (carmine). Fuq dan il-kulur ara t-taqsima fuq in-nogħra.
IT-TBERFIL FUQ TAL-LINJA
Peress li s-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta beda b’karozzi ta’ sidien privati, kulħadd armat għal rasu u jaħdem għal fejn irid, is-sidien fittxew li jagħtu dik il-laqta individwali lill-vetturi tagħhom, jekk xejn, biex is-servizz tagħhom jintagħraf minn dak ta’ ħadd ieħor. Kif għidna, fil-bidu kien jitqabbad xi artist bħal Bonnici Cali, jew jekk il-karozza jkollha biss xi kitba li tirriklama xi ditta jew xi prodott kien jitqabbad xi sign-writer. Dari, kemm it-Tarzna kif ukoll mas-servizzi Ingliżi, kien ikun hemm ħafna minn dawn is-sign writers jew “żebbigħa” li xogħlhom, barra t-taħlit taż – żebgħa, kien li jiżbgħu l-kliem u t-tabelli kemm abbord u kemm fl-uffiċini u l-ħwienet tax-xogħol. It-tabelli tal-ħwienet, qabel ma daħlu l-mezzi moderni, kienu wkoll, ħafna drabi, miżbugħa minn żebbigħa li jaħdmu mas-servizzi jew it-Tarzna. Imma meta tiżjin bħal dan ma baqax iktar permess fuq il-karozzi tal-linja, l-artist inqala’ ‘l barra, u s-sign writer baqa’ jagħmel biss dak il-kliem li juri fuq liema linja kienet taħdem il-karozza: Valletta – Zejtun, Valletta – Zabbar, eċċ. Imma s-sidien xtaqu xi ħaġa iktar, u sabu mezz biex, inkiss inkiss, daħal tip ta’ tberfil jixbaħ lil dak tal-karettuni u l-karozzini.
Sadattant pero, dawk li kienu jberflu kienu tgħallmu jiktbu. Peress li xi ismijiet, l-aktar ta’ qaddisin, xorta baqgħu jinkitbu (fiċ-ċokon) fuq tal-linja u fuq it-trakkijiet privati, nibet stil ta’ kitba li jintgħaraf u li jista’ jissejjaħ “l-alfabett tat-tberfil”. Fil-paġna li jmiss qed nirriproduċu dan it-tip ta’ font. Dawn l-ittri kitibhomlna Joe “il-Pittur” Farrugia li joqgħod Ta’ Giorni. L-awtur għandu wkoll kampjuni ta’ dan l-alfabett bl-ittri miżjuda b’dawk li jissejħu “dellijiet”. Wieħed mill-kampjuni li għandha l-Imnara hu xogħol ta’ Joe Farrugia “il-Pittur”, u l-ieħor hu ta’ Michael Saliba “Tal-Milied”.
IN-NOGĦRA
Fl-ewwel kwart tas-seklu sittax, il-kapitlu tal-katidral ta’ l-Imdina indaħal għax-xogħol ta’ tiġdid, tisbiħ, u tibdil fil-katidral ta’ dak iż-żmien. Inbidel is-saqaf, saret faċċata ġdida, tqiegħed bieb ta’ barra ġdid, u ġew irranġati n-navi u l-kampnar il-waħdieni li kellu l-katidral dak iż-żmien. Ix-xogħol beda fl-1518 u baqa’ jkaxkar sa l-1539 u aktar. Rendikont tax-xogħol u l-ipejjeż li saru għadu jeżisti fl-arkivji, u t-tagħrif ġie ppubblikat fi ktieb interessanti bl-isem ta’ The ‘Mandati’ Documents at the Archives of the Mdina Cathedral, Malta 1437-1539 ta’ Stanley Fiorini (1992). Fil-glossarju li hemm f’dal-ktieb (paġna lvii) jissemmew dawn il-kelmiet marbuta maż-żebgħa u l-kuluri (it-tifsir li hemm wara kull kelma ma jinstabx fil-ktieb imma hu tiegħi):
Trimintina: It-terpentina; li dari kienet issir bil-lampik ta’ raża meħuda mis-siġar taż-żnuber, kellha anke użi mediċi. Dari ġieli ntużat bħala dlik kontra l-qamel fir-ras. Imma t-terpentina kienet tintuża l-aktar bħala thinner biex traqqaq iż-żebgħa u tħaffef il-mixi tal-pinzell.
Blankectu: Il-bjankett; żebgħa bajda magħrufa mill-inqas minn żmien l-Eġittu tal-qedem. Bl-Ingliż tissejjaħ white lead. Jgħidu li fil-qedem kienu jagħmluha billi jitfgħu l-ħall ġo vażetti żgħar taċ-ċomb u jordmu l-vażetti ġo munzell demel tal-bhejjem. Id-demel jeħmer u jisħon, u l-vażetti taċ-ċomb kienu jitherrew u jsiru trab abjad li jkun tajjeb għaż-żebgħa. Għalkemm aktar tard sabu mezzi aħjar ta’ kif jaħdmuh, il-bjankett baqa’ jintuża kważi sa żmienna; sakemm wara l-gwerra ma’ baqax jintuża fiż-żebgħa kummerċjail peress li ċ-ċomb hu perikoluż għall-bniedem.
Carmasinu: Il-Kermes. Dan it-trab ta’ kulur aħmar jiġi minn insett imsejjaħ Coccus ilicis li jgħix fuq ċerti siġart al-ballut. L-iġsma niexfa tan-nisa ta’ dan l-insett jinsaqħu biex jipproduċu trab aħmar skur. Fl-1842, G.F. Angas, fil-ktieb tiegħu A ramble in Malta ans Sicily, kiteb li fil-Ħdud u fil-btajjel, il-Maltin kienu jilbsu barnuża ħamra li kienu jiżbgħuha “with the Kermes of Barbary”. Il-Kermes jissemma fid-dizzjunarju ta’ De Soldanis Damma tal Kliem Kartaginis mscerred fel fom tal Maltin u Ghaucin tal-1759.
Zafarana: X’aktarx trab isfar meħud mix-xitla taż-żagħfran, magħruf l-aktar għat-taħwir tal-ikel imma li kien jintuża wkoll bħala żebgħa tad-drapp.
Dan kollu juri li kliem bħal “Bjankett” u “terpentina” kienu ilhom f’ħalq il-Maltin mill-inqas minn żminijiet medjevali, Ii bdew jinqatgħu biss minn ftit wara l-gwerra ‘l hawn. Fost kliem ieħor marbut maż-żebgħa u li fi żmienna qed jinqata’ nsibu l-kelma NOGĦRA. Din hi kelma qadima semitika li kienet għadha komuni sa ftit ilu. Ħasra li qed tmut.
In-nogħra hi trab aħmar skur. Kif qal tajjeb De Soldanis, in-nogħra kienet tintuża mill-mastrudaxxi u l-iskrapan, imma dari kienet komuni wkoll fit-tibjid; imħallta mal-ġir u l-ilma kienet tagħti lewn ħamrani skur. It-Torri l-Aħmar, ngħidu aħna, kien ikun imbajjad bin-nogħra.
Il-mastrudaxxi kienu jużawha biex oġġett magħmul mill-injam tal-abjad (ngħidu aħna xi antiporta, jew anke xi tebut) iġibuh qisu tal-kawba. Kienu jħollu fuq in-nar ftit kola “tal-ħoloq” magħrufa bħala “tal-mastrudaxxa”. Ma’ din kienu jżidu ftit trab tal-kulur kannella msejjaħ “terratombra”, u ftit trab aħmar imsejjaħ “nogħra”. Wara li jiżbgħu l-injam b’din it-taħlita kienu jagħtu l-“gomma lakka” biex l-injam jiġI jleqq. Il-gomma lakka (jew “alakka”) llum nafuha bħala Shellac. L-iskrapan kienu jagħmlu xi ħaġa simili u ċerti żraben ileqqu ħafna baqgħu magħrufa bħala “tal-alakka”.
Hawnhekk nixtieq ngħid li n-NOGĦRA u l-MINJU, għalkemm it-tnejn huma trab ta’ lewn aħmar, m’humiex l-istess ħaġa (għalkemm hawn min jaħseb hekk). In-Nogħra hi red earth, red oxide, natural ochre, (Fe2O3), trab aħmar li jinstab fl-istat naturali fil-blat; filwaqt li l-Minju hu red lead, minium, rosso di piombo, minio, (Pb304), li, bħall-bjankett, jiġi miċ-ċomb.
ĦAJR
Felix Gauci, Tal-Karettuni, minn Ħal Tarxien
Ġanni u Leli Caruana, Tal-Buġann, minn Ħal Għaxaq
Karmenu Rotin, Tal-Karettuni, mill-Munxar, Għawdex
Joe Farrugia, il-Pittur, minn Ta’ Giorni
Mikiel Saliba, Tal-Milied, mir-Rabat t’Għawdex
Paul Saliba, Tal-Busa, minn San Ġiljan
Joe Zerafa, il-Prins, minn Ħal Qormi
Karmnu Vella, Il-BuwġI, mix-Xagħra, Għawdex
Edwin Ciappara, TaĦ-Żebgħa, mir-Rabat tal-Imdina
Karmenu Azzopardi, il-Pittur, mir-Rabat tal-Imdina
RIFERENZI
- L-Imnara Nru. 1, Ġunju 1978
- L-istorja tat-trasport pubbliku bil-karozzi tan-nar hawn Malta bdiet għall-ħabta ta’ l-1905 meta twaqqfet il-kumpannija The Malta Motor Imnibus and Transport Syndicate Ltd. Fuq dan is-suġġett ara l-ktieb L-Istorja tat-Trasport f’Malta, Guido Lanfranco, PIN, 1999
- L-Imnara Nru. 1, Ġunju 1978
- Għal ħafna snin baqgħet tifkira ta’ dan it-tip ta’ tiżjin, imma minflok fuq barra, fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-karrozza tal-linja – madwar il-gabina tax-xufier – fejn is-sid dejjem kien isib post fejn iqiegħed xi statwetta, anke b’xi bozza żgħira tixgħel quddiemha, xi vażun b’xi bukkett żgħir tal-fjuri tal-plastik, ritratti tat-tiġrijiet taż-żwiemel, santi ma’ kullimkien, posters ta’ l-artisti, u l-bqija. F’Ottubru ta’ l-1985 il-puluzija tat ordni li santi, stikers, statwetti, ritratti, riklami, u twaħħil ieħor kellu jitneħħa minn fuq il-karrozzi tal-linja. Fuq din l-ordni kienu saru protesti anke fil-parlament.
MIKLEM
Qed inniżżlu xi ftit kliem li l-Maltin jistgħu jiltaqgħu miegħu meta jaqraw bl-Ingliż u li forsi jkollhom diffikulta biex isibu l-ekwivalenti tiegħu bil-Malti. Il-kliem mhux qiegħed fl-ordni alfabetiku, imma qiegħed miġmugħ skond is-suġġett:
Ismijiet taż-żebgħa u trab tal-kulur
Lead White, Bianco di piomb, Bianchetto | Bjankett |
Cinnabar, Cinabro di Miniera | Ċinabru |
Red Lead, Minium | Minju |
Red Oxide, Terra Rossa | Nogħra |
Carmine, Kermes | Karminju, Kermes |
Burnt Umber, Terra d’Ombra bruciata | Terratombra |
Raw Sienna, Terra si Siena | Terra di Siena |
Raw Earth Umber, Terra gialla | Terraġerna |
Turpentine, Acqua di rasa | Terpentina |
Verdigis | Virdirram |
Linseed Oil | Żejt tal-Kittien |
Varnish | Verniċ |
(C) Ġużi Gatt
Proset. Veru dettaljat. Missieri mastrudaxxa li twieled fil-1914 u miet fim-1999 ghadda minn dan kollu. Iz-zebgha niftakkru jghamilha hu ezzat kif spjegajt int. Bil-macinell, ic-cangatura, is-sikkina taz-zebgha etc