Id-disa’ xahar tas-sena

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com.

Issa jmissna naraw x’qal il-Kalendarju tal-Bidwi għax-xahar ta’ Settembru.  Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju tal-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Minbarra x-xogħol li għandu jsir fir-raba’ bagħli u r-raba’ saqwi, għal kull xahar il-kalendarju kellu dik li jsejħilha “Osservazzjoni”, u qegħdin inġibu dik tax-xahar ta’ Settembru.  Isfelnett żidna l-kummenti tagħna:

SETTEMBRU –  IX-XAHAR TA’ ĠMIGĦ IL-GĦENEB U GĦAMIL L-INBID

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 25.4 C.

Traħħas: Il-Palma, il-Basal, il-Klin, ir-Rand.

Tiżhar: Il-Ħaxixia tal-Irmied, Il-Qasba, l-Agave,  il-Ġellews.

Issajjar:  Iż-Żinżel, il-Ġews, il-Ħawħ l-Isfar, il-Bergamotta, iċ-Ċedrat, il-Ħabaq, il-Ġulġlien, il-Kappar, il-Ballut, l-Ispraġ, il-Għansar.

Jinża’: It-Tut.

Xogħol tal-Bdiewa: Fir-raba’ Bagħli:

Taħrat u iddemmel: Ir-raba’ taż-żrigħ

Tinżara’:  il-Silla, il-Widna, il-Ġulbiena, ix-xgħir, it-Tewm.

Titħawwel: il-Patata tax-xitwa, il-Bajtar tal-Indja.

Titgħarras: Il-Ġidra, il-Kawli Fjuri, il-Kaboċċi.

Jinġema’:  Il-Bjad, il-Ġulġlien, l-Imżiewed tal-Qamħ ir-Rum, il-Bettiħ tax-xitwa.

Jinħarat:  Il-weraq tat-tin.

 

Ix-Xogħol tal-Bdiewa: Fir-raba’ Saqwi u fil-Ġonna:

 Jinżera’: Il-Krafes, it-Tuffieħ ta’ Adam, l-Indivja, il-Fiġel, il-Ħass, il-Basal, il-Qaqoċċ.

Jitħawwel:  Il-Basal taż-żagħfran.

Jinżabru: L-Agrumi,

Jitlaqqmu: L-Agrumi u r-Rummien,

Jinqata’:  Il-Qara’ Franċiż misjur, u jitqiegħed fix-xemx.

 

Proverbji:

Il-Qamar ta’ Settembru

Iġib sebgħa warajh bħalu.

 

Ir-rimi tal-berwieq u t-tewm safi f’werqu,

Sena tal-ebda taħsir, u ta’…..*

 

It-tilqit tal-qoton ta’ San Mikiel,

Jidħol bħall-ieħor fil-miżien

*  Hekk hemm miktub fil-Kalendarju; jidher li nsew ikompluh.  B’danakollu Aquilina fil-ktieb tiegħu A Comparative Dictionary of Maltese Proverbs jagħti biss “Ir-rimi tal-berwieq u t-tewm safi f’werqtu”, u jħalliha hekk.  Mid-dehra ma kienx jaf kif ikompli lanqas.  Jagħti wkoll “Meta titla’ l-berwieqa, l-annata tkun sabiħa”.

Osservazzjoni:

It-taħwil tas-siġar iġib wisq ġid lill-pajjiż li fih isir; imma l-ikbar ġid hu li jiġi rregolat il-kors tat-temp.  Aħna nafu li l-klima ta’ Franza kien iktar lewliemi u aktar qalil fiż-żmien tal-Imperatur Ġulju Ċesri, meta l-art kienet miksija b’bosta siġar.  L-Italja kienet aktar kiesħa, u aktar fiha kienet tkun xita qabel ma ġew stradikati bosta boskijiet mill-Ġermanja.  Fil-gżira msejħa “Ta’ Lapsi” żammet ix-xita ma tinżel fuqha minn xħin qerdulha s-siġar tagħha kollha.  Fil-gżira ta’ Santa Liena, bdiet tkun xita bosta wara li l-Ingliżi mlewha bis-siġar.  Fl-Eġittu ma kinux jafu b’xita , sakemm il-Viċi Re Meħmet Ali ma kienx ħawwel is-siġar bla għadd.  Jekk aħna konna nieħdu dan il-qies ukoll, li nimlew il-pajjiż bis-siġar, ma kienx ikollna forsi ftit xita.  Malta u Għawdex huma art fejn ix-xita tinżel  l-aktar qajla, u biss tkun abbundanti meta t-terraferma qribha tkun imgħawma jew mgħarrqa ġewwa l-ilma, u hekk għandna darba nifhmu li t-tempijiet ma jagħmlux tagħhom kullimkien xorta waħda.

IL-KUMMENTI TAGĦNA:

  • Taħrat u ddemmel ir-raba’ taż-żrigħ: Pietru Pawl Castagna, fil-ktieb tiegħu Lis storia ta Malta bil-ghzejer tahha, kiteb hekk:

 Fil-ħrit il-bidwi jisserva bil-bhejjem, iżda l-baqar isibhom wisq aħjar mill-bgħula u miż-żwiemel – tant għall-qawwa tal-ġbid, kemm ukoll għall-għaqal tagħhom.

Bejn wieħed u ieħor sa qabel ma faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, il-bidwi tipiku Malti kien ikollu xi erba’ mogħżiet biex minnhom jieħu l-ħalib li jixrob ta’ kuljum; xi erba’ nagħġiet biex minnhom jieħu dak il-ħalib li minnu jagħmel il-ġbejniet u l-irkotta (u dari min-nagħaġ kien jieħu wkoll is-suf għall-insiġ), u baqra għall-ħrit.  Il-baqar tal-ħalib ma kinux minn dejjem f’Malta, imma bdew deħlin meta l-awtoritajiet xtaqu jeqirdu l-marda tad-deni rqiq.  B’dan id-deni weħlet b’kollox il-mogħża, li kienet tinsaq fit-toroq biex minnha l-poplu jieħu l-ħalib frisk kull filgħodu.  Ftit ftit, il-baqar tal-ħalib li nġiebu minn barra qerdu merħliet sħaħ ta’ mogħoż.  Fi żmienna, b’xorti tajba, qed isiru sforzi biex il-mogħża terġa’ terfa’ rasha f’pajjiżna u l-mogħża Maltija ma tinqeridx għal kollox.  Il-ġbejna Maltija, li dari kienet tingħamel l-aktar mill-ħalib tan-nagħġa, fi żmienna ssir ukoll mill-ħalib tal-baqra, u wieħed qed jibda jara fis-suq ukoll ġbejniet, jew anke ġobon, magħmul mill-ħalib tal-mogħża.  Dan jiswa biex il-mogħża Maltija terġa’ ssib postha fostna.

 Inkomplu bil-ħrit tar-raba’, Castagna (li skont hu kien qed jikteb fl-1860) kompla hekk:

Meta l-art tkun ħafifa, jew ma tkunx ilha li nħartet, il-bidwi jqabbad ħamsa, għaxra, u ħmistax ukoll (ħaddiema) bl-imgħażqa f’idhom.  Meta (l-art) tkun ibbieset jew ittappnet wisq, allura jaħratha.

 (Il-bidwi juża) il-moħriet biex jaħrat flok li jagħżaq, miġbud minn bhima jew tnejn; u hekk jeħles f’ġurnata x-xogħol li kien irid erbgħa u għoxrin imgħażqa biex isir.

 Id-dħul tal-mutur tal-ħart spiċċa biex qered il-baqra Maltija mill-għelieqi tagħna.

Għall-ewwel ħsibt li dak li hemm fir-ritratt hu bagħal, imma aċċertawni li hi ħmara. Ħmara ftit kabbarija meta tqis li daharha jasal sa ras il-bidwi ta’ warajha.  Tgħid kienet xi ħmara ta’ Malta, li fiż-żmien kienu magħrufa mall-barranin bħala ħmir tajbin ħafna imma li llum x’aktarx li għebu minn wiċċ l-art?  (ritratt ta’ Bernard Agius)

Skont Castagna: “Dari l-bidwi, lill-baqar kien  isibhom wisq aħjar għall-ħrit mill-bgħula u miż-żwiemel”  (ritratt ta’ Bernard Agius)

Min jaħrat bil-ħmir, ma jeħux qoton (ritratt ta’ Bernard Agius)

  • Jinġama’ l-bjad: Bl-istess mod illi meta nkunu qed nitkellmu fuq id-dwieli nistgħu ngħidu li se “nħawlu d-dwieli”, jew se “niżbru d-dwieli”, jew se “nsaqqu d-dwieli”, imma mbagħad meta niġu biex nieħdu l-prodott tad-dielja ma ngħidux “se mmur naqta’ d-dwieli” imma ngħidu “se mmur naqta’ l-GĦENEB” – l-istess jgħodd għall-qoton.  Nistgħu ngħidu “niżirgħu il-qoton”, jew “se nnaqqu il-qoton”, jew “se nirmundaw il-qoton”, imma meta niġu biex niġbru l-prodott li jagħtina l-qoton ma ngħidux “se naqtgħu il-qoton”.  Le!  L-antiki kienu jidħku bina jisimgħuna ngħidu hekk; bħalma kienu jidħku bina kieku semgħuna ngħidu se mmorru naqtgħu d-dwieli meta rridu nfissru li se mmorru naqtgħu l-għeneb.  Irridu ngħidu “se mmorru niġbru, jew niġimgħu, il-bjad.  Il-bjad hu dak il-ballun abjad u artab li tagħtina l-xitla tal-qoton.  Bl-Ingliż jissejjaħ boll.    Bit-Taljan il-Kalendarju jagħtiha bħala bambace.  Illum din il-kelma ma ssibhiex fid-dizzjunarji Taljani.  Minflok issib il-kelma bambagia.   Il-bjad imbagħad jinħaleġ – jiġifieri jgħadduh mill-ħallieġa jew magna tal-ħalġ: apparat żgħir tal-injam, li kellu l-ħila li jsaffi u jnaddaf il-bjad miż-żerriegħa li tkun għadha ġo fih.  Il-bjad bla żerriegħa jissejjaħ maħluġ.  Il-maħluġ imbagħad kien jittieħed għand id-daqqaq biex idoqqu bil-watar u ċ-ċiek ħalli jitpaħpaħ u jintnifex u jsir tajjar.  It-tajjar kien jingħażel fuq ir-raddiena biex isir ħajt, u l-ħajt jista’ jintniseġ u jsir drapp.

Jinġema’ l-bjad      (ritratt ta’ Bernard Agius)

  • Il-basal taż-żagħfran. Mela f’Settembru jitħawwel il-basal taż-żagħfran.  Għall-ewwel din ħawditni ftit.  Iż-żagħfran illum jinxtara bil-għoli u fi kwantitajiet żgħar, f’pakketti li jiġu minn barra.  Il-Kalendarju jagħti t-taħwil tal-basal taż-żagħfran bħala parti mix-xogħol tal-bidwi Malti f’Settembru.  It-tweġiba jagħtihielna l-Kalendarju stess, imma fl-osservazzjoni tax-xahar t’Ottubru tas-sena ta’ wara – 1850.  F’dan l-osservazzjoni li nerġgħu nirreferu għaliha meta nibdew niflu dan it-tieni Kalendarju, insibu hekk:

 F’xi lokalitajiet tal-gżira tagħna, bħalma huma dawk li jinsabu madwar il-Buskett u Ħad-Dingli, u fuq Tal-Għolja, issir weħidha ċerta kwalita’ ta’ żagħfran.  Il-fjur taż-żagħfran jinġema’ min-nies tar-Rabat tal-Imdina, ta’ Ħad-Dingli, u Tas-Siġġiewi, biex minnu jieħdu l-ħajtiet taż-żagħfran, fejn wara li jnixxfuhom jisservew bihom għall-bżonnijiet tad-dar.

Tagħrif interessanti tassew, imma se nħallukom bir-riħa dwaru sa meta, kif għidna, nibdew niflu dan it-tieni Kalendarju.

  • Pietru Pawl Castagna kiteb ukoll fuq l-idea li s-siġar iġibu x-xita. Qal hekk: Ħaġa magħrufa sewwa llum mad-dinja kollha, għad li l-kampanjoli tagħna għadhom ma tantx iridu jemmnuha, illi aktar ma pajjiż ikun fih siġar, iktar tinżel fuqu xita. Issa Castagna mhux l-ewwel darba li seraq, jew ikkopja, it-tagħrif li deher għall-ewwel darba fil-Kalendarju tagħna (u li kif għidna ħareġ xi sittax-il sena qabel ma ppubblika Castagna) mingħajr ma ta sudisfazzjoni it-tagħrif minn fejn kien ħadu.  Din id-darba wkoll, Castagna rrepeta sentenzi sħaħ mill-osservazzjoni ta’ hawn fuq.  Mhux hekk biss, imma seraq ukoll minn osservazzjoni oħra li dehret fil-Kalendarju tal-1850.  Ngħidu aħna qal hekk:

Nafu li meta kellna s-siġar imħawlin bil-bosta, bħalma kienet il-Marsa, Tal-Pwales, l-art tal-Imtaħleb, u tant lokijiet oħra li fihom kienu jeżistu eluf ta’ siġar tat-tut, kienet tinżel tant kwantita kbira ta’ xita fuq l-art tagħna illi l-widien kienu jdumu nieżla bil-ġranet.

Jien naħseb li hawnhekk, kemm il-Kalendarju tal-1850 u kemm Castagna li kkopja minnu kienu qed jirrepetu xi qlajjiet li semgħu, u ma tantx tinżilli li fil-postijiet li ssemmew kien hemm “eluf” ta’ siġar tat-tut għalkemm, m’għandniex xi ngħidu, fi żmienu kien hemm ħafna aktar milli għandna llum.  Meta kiteb fil-konkret fuq x’siġar  kellna Malta fi żmienu, Castagna qal hekk:

L-art tagħna trabbi minn kull xorta ta’ siġar, imma l-aktar li aħna nikkultivaw huma:  Il-larinġ, il-lumi, il-berquq, iċ-ċirasa, it-tin, il-bajtar, iċ-ċawsli, il-lewż, it-tuffieħ, ir-rummien, it-tut, in-naspli, l-anċiprisk, il-lanġas, il-ħawħ, il-pruna, l-għeneb, l-għanżalori, u ż-żebbuġ.

 Kien fiż-żmien jeżisti xejn inqas: It-tamar, il-ġellewż, il-bergamott, il-qastan, iċ-ċitrat, il-fraxxnu, il-pumakannella, u xi oħrajn li daż-żmien ma jinsabux ħlief xi waħda ‘l hawn u ‘l hinn. 

 Mur obsor li dari Malta kellna l-ġellewż, il-qastan, il-pumakannella, u l-bergamott.  Anke fi żmien Castagna minn dawn ma kienx fadal ħlief xi waħdiet; imma ċ-ċirasa mid-dehra kienet għadha b’saħħitha.  Il-Kalendarju tagħna, minbarra l-ġellewż, isemmi wkoll il-ġewż.  Fejn marret it-trobbija tal-ġewż u l-ġellewż fi żmienna?  Fejn marret it-trobbija tal-berquq, taċ-ċirasa, taċ-ċawsli, tat-tuffieħ, tal-pruna, u tal-għanżalor?

  • Issajjar iċ-ċedrat.   Fix-xahar ta’ Frar konna għidna li fil-Kalendarju, matul is-sena, jissemma l-lumi, il-lumiċell, xkomp, lumi tal-kuruna, bergamott, ċitrat, u ċedrat u d-differenza ta’ bejniethom mhux dejjem toħroġ ċara.  Bis-saħħa ta’ Castagna l-istampa tiċċara ħafna.  Castagna kiteb hekk:

 

Il-lumi mill-banda l-oħra jagħtina:

lumi qares jew xkomp,

lumi tronġ, ċitrat jew tronġ żgħir,

lumiċell ħelu jew lumi tal-kuruna,

u lumiċell qares.

Ma l-agrumi xi wħud jgħoddu wkoll il-bergamott.

Għall-ġid tal-ilsien Malti hemm bżonn li nistabbilixxu l-biċċa aħjar, u mhux għal kull ħaġa ta’ xejn nibqgħu ngħidu “min jgħid hekk, u min jgħid hekk”.  Meta fl-Ingliż insibu lemons, għandna ngħidu lumi, meta nsibu lime, bil-Malti ngħidu lumiċell, u meta nsibu citron, għandna ngħidu tronġ/tronġa.  Il-bergamotta hi dik bl-Ingliż tiġi bergamot orange, u allura għandha tmur mal-larinġ.

Issa fuq il-larinġ Castagna kiteb hekk:

Il-larinġ jagħtina seba’ varjeta: Larinġ tal-Portugal, larinġ ħelu jew lumi-larinġ, larinġ lanġasi, larinġ mandulina, larinġ ta’ bla zerriegħa, laring tawwali, larinġ xkompi jew lumi ta’ San Ġilormu, u larinġ tad-demm.

 Għandna wkoll il-larinġ qares li mill-fjur tiegħu nieħdu l-ilma żahar, u minn qoxortu (nieħdu) konfettura mill-itjeb

 Jien mingħalija li l-ilma żahar  neħduh miż-żahar tal-larinġ tal-bakkaljaw (tal-Portugal).  Castagna jagħżel bejn il-laring tal-Portugal u l-larinġ qares.  Min jaf min għandu raġun? 

  • F’Settembru jsajjar l-għansar. Fl-1991, Anton F. Attard, Alla jaħfirlu, kien ħareġ ktieb jismu Mill-Ħajja tal-Imgħoddi – Tagħrif Folkloristiku minn Għawdex.  Fuq l-għansar Attard qal hekk:

Il-basal tal-għansar jibda jtella’ l-bastun (il-berkun) tiegħu f’Awwissu meta tispiċċa s-sena tal-biedja u tkun se tibda sena oħra.  Jingħad li jekk il-bastun tiegħu jkun dritt, tkun ġejja sena tajba.  Jekk ikun mgħawweġ jew immejjel tkun ġejja sena ħażina.  Jekk il-bsaten ikunu mħalltin, is-sena tkun hekk u hekk, iżjed tajba milli ħażina jekk ikun hemm aktar bsaten dritti milli mgħawġin.

Attard jgħid li din il-biċċa folklor gustuża (imma mhux ta’ min wieħed joħodha bis-serjeta) ma kinitx tgħodd għall-għansar li jikber imkejjen oħra, imma għal dak biss li jikber f’roqgħa partikolari t’Għawdex – fit-Triq tal-Konta, li taqsam il-Wied l-Abjad, in-naħa tal-Qbajjar.  Min jinteressah jista’ jmur jiftaqad ftit u jara b’għajnejh!

  • Il-kawli fjuri: Skont il-Kalendarju, f’Marzu jitnaqqa l-kromb; f’April jinżera’ l-kromb pastard; f’Mejju jsajjar il-kromb; f’Ġunju jitħawwel il-pastard qalb il-qoton u l-bħejra; f’Lulju tinżera’ l-pastard; F’Settembru titgħarras il-kawli fjuri; f’Novembru jiżhar il-pastard.  Għall-Kalendarju il-kromb, il-kromb pastard, u l-kawli fjuri, huma t-tlieta cavolo fiore bit-Taljan.   Jiġifieri l-Kalendarju jixhed li l-kelma Maltija għal din il-ħaxixa tal-borma dak iż-żmien kienet għadha qed tilgħab.  B’xorti tajba, rebħet il-kelma “pastard” u waqgħet il-kelma kawli fjuri, li ġejja dritt mit-Taljan.  L-Ingliżi jgħidu cauliflower – li ġejjamit-Taljan ukoll.

 

  •  L-osservazzjoni għax-xahar ta’ Settembru tħoss li meta Franza kellha aktar siġar, it-temp hemmhekk kien aktar lewliemi.  Dil-kelma tfisser li kien jagħmel iktar xita – jiġifieri bl-Ingliż lewliemi tiġi rainy.  Imma fil-Malti għandna kelma oħra: milwiem.  Iż-żewġ kelmiet ħoloqhom l-ilsien Malti mill-kelma ilma, imma lewliemi tfisser rainy, u milwiem tfisser watery.  Ma nitilfuhx dal-kliem.

 

(c) Ġużi Gatt