Dan il-kapitlu deher oriġinarjament bħala parti mill-ktieb “Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni” ta’ Ġużi Gatt.
DJAR U GĦOROF
Fejn hemm ir-raba’, il-bniedem jibni l-bini biex joqgħod fih – għall-ewwel irziezet weħidhom, li mbagħad isiru rħula sħaħ. Id-djar antiki kienu jinbnew b’ħitan wisgħin (xi tlieta jew erba’ piedi) li jissejħu MRAMMI (pl. imramma). Il-ġebel kien ikun XULLIEL, jiġifieri minġur minn wiċċ wieħed u aħrax min-naħa l-oħra. Il-wiċċ it-tajjeb, naturalment, kien jitqiegħed fuq barra, u fil-wisa’ tagħha l-imramma kienet timtela bil-MAZKAN u l-ħamrija. Meta jaslu f’għoli ta’ sular kien ikollhom isaqqfu bix-XOROK. Peress li l-ġebla Maltija hi ratba, l-itwal xriek li kont tista’ taqta’ fil-barriera kien ikun ta’ QASBA – seba’ piedi bejn wieħed u ieħor. Itwal minn hekk, ix-xriek kien jidgħief wisq u kien jista’ jinqasam. Mela xriek twil qasba kien jagħlaq il-wisa’ bejn imramma u oħra, u allura l-ebda kamra ma setgħet tkun usa’ minn qasba…..sakemm ma tħaddimx daqsxejn rasek.
Il-Maltin ħaddmu rashom u vvintaw il-KILEB (pl. klejjeb) – ġebla kbira li titqiegħed fuq nett ta’ l-imramma, nofsha sserraħ fuq il-ħajt u n-nofs l-ieħor jixref ‘il barra. Ix-xorok, għalhekk, setgħu jitqiegħdu fuq tarf il-kileb, u l-kamra kienet tirbaħ dawk il-ftit pulzieri oħra. Jew inkella, stajt tibni bil-ħnejjiet u tagħlaq bix-xorok tal-qasba bejn ħnejja u oħra; iktar ma ttawwal iktar tagħmel ħnejjiet.
Id-dar tipika Maltija jkun fiha dan li ġej: Minn bieb kbir mibni bi ħnejja rieqda tidħol għal ġor-REMISSA. Ir-remissa jrid ikollha bieb wiesa’, għax dari kien jitqiegħed fiha l-karettun. Mir-remissa toħroġ għal ġol-BITĦA (pl. btieħi). Qabel ma daħlet il-kelma “remissa”, il-Maltin kienu jgħidu SQIFA. Fil-bitħa jkun hemm taraġ fuq barra li jagħti għal fuq is-SETAĦ (pl. stieħi). Is-setaħ hu bejt żgħir li minnu tgħaddi għal-GĦORFA (pl. għorof). Kamra ma tistax tissejjaħ “għorfa” jekk ma tkunx fis-sular ta’ fuq. L-għorof kollha ta’ Malta u Għawdex trid titla’ għalihom bit-taraġ, inkella ma jkunux għorof. Mal-ħajt ta’ l-għorfa fuq barra, ikun hemm, imdaħħlin ġol-ħajt forma ta’ taraġ, xi xorok biex minnhom titla’ għal fuq il-bejt ta’ l-għorfa. Din tissejjaħ il-MUTALGĦA. Kamra isfel tissejjaħ DWEJRA (pl. dwejriet). Dwejra hi diminuttiv ta’ “dar”. Fid-djar ta’ dari, inkluż dik fejn kont noqgħod jien fi tfuliti, kien ikun hemm kamra li tissejjaħ “id-dar”. Din kienet tkun l-isbaħ waħda, b’xi sodda tar-ram u l-ħadid, u mejda bi friskatur, buqar, u xugaman f’każ li jkollu jidħol xi tabib biex jara xi marid. Ikun hemm ukoll salib jew kurċifiss u xi senduq jew l-aħjar bicca għamara li dak li jkun ikollu fid-dar. Fil-ħitan ta’ l-għorof u d-dwejriet kont issib xi WITET jew tnejn (pl. utiet) – kunjardi imdaħħlin fil-ħajt, nofshom ġewwa u nofshom barra, biex magħhom iddendel xi barżakka jew xi xedd tal-bhejjem jew li trid.
BHEJJEM U TJUR
Il-bhejjem kienu jitqiegħdu fil-MAQJEL (pl. mqajel) li ġo fih ikollu l-MAXTURA (pl. mxatar) li jkun fiha l-MAGĦLEF. Jekk xi biċċa mill-bitħa tingħalaq biex fiha jiġru xi tiġieġ jew fniek, jew xi gidi jew ħaruf – dik tissejjaħ MANDRA (ara l-“Kurżitajiet”, aktar ‘l isfel). Xi ċint jew ħajt fil-għoli kien jinbena bi knaten imħaffra minn ġewwa u b’toqba minn barra biex fihom jidħol ibejjet il-ħamiem. Dan jissejjaħ il-GOR u mhux “barumbara” li tkun bini sħiħ, mibni apposta għat-trobbija tal-ħamiem. Għalkemm għidt: “mibni apposta”, dan mhux bilfors – għax hawn anke torrijiet qodma li sabu ruħhom mibdula f’barumbari.
NEMMIESA U MRABAT
Id-dar Maltija kienet tagħti daharha lit-triq biex tostor il-familja ġewwa. Minbarra l-bieb ta’ barra, ikun hemm xi tieqa waħda li tagħti għal fuq it-triq (bla ma ninsa t-TOQBA TAL-QATTUSA). Dit-tieqa tkun fl-għorfa u minnha tħares għal fuq il-bieb. Imma nagħtu każ iħabbatlek xi ħadd u tkun tixtieq tara minn ġie qabel ma tiftaħ? F’dak il-każ, fil-ħoġor tat-tieqa ta’ l-għorfa ikun hemm toqba, u bi dritt it-toqba, kanal żgħir imħaffer fil-faċċata eżatt fuq il-bieb.
Minnu, bit-tieqa magħluqa, tkun tista’ tara min ġie, u jekk ma jogħġbokx, ma tiftaħx. Din jgħidulha NEMMIESA jew KIXXIFEJRA. (Fuq das-suġġett, inkluż fuq “il-gor”, ara l-ktieb ta’ Anton F. Attard Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi.)
It-tieqa ta’ l-għorfa, fuq barra, ikollha żewġ knaten li jisporġu ‘l barra qishom is-saljaturi ta’ xi gallarija. Dawn jissejħu ĦARRIĠIET (sing. ħarrieġa). Fuqhom kien jimtedd xi xriek (xorok) tal-ġebel jew xkaffa ta’ l-injam. Fuq l-ixkaffa kienu jitqiegħdu l-ġbejniet biex jinxfu; u allura xi kultant isibuha bħala t-TIEQA TAL-ĠBEJNIET.
LEFT-HAND DRIVE
Isfel, ħdejn il-bieb ta’ barra, imma dejjem fuq in-naħa tax-xellug tiegħu, ikun hemm żewġ tarġiet fuq xulxin. Jgħidulhom it-TARAĠ TAL-MIRKEB. Fuq ix-xellug tat-taraġ tal-mirkeb ikun hemm ħarrieġa oħra, did-darba mgħawra u minfuda min-naħa għall-oħra u li tissejjaħ il-MARBAT (pl. imrabat). Hemm raguni tajba għaliex dawn it-tnejn qegħdin fuq ix-xellug tal-bieb. Il-Malti, dari, kien joħroġ iż-żiemel jew d-debba mir-remissa, idawwarlu wiċċu lejn ix-xellug tal-bieb u jorbtu mal-marbat. Imbagħad joħroġ il-karettun, idawru wkoll lejn ix-xellug, u jorbtu ma’ dahar il-bhima. Jitla’ fuq it-taraġ tal-mirkeb u jirkeb fuq ix-xellug tal-karettun. Dan għaliex it-traffiku sa ma ġew l-Ingliżi f’Malta kien left hand drive. Hekk, il-bidwi kien isuq lejn il-lemin tat-triq; jiġifieri bir-rota n-naħa t’idu l-leminija n-naħa tal-ħajt u hu jkun fuq in-naħa l-oħra jħares lejn in-nofs l-ieħor tat-triq minn fejn jiġi t-traffiku ta’ faċċata tiegħu.
Billi t-toroq kienu dojoq, ħafna djar kien ikollhom GĦAZZA (pl. għazziet) – ġebla soda mqiegħda mal-ħajt tad-dar biex ma jgħaddix xi karettun, iħakkek mal-faċċata u jobroxha.
MIKLEM
Qed inniżżlu xi ftit kliem li l-Maltin jistgħu jiltaqgħu miegħu meta jaqraw bl-Ingliż u li forsi jkollhom diffikulta biex isibu l-ekwivalenti tiegħu bil-Malti. Il-kliem mhux qiegħed fl-ordni alfabetiku, imma qiegħed miġmugħ skond is-suġġett:
ID-DAR RURALI
Alcove | Alkova |
Beam/Tie-Beam | Travu/Pastaż |
Cane curtain | Ħasira |
Cane fencing | Qanniċ |
Cess-pit | Fossa |
Corbell | Kileb |
Door knocker | Ħabbata |
Fold/Pen | Mandra |
Manger | Maxtura |
Paving slabs | Ċangaturi |
Peg | Witet |
Pigeon loft | Gor/Barumbara |
Stable | Stalla |
Stone slab | Xriek |
Sty | Maqjel |
Terrace | Setaħ |
Threshing floor | Qiegħa/Andar |
Wall-cupboard | Gabinett/Armarju |
Water spout | Miżieb |
Water trough | Ħawt |
Weathercock/vane | Pinnur/Dewwiema |
Well-head | Ħerża |
ID-DAR FL-IBLIET U L-IRĦULA
Balcony | Gallarija |
Balusters | Balavostri |
Cellar | Kantina |
Console/ | |
Cantilevered bracket | Saljatura |
Door jamb | Il-Koxxa tal-bieb |
Drain pipes | Katusi |
Facade | Faċċata |
Lintel | Blata |
Roof parapet | Opramorta |
Skylight | Tamboċċ |
Spiral Staircase | Garigor |
Storey | Sular |
Window sill | Il-Ħoġor tat-Tieqa |
L-ARKITETTURA
Arch | Ħnejja/Arkata |
Abutment | Ġewnaħ (1) |
Extrados | Fuqani (2) |
Intrados | Dwella (3) |
Impost | Posta/impostaturi (4) |
Keystone | Ċavi (5) |
Voussoir | Samrott (6) |
Span | Id-Dawl (7) |
Rise | Ir-Refgħa (8) |
Flat arch | Arkipjan |
Basket arch | Ħnejja fuq tliet ċentri |
Ogee | Ħnejja fuq erba’ ċentri |
Bell arch | Ħnejja qanpiena |
Semicircular | Ħnejja kumpass/nofs tond |
Pointed arch | Ħnejja ħmejżija |
Segmental arch | Ħnejja rieqda |
Segmented | Ħnejja maqtugħa |
Stilted | Ħnejja merfugħa |
Horseshoe | Ħnejja nagħla |
Biex infissru dik li bl-Ingliż tissejjaħ thrust, jiġifieri dik il-pressjoni jew imbuttatura li l-ħnejja tagħmel fuq il-ġenb tal-bini, bil-Malti ngħidu il-ħnejja “ titfa’ ”.
Barrel vault | Saqaf troll |
Underpitch vault | Troll imkittef |
Groined vault | Saqaf ħesri |
Corbelling | Tiklib |
Wall | Ħajt |
Course | Filata |
Stone dressing | Inġir (naġġar/jonġor) |
Plastering | Tikħil |
Stone filling | Mazkan |
Single tickness | Ħajt singlu |
Double | Ħajt dobblu |
(jekk ikun wiesa’– imramma) | |
Coursed Ashlar | Ħajt tal-kantun |
Randon Aslar | Ħajt b’fil mitluf |
Dry stone/Rubble wall | Ħajt tas-sejjieħ |
Rusticated | Bil-ġebla tal-ġidra |
Battered wall | Bit-talut/tar-raqqad |
Buttress wall | Denfil/irdubblatura |
Cornice | Gwarniċun |
Dome | Koppla |
Finials | Finimenti |
Lantern | Lanterna |
Niche | Niċċa |
Pendentive | Pendent |
Portico | Loġġa/luġġjar |
Lunette | Lunetta |
Bastion | Bastjun |
Battery | Batterija |
Caponier | Kapunier |
Embrasure | Lamberżuna |
Entrenchment | Trunċiera |
Fort | Forti/fortizza |
Redoubt | Ridott |
Tower | Torri |
Vedette | Gardjola |
Kurżitajiet:
* IL-KILEB: Id-dizzjunarju ta’ Aquilina Maltese-English Dictionary (Qiegħed imniżżel fil-lista ta’ kotba ta’ referenza fil-paġna li jmiss) jagħti l-plural tal-kelma “kileb” bħala “klejjeb”. Hawn ħafna li m’humiex konvinti minn dan. In-nies kollha tal-ġebel li kellimt u li għadhom jiftakru ż-żmien meta l-bini tas-soqfa bil-kileb ma kienx ilu li nqata’, kollha jħossu li “kileb” hi l-plural u mhux is-singular. Jgħidulek: “Saqaf mibni bil-kileb.” Jew “Il-kamra kellha ħames kileb fuq kull naħa.” Biex inkun għidt kollox, in-naħa t’isfel ta’ Malta jgħidu “kolob” mhux “kileb”. Imma jekk “kileb hi l-plural, x’inhu s-singular?
F’xi għodda ta’ dari jew xi mekkaniżmi antiki , bħalma hu in-newl li fuqu jsir l-insiġ tad-drapp, jew xi arloġġ, sew jekk ikun ta’ knisja u sew jekk ikun żgħir, jew inkella xi xkubetta antika, hemm parti mekkanika li bil-Malti tissejjaħ “il-kelb”. Din tkun dejjem xi għamla ta’ ganċ jew driegħ li jżżom lil xi parti oħra tal-mekkaniżmu milli tiċċaqlaq, jew xi rota milli ddur (ara ftit l-eżempji t’hawn taħt). Jekk toqgħod taħseb ftit, hekk jagħmlu l-kileb: iżommu x-xorok milli jiċċaqalqu u jaqgħu għal isfel.
Għalhekk mhix ħaġa kbira biex is-singular hu KELB u l-plural hu KILEB jew KOLOB. Ma’ dan jidher li jaqbel Erin Serracina-Inglott għax hekk jagħti l-kelma fid-dizzjunarju tiegħu Il-Miklem Malti.
* Il-kelma MNAJDRA hi d-diminuttiv ta’ “Mandra”. Mela t-tempji tal-Imnajdra ħadu isimhom mill-isem tal-post u mhux bil-kontra. Probabbli li f’xi żmien kienu jrabbu l-bhejjem fihom. L-isem “Ħaġar Qim” ifisser “Ġebel Wieqaf”. “Qim” hu aġġettiv mill-verb “Qam, iqum”. Meta nqum minn bilqiegħda nkun qiegħed “qim”.
(c) Ġużi Gatt
Interessanti hafna, Guzi. Spjegajt tajjeb hafna bit-tpingijiet semplici u cari. Prosit.
Prosit tassew.
Interessanti hafna!
Very interesting
Congratulations for putting together such meaningful and rich in value Maltese words. One can only marvel at the manner in which these written and spoken sound symbols evolved over the years and stuck to the meaning and description of the entity or the action being described. While there is absolutely no logic in the manner in which the symbolic written shape and sound were chosen or created, it is rather amusing how the word depicts some connotation as to the function it is meant to describe. One just wonders how many variations of the sound were there before the final sound stuck as it did! The one that hit me as being so amusing in its meaning is
Nemmiesa.—it fits the function and action so perfectly.
Tista tghatina faccati antiki LI ikollom numri rumani fuqom jek jogbok.Ghal ragel ghax iried jghael Fuq faccata antika.grazzi HAFNA.
Prosit
Prosit tal-informazzjoni. Tarif siewi.
Prosit tassew ta din il-kitba vera interessanti…