Ix-xahar ta’ Ġmigħ il-Għeneb,

Kitba ta’ Ġużi Gatt.

Qegħdin nimxu, xahar b’xahar ma’ dak li kiteb “Il-Kalendarju tal-Bidwi” li ħarġet is-Soċjeta Agrarja ta’ Malta għas-sena 1850.  Il-Kalendarju kellu paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Wasalna fix-xahar ta’ Settembru, u għal dak ix-xahar, il-kalendarju tal-1850, irrepeta kelma b’kelma dak li kien qal li kellu jsir fir-raba’ fix-xahar ta’ Settembru fis-sena ta’ qabel – 1849.  Aħna m’għandniex għalfejn noqgħodu nirrepetu, u t-tagħrif tal-1849 nistgħu insibu HAWN.  Imma f’Settembru l-Kalendarju tana qawl ġdid, u l-osservazzjoni għal dak ix-xahar kienet ta’ interess kbir għalina n-nies tal-lum.

Il-proverbju li ta l-Kalendarju għal dan ix-xahar kien dan:

Iżra’ fit-tjieb u fil-waqt,

Biex ma jibdielek qatt.

Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg.  Naraw żewġ bdiewa jitqanżħu biex jiġbdu warajhom dik li tissejjaħ “xatba”.  Kien ikun ferm aħjar kieku użaw bhima biex tiġbed ix-xatba; imma msieken jidher li ma kellhomx mezzi.  Dik li tidher fir-ritratt hi xatba tal-bdiewa (mhux dik maħsuba biex isservi ta’ bieb), kienet tintuża biex twitti l-ħamrija wara li tinħarat u fl-istess ħin tkisser it-tub li jibqa’ wara l-ħrit.  Kien hemm xatba oħra, x’aktarx tal-ħadid u bl-imsiemer fil-qiegħ, maħsuba biex taqla l-ħaxix ħażin li jitla’, l-aktar wara l-ewwel xita.

Osservazzjoni:

 Fuq iż-Żejt.

L-osservazzjoni ta’ Settembru kienet fuq kemm hu importanti ż-żejt.  Qed inneħħi l-ewwel paragrafi tagħha għax fihom kien hemm ħafna tagħrif storiku żbaljat u ma xtaqtx li nkompli nxerred tagħrif ħażin fuq l-istorja ta’ pajjiżna.  Imma meta l-kittieb beda jitkellem fuq iż-żejt taż-żebbuġa, u mhux fuq il-leġġendi, qal hekk:

Iż-żejt jista’ jkun ta’ bosta kwalita(jiet).  Hemm żejt li jgħidulu tal-annimali, hemm li jsejħulu minerali, u hemm tal-veġetali – jiġifieri dak li joħroġ mill-ħxejjex tas-siġar.  Iż-żejt taż-żebbuġ joqgħod fost din l-aħħar kwalita.  Fl-Ewropa, is-siġra taż-żebbuġ weħidha, fost is-siġar kollha li fiha jinsabu, hija li tagħti ż-żejt.  Il-konsum kbir li jsir taż-żejt, speċjalment fil-kampanja, hu argument li juri l-importanza kollha tiegħu. Żid issa ma’ dan is-somma kbira ta’ flus li nonfqu biex nixtruh minn barra, u din tkun raġuni oħra biex nixtiequ naraw ma’ kullimkien imħawwel iż-żebbuġ.  Bosta huma l-lokijiet li għandna li fihom jista’ jitħawwel iż-żebbuġ, u wisq raba’ muxa (moxa – fuq din ara l-artiklu fuq xogħol il-Bidwi f’Ġunju 1850)) u bla maħdum għandna, li fih tista’ titħawwel din is-siġra li hi hekk importanti lilna u għall-frott u ż-żejt li tagħtina.  Darb’oħra tkunu tafu kif din is-siġra titħawwel, tikber, u tinħadem; u kif minnha għandu jingħasar iż-żejt.  Kif għaldaqstant dan iż-żejt hu l-ewwel ġeneri għall-bżonnijiet tagħna, u hekk tal-ikbar importanza għal pajjiżna.  It-taħwil u l-ħidma tas-siġar taż-żebbuġ hu benefiċċju u vantaġġ, li jmissu jkun inkoraġġit minn kulħadd.

 (Mill-memorja fuq iż-żebbuġ, u fuq kif minnu joħroġ iż-żejt, miktuba mis-Saċerdot Dr. Celestin Camilleri).

IL-KUMMENTI TAGĦNA

1 – Mela issa nafu li s-Societa Agraria ta’ Malta esperimentat bit-tkabbir tal-karawett (ara x’għidna fix-xahar t’April) u tal-kromp taż-żejt (fix-xahar ta’ Mejju), u fiż-żewġ każi l-ħsieb kien li jittieħed miż-żerriegħa ta’ dawn ix-xtieli iż-żejt għax-xegħil tal-imsiebaħ u l-fanali.  Issa, malli messejna ma’ Settembru, li hu ż-żmien li fih jista’ jissemma l-qtugħ u l-ġbir taż-żebbuġ, il-Kalendarju reġa’ qalilna kemm hu importanti ż-żejt.  Fil-kitba hemm miktub li “darb’oħra tkunu tafu kif din is-siġra (taż-żebbuġ) titħawwel, tikber, u tinħadem”, imma m’hemm xejn aktar fuq hekk fil-Kalendarju sal-aħħar tas-sena.  Dis-silta kienet meħudha mill-kitba ta’ Dun Ċelestin Camilleri, u dan x’aktarx li kien qed jirreferi għal kitba oħra tiegħu li kien ippubblika band’oħra.

Il-fissazzjoni fuq l-akkwist taż-żejt għax-xegħil terġa’ toħroġ meta tissemma “is-somma kbira ta’ flus li nonfqu biex nixtruh minn barra”.  Fid-dinja ħadd ma jista’ jaqra l-ġejjieni.  Il-Kalendarju ma kellux għalfejn joqgħod jesperimenta bi żrieragħ oħra għall-għasir taż-żejt għax-xegħil tal-imsiebaħ.  Ftit tas-snin wara, beda dieħel inkiss inkiss l-użu tal-aċitilena, u aktar tard, tal-pitrolju.  Meta nkitbet il-kitba t’hawn fuq, il-pitrolju ma kinux jafu bih, u l-aċitilena kienet rari ħafna. Ma nafx jekk hemmx kalkoli ta’ kemm Malta kienet tonfoq fuq dawn iż-żewġ prodotti, u jekk l-ispiża kinitx orħos minn dik li kienet issir biex jinġieb iż-żejt taż-żebbuġa.  Li hu ċert hu li l-pitrolju qalibha lil kulħadd, u baqa’ jintuża fil-“lampi tal-pitrolju”, (li wieħed għandu jifhem li bdew jidhru f’Malta meta l-pitrolju sar komuni) sa żmien tfuliti.  L-elettriku mbagħad, għadda minn fuq kulħadd.

Lampa tal-pitrolju.  Dawn il-lampi kienu komuni anke sa żmien tfuliti.  Kien hemm żmien meta lampi bħal dawn kienu l-aħħar moda, u l-iktar ħaġa moderna u sofistikata li kien hemm fid-dar.  Illum huma marbuta mad-dinja tan-nanna Gerit.

2 –  Fl-1922, l-istamperija tal-Gvern Malti ħarġet il-ktieb The Cultivation and Diseases of Fruit Trees of the Maltese islands.  Il-ktieb kien xogħol il-Professur John Borg, wieħed mill-aqwa botanisti li pproduċiet Malta.  Il-Professur Borg kiteb ukoll fuq is-siġar taż-żebbuġ, u qal li taħt dawn is-siġar, meta jkunu mħawlin fuq art tajba u mhux fuq il-blat, il-bidwi jista’ jkabbar ċerti ħxejjex taħthom biex jieħu kemm jista’ mill-art.  Hekk, qal il-Profs., il-bidwi jista’ jkabbar il-furrajna (xgħir li jinqata’ aħdar), il-ful, il-piżelli, l-ġulbiena, u ħxejjex bħal dawn.  Ma stajtx tkabbar il-qamħ, ix-xgħir u s-silla (taħt is-siġar taż-żebbuġ), għax dawn jerdgħu ħafna mill-art.  Imma jekk għandek is-saqwi, stajt tkabbar il-ħaxix għall-borma taħt is-siġar taż-żebbuġ.  Dan, bil-kliem, malajr tgħidu, imma trid tara ftit il-kundizzjoni tar-raba’ li fih ikun imħawwel iż-żebbuġ.  Il-Profs. Borg qal, ngħidu aħna, li kull sitt snin is-siġar iridu jitbażżru (jiddemlu) u l-art tinħadem sew, u li d-demel għandu jingħata aktar spiss jekk minn taħt is-siġar se tieħu l-għelejjel.  I-kitba tal-Profs. Borg issemmi s-siġra taż-żebbuġ Malti, ż-żebbuġ bidni, iż-żebbuġ ta’ Marsala, iż-żebbuġ Sqalli, iż-żebbuġ ta’ Verona, iż-żebbuġ tal-maħruq, żebbuġ Franċiż, żebbuġ abjad, żebbuġ ta’ Sivilja, u ż-żebbuġ ta’ Marsilja.   Innutaw li niesna malajr sabu isem bil-Malti għal kull varjeta li nġiebet minn barra.  Mhux bħalna.  Il-kelma “bidni” hi aġġettiv li tfisser imġissem, korpulenti, ismen mis-soltu.  Dr. Borg jgħid li ċertu żebbuġ jgħidulu “tal-maħruq” għax kien hemm ħafna minnu mħawwel f’post qrib l-Imdina magħruf b’dak l-isem.

3 – Li tiżra’ fit-tjieb tfisser li tiżra’ fil-bnazzi, mhux meta jkun maltemp jew meta t-temp ma jkunx galbu.  Il-kelma “bnazzi” hi tagħna wkoll u ma fiha xejn ħażin.  Il-ħażin hu li fi żmienna, it-tfal u ż-żgħażagħ qed jitilfu kull sens ta’ idjoma u trid toqgħod tfissrilhom mhux biss x’inhu tjieb, imma x’aktarx li lanqas jifhmu x’jiġifieri “it-temp ma jkunx galbu”.  Diżgrazzja nazzjonali. Minbarra kelma Semitika għall-bnazzi, kellna kelma Semitika oħra għall-maltemp: New.  Dari kienu jgħidu: Is-sema milwiem (fih l-ilma) – jidher li ġej in-new.

Ejja nerġgħu nsemmu dan il-kliem, ħalli ma ninsewhx:  Il-BARD hu aktar sħun millKSIEĦ!  Jiġifieri l-oġġett l-ewwel ikun sħun imbagħad JIBRED; u jkun biered u mbagħad JIKSAĦ; ommok kienet tgħidlek: “Onfoħlu l-brodu ħalli jibred”; imbagħad jgħaddi l-ħin u tgħidlek: “Imm’issa kulu għax se jiksaħlek.”  Jekk oġġett ikun kiesaħ u jiksaħ iktar, JIRŻAĦ.  Mela l-irżieħ hu aqwa mill-ksieħ.  Jiġifieri għandna l-bard (cool weather), il-ksieħ (cold) u l-irżieħ jew ir-reżħa (chill).  Jekk it-temperatura tinżel biżżejjed, l-ilma JINĠAZZA u jsir silġ.

Is-SIRDA tingħad għal dik iż-żiffa kiesħa, tqila bi fwar kiesaħ, li taqa’ l-aktar bil-lejl – imma mhux biss bil-lejl.  Mela aktar milli hi kejl tat-temperatura, is-sirda għandha x’taqsam ma’ żiffa kiesħa – jiġifieri ma’ kurrent ta’ arja.  Hekk ngħidu: “X’sirda tielgħa minn dal-wied.”  Dari kellna kelma oħra, li kienet għadha ħajja sa żmien Vassalli.  Naf li m’intomx se tużawha, imma se ngħidhielkom xorta: QIRRA – kesħa tax-xitwa, eqqel mis-soltu.  Bl-Ingliż tista’ tiġi frost.  Illum, jekk xi ħadd jistaqsik kif tgħid frost bil-Malti, ma jaċċetta l-ebda tweġiba minn għandek ħlief li “m’għandniex kelma”.

U x’jiġri meta mill-bard ngħaddu għas-sħana, jew bil-kontra?  Għaliex ngħidu “id-difa ħelwa ta’ filgħaxija”, mbagħad did-“difa” ħadd ma jaf x’inhi?  Ejja nieħdu eżempju.  Meta fis-sajf in-nhar ikun sħun ħafna u li jdejqek, mbagħad filgħaxija, għalkemm tibqa’ l-kalma, forsi jdur riħ fuq u l-arja tibred u kollox jieħu r-ruħ – dak il-ħin tkun id-DIFA.  Jew inkella jekk fix-xitwa toħroġ kmieni filgħodu qabel jisbaħ, u għalkemm ikun bnazzi, tiksaħ u tirżaħ, mbagħad titla’ x-xemx li ttajjar il-ksieħ u ssaħħnek – dik tkun id-difa ta’ filgħodu.  Mela id-DJIEF hu l-mogħdija minn temperatura “skomda” għal waħda “komda” (from hot, or cold, to TEMPERATE).  Temperate bil-Malti tiġi diefi.

M’għandniex inkunu aħna li nżarmaw lill-Malti minn ħafna kliem biex imbagħad ngħajruh li m’għandux biżżejjed.

(C) Ġużi Gatt

Bejjiegħ tal-pitrolju, x’aktarx fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor. Ritratt meħud mis-sit “Malta tagħna u tal-Imgħoddi”, fuq Facebook.