L-għaxar xahar tas-sena.

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com.

Wasalna fl-għaxar xahar tas-sena 1849.  X’kien imissu jagħmel il-bidwi f’dak iż-żmien? Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju tal-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Minbarra x-xogħol li għandu jsir fir-raba’ bagħli u r-raba’ saqwi, għal kull xahar il-kalendarju kellu dik li jsejħilha “Osservazzjoni”, u qegħdin inġibu dik tax-xahar ta’ Ottubru.  Isfelnett żidna l-kummenti tagħna:

OTTUBRU –  IX-XAHAR TAL-MIŻIRĠĦA

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 21.7 C.

Traħħas: It-Tewm, l-Għansar, iż-Żagħfran, il-Frawli.

Jiżhar: Il-Ħarrub, il-Bużbież, in-Nespula.

Issajjar:  Id-Dielja, iż-Żebbuġ, ir-Rummien, il-Lanġas, ir-Rand, il-Pumakannella, il-Pistaċċi, iż-Żorba, l-Isfarġel.

Jinża’: Il-Ħawħ, l-Isfarġel, il-Lanġas, it-Tuffieħ ta’ Belludja, il-Ġewż, il-Berquq, iż-Żinżel, iż-Żorba.

 

Xogħol tal-Bdiewa: Fir-raba’ Bagħli:

Taħrat u iddemmel: Ir-raba’

Jinżara’:  ix-Xgħir, il-Ġulbiena, il-Piżelli, iċ-Ċikkarda, il-Ful.

Jitħawwel: it-Tuffieħ ta’ Adam, il-Kromb tal-Ġidra.

Jiddakkar:   Il-Ħarrub.

Jinġabar:  Il-Bjad.

 

Ix-Xogħol tal-Bdiewa: Fir-raba’ Saqwi:

Tinżera’: Il-Bqajla.

Jitħawwel:  Il-Iż-Żebbuġ, l-Ispraġ, il-Qaqoċċ.

Jinqala’: Il-Kurrat.

Jinqata’: Il-Kannamieli, il-Qara Franċiż.

Jitwieldu: Il-Ħrief.

Proverbji:

Iż-Żrigħ bikri, tista’ tikri,

Għall-imwaħħar ikollok tbaħħar.

 

Hu tajjeb li għal San Luqa,

Tgħib ġaż-żara’ għattuqa.

 

Meta jasal San Xmun,

Iżra’ – niexef jew miblul.

Osservazzjoni:

Il-biedja tax-xgħir iridha wisq ir-raba’ tagħna. Il-klima ta’ dan il-pajjiż iġġib ix-xita fil-Ħarifa, u għalhekk fir-Rebbiegħa nibqgħu x’aktarx ħfief mix-xita, jew ma tkunx meta u kif imissha. Hija ħaġa mġarrba minn niesna l-antiki, li kienu jiżirgħu fir-raba’ aktar bosta xgħir inkella qamħ. Ix-xgħir imbagħad, maqtugħ għall-aħdar, kif jasal biex jobrom, dik is-siegħa jerġa’ jraħħas, jisbel, u jagħti xgħir niexef kemm imissu, u xi drabi aktar.  Fis-sena 1845-46, sena tal-għatx, ix-xgħir maħsud għall-aħdar ta wieħed fis-sebgħa iżjed minn dak li ma kienx maħsud; u fis-sena 1846-47, ta madwar wieħed fil-ħamsa.  Ma dan il-qligħ għandna ngħidu xi ħaġa oħra li bosta tgħin lit-trobbija tal-bhejjem: li hu l-aħdar, li hekk neħtiġuh la darba aħna m’għandniex imraġ bħalma hemm barra.  Dan il-qligħ ġie stmat fis-sena 1846 skudi sittax kull tomna raba’; u fis-sena 1847 tgħadda skudi 5 u sitta rbajja’; u għalhekk ħalla qligħ sitt skudi u erba’ rbajja’ fl-ewwel sena, u erba’ skudi u ħamsa rbajja’ u tlettax-il ħabba fit-tieni sena. (Mit-tielet għajdut tas-Sur G.C. Grech Delicata fuq il-biedja tal-għalqa ta’ San Ġużepp, u mill-għajdut tas-Sur Dr. Don Celestinu Camilleri fuq ix-xgħir maħsud ta’ għamnewwel).

Il-kummenti tagħna:

  • Pietru Pawl Castagna ħareġ il-ktieb magħruf tiegħu Listoria ta’ Malta bil ghzejer tahha ftit tas-snin wara li ħareġ il-Kalendarju tagħna. Castagna ikkopja ħafna minn dan il-Kalendarju tal-Bidwi mingħajr ma qagħad ifehemna t-tagħrif minn fejn ħadu.  Castagna ħa sentenzi sħaħ mill-osservazzjoni t’hawn fuq imma żied xi tagħrif ieħor.  Qal hekk:

Ix-xgħir minn xi wħud jinżera’ għal Settembru; għal Mejju jinqata’ b’aħdar, dak li aħna nsejħulu furrajna, billi jgħin bil-bosta t-trobbija tal-bhejjem, ladarba aħna m’għandniex imraġ ieħor bħal barra ħlief silla, widna, u xi ftit ġulbiena…Ma dawk it-tlieta nistgħu inżidu il-guinea-grass, jew furrajna tal-Indja, imnissla hawn sa minn ftit snin ilu, biex tagħti l-ħdura għall-bhejjem minn Mejju sa Awwissu, u ż-żofsfa li tinqata’ b’aħdar ukoll għall-baqar, għan-nagħaġ, u għall-mogħoż, billi ssemminhom wisq.

 Castagna osserva wkoll li:

Kienu mdorrijin wisq il-kampanjoli tagħna jieklu ħobż il-maħlut; u għalhekk kien jiera’ wisq qamħ imħallat max-xgħir; li daż-żmien, barra minn dawk t’Għawdex u minn xi ftit tal-irħula ta’ fuq, ħadd  m’għadu jidħol għalih.

Innutaw il-kelma ħafifa u t-terminu t-tajjeb li mill-ewwel jiġi f’ilsien il-kittieb tal-osservazzjoni.  Isimgħu din: …kif (ix-xgħir) jasal biex jobrom, dik is-siegħa jerġa’ jraħħas, jisbel, u jagħti xgħir niexef kemm imissu.   Ix-xgħir jibda jobrom meta fih tara l-ewwel ħjiel ta’ sbul ġdid; iraħħas jiġifieri jerġa’ joħroġ weraq ġdid, u jisbel jiġifieri ikabbar is-sbula sal-aħħar.   Illum ħafna minn niesna ma jifhmukx, lanqas jekk tagħtihom it-tifsira t’hawn fuq; jibqgħu iħarsu lejk b’ħalqhom miftuħ, u jitolbuk tgħidilhom x’inhi sbula.  Ġibna fuqna diżastru nazzjonali.

 

  • L-espressjoni Inkun naf x’ħobż tiekol ġejja mill-fatt li dari kien hemm il-ħobż magħmul mid-dqiq abjad li joħroġ mill-qamħ, u ħobż ieħor li jissejjaħ tal-maħlut li jsir mid-dqiq li joħroġ mill-qamħ imħallat max-xgħir. Il-ħobż tal-maħlut kien orħos minn l-ieħor, u jekk jien ninduna li int minnu tiekol, allura nkun naf li int ħaddiem fqir bħali.  Imma jekk tixtri minn dak tal-qamħ biss, ikun ifisser li int ta’ klassi oħra, u aħjar minni.  Il-maħlut kien orħos x’aktarx għax ix-xgħir kien jikber aktar malajr u kien ferm aktar faċli mill-qamħ biex tidirsu – jiġifieri biex tifred ix-xgħira minn ġos-sbula tagħha.  Dan kien ifisser inqas xogħol iebes fuq il-qiegħa.   Tajjeb li ninnutaw ukoll li fil-maħlut ma kinux iħalltu dqiq ma’ dqiq, imma kienu jiżirgħu l-qamħ u x-xgħir mill-ewwel imħalltin flimkien, jintaħnu flimkien għand tal-mitħna, u allura d-dqiq ikun mill-ewwel maħlut.

 

  • Skudi, rbajja’, u ħabbiet. Niesna baqgħu jikkalkulaw bl-irbajja’ sas-16 ta’ Mejju, 1972, meta Malta qalbet għas-sistema deċimali.  Jien għadni niftakar sew it-tmintax irbiegħi (2s 6d).  L-irbiegħi, kien jinqasam f’ĦABBIET.  Li kellek issarraf tmintax irbiegħi f’soldi ssib li għandek 30 sold (żewġ xelini u nofs – xelin kien fih 12-il sold).  Tletin sold iġibu 360 ħabba (sold fih 12-il ħabba).   Jekk taqsam 360 bi tmintax, jiġu 20.  L-irbiegħi kien fih 20 ħabba, u kien ilu b’dak il-valur mill-inqas sa mis-seklu ħmistax.  Meta fil-kitba bl-Ingliż issibu l-kelma tari, għandkom taqilbu dil-kelma bil-Malti bħala rbiegħi (wieħed) jew irbajja’ (ħafna).  Il-kelma grani tiġi ħabbiet (ħabba) bil-Malti.

Il-qamħ u x-xgħir midrus imur għand tal-mitħna (Ritratt ta’ Bernard Agius / Joe Borg)

  • F’Ottubru jitwieldu l-ħrief. Il-ħaruf hu t-tifel tan-nagħġa u l-muntun.  Meta jkollu sena jissejjaħ għabur, u jekk tkun tifla tissejjaħ għabura.  Il-plural jiġi għabajjar, minn fejn x’aktarx li ġej il-kunjom Ebejer.  Il-kelma muntun ġejja mit-Taljan.  Kelma Maltija eqdem minn muntun hi kibx.   It-tifel tal-mogħża u l-bodbod jissejjaħ gidi; it-tifla gidja.  Meta jkollha sena, il-gidja tissejjaħ għaniqa.  In-nagħġa twetwet, il-mogħża tneqneq. Il-muntun jintaħ, jiġifieri jagħti bir-ras, u l-bodbod ukoll.  In-nies ta’ dari kienu jinfaqgħu jidħku bina kieku kienu jafu li aħna dawn l-ismijiet ma nafuhomx.  Għattuqa hi tiġieġa li għadha ma fetħitx tbid.  Din x’aktarx li trid toqgħod tfissirha wkoll: ma fetħitx tbid jiġifieri li għadha ma bdietx tbid.

 

  • Il-Kalendarju jgħid li f’Ottubu ssajjar id-dielja. Pietru Pawl Castagna fil-ktieb tiegħu li diġa semmejna jgħid hekk:

Minn xi siġar li aħna semmejna nieħdu l-frott għal darbtejn matul is-sena.  Id-dielja msejħa miġnuna, u l-oħra żaqq in-nagħġa, toħroġ darbtejn il-għeneb – darba fis-sajf mal-ieħor, u darba għal Novembru – imsejjaħ irċipp.  

Il-kelma rċipp ma nħalluhiex tintilef.  Fuq l-għeneb u d-dwieli, Castagna jgħid ukoll li:

Skont il-kwalitata’ tal-għeneb, id-dielja tieħu l-isem tagħha.  Għalhekk għandna l-insolja, il-muskatell, il-passulina, il-beżżula, il-katlan, il-buttuni di gallu, żaqq in-nagħġa, l-għeneb ta’ Ġerusalemm, u d-dielja Ingilża.

Bħalma miż-żebbuġ l-antenati tagħna jieħdu kienu ż-żejt, hekk ukoll aħna konna nistgħu nieħdu mid-dielja mhux biss l-għeneb iżda l-ħall, l-inbid, u l-ispirtu wkoll – kieku l-bidwi tagħna għaraf iżomm id-dwieli kif imissu u kieku l-Gvern ma ħadlux il-lampik.  Ma hemmx bżonn li wieħed joqgħod jgħid kemm profitt kbir kien ikun kieku l-bidwi kien isib ibiegħ l-għeneb mhux biss għall-ikel, iżda wkoll għal-lampik.  Biżżejjed insemmu li fis-sena 1837, wieħed biegħ għall-ispirtu sebgħat elef qantar għeneb, biż-żewġ skudi u erba’ rbajja’ l-qantar, li jagħmlu s-somma ta’ 16,333 skud.

  • Kieku l-Gvern ma ħadlux il-lampik. Tħoss għafsa ta’ qalb meta titkellem man-nies u jgħidulek: “Lampik x’inhu?”  L-apparat li bil-Malti jissejjaħ lampik, bl-Ingliż jiġi still, u l-post fejn ikun hemm ħafna minn dawn l-istills, jissejjaħ distillerija.   F’Malta għad għandna l-ilma żahar, li jsir bil-lampik.  Isir miż-żahar tal-larinġ tal-bakkaljaw.  Dari kienu jagħmlu wkoll il-melissa bil-lampik , minn xitla li hi magħrufa wkoll bħala nagħniegħ in-naħal, jew buriħa.  Kienet xarba li tinxtorob minn min ibati bl-istonku, u kienet issir u tinbiegħ anke minn xi kunventi tas-sorijiet.  Illum naħseb li ħadd ma jaf biha.  Imma bil-lampik tista’ tagħmel ukoll ix-xorb irqiq, jiġifieri l-ispirti, l-alkoħol.  Il-lampik baqa’ jsir għal ħafna żmien, u mhux ħaġa kbira biex għadu jsir, dejjem bil-moħbi.

Fil-15 ta’ Novembru 1911, il-Gvern kien ħareg “L-Ordinanza tal-Ispirti(Kapitolu 41).  Fost l-oħrajn kienet tgħid hekk:

Ħadd ma jista’ jkollu, iżomm jew jagħmel użu minn ebda apparat ta’ distillazzjoni biex jiddistilla l-ispirti, mingħajr permess minn qabel,mingħajr qabel ma jkun ħa liċenzja għaldaqshekk kif ingħad iżjed ‘il quddiem.

Jiġifieri ma stajtx tagħmel ix-xorb irqiq mingħajr permess. Castagna kien qed jikteb madwar ħamsin sena qabel ħarġet din l-ordinanza, imma jidher li anke fi żmien Castagna, l-Gvern diġa kien qed jikkontrolla l-lampik.   L-aktar raħal f’Malta u Għawdex magħruf għall-lampik hu r-raħal tax-Xagħra f’Għawdex, fejn dari kien isir ħafna ilma żahar.  Illum ikollna xorti jekk fadal familja waħda li għadha tagħmlu.  Fi żmien l-Ingliżi, mhux l-ewwel darba li l-pulizija  rrejdjaw id-djar tal-familji li jagħmlu l-ilma żahar biex jaraw kellhomx ukoll ix-xorb irqiq: l-ispirtu – l-alkoħol.  Minn postijiet oħra hu magħruf li mill-basal kienu jagħmlu l-maskta, bil-lampik ukoll.  Castagna kien qed jilmenta fuq l-għeneb li wkoll seta’ jinbiegħ għall-lampik kieku l-Gvern ma ndaħalx fin-nofs.  Il-lampik illegali ġieli qatel lin-nies.  Mil-bajtar, mill-lewż, mir-rummien, mill-ħarrub, u mill-lumi jsiru dawk li jissejħu likuri, dawn ikun fihom l-alkoħol ukoll, imma fi żmienna dan l-alkoħol ma jsirx bil-lampik f’Malta, imma jinġieb minn barra, u jitħallat mat-taħlita tal-likuri lokali.

  • F’Ottubru jsajjar ukoll il-lanġas. Castagna jgħidilna:

Il-lanġas xejn mhu inqas fil-foħrija għat-togħma tiegħu, l-iżjeb il-pera-butira li jgħaddi l-maskarella, u lill-pera-anġelika.

 Fil-kitba tiegħu Castagna ma kellux f’rasu l-frott impurtat, imma dak li jikber f’Malta.

  • Grat ħafna lejn dan il-Kalendarju li kkonfermalna li dari missirijietna kien jdakkru l-ħarrub. Il-Kalendarju jgħidilna li f’Ottubru jiżhar u jiddakkar il-ħarrub. Il-ħarruba mara tiżhar – jiġifieri toħroġ iż-żahar li huma fjuri nisa.  Dawn iż-żahar iridu jiddakkru bl-inwar tal-bagħal – kif qalilna Castagna (ara l-kummenti tax-xahar ta’ April).  Il-bagħal hu s-siġra raġel li l-fjuri tagħha jissejħu nwar.  L-inwar huma fjuri rġiel.  F’pajjiżi oħra fejn ikabbru l-ħarrub bis-serjeta, jħawlu siġra raġel u jdawruha b’siġar nisa, biex in-natura tieħu ħsieb it-tidkir weħidha permezz tal-insetti.  F’Malta x’aktarx li kien ikollhom jaqtgħu il-friegħi mis-siġar irġiel u jdendluhom mas-siġar nisa – xi ħaġa bħal ma jagħmlu bid-dukkar fuq it-tina bajtrija.    M’għandniex xi ngħidu, illum ma jsir xejn minn dan.  Mhux talli hekk, talli l-awtoritatijiet, imġegħlin min-“nies tal-ambjent”, ma jħallukx lanqas imqar tiżbor ħarruba.  Biex tara kemm jifhmu!  L-għasafar iħobbu l-kenn tas-siġar tal-ħarrub.  L-għasafar jieklu t-tut tal-għolliq (fi żmienu) u mill-ħmieġ tagħhom li jaqa’ taħt is-siġra kennija tal-ħarrub, jikber ħafna għolliq, li jekk ma jitneħħiex “jifga” s-siġra.  Barra minn hekk, il-bidwi dari kien ukoll jiżbor is-siġra għall-ġid tagħha stess, bħalma jinżabru ħafna siġar oħra.  Hemm differenza kbira bejn li tnaddaf l-għolliq  minn taħt siġra u tiżborha fi żmienha, u bejn li tiġi bil-gaffa u taqlagħha minn għeruqha.  Il-waħda għandha tibqa’ ssir, u l-oħra għandha ma titħalliex issir.
  • Iż-żrigħ fil-bikri. Il-qawl jgħidlek li meta tiżra’ bikri tista’ sserraħ rasek, u tista’ anke tikri għax ibqa’ ċert li se jkollok biex tħallas il-kera.  Filwaqt li għall-imwaħħar “trid tbaħħar”.  Jien nifhimha li l-imwaħħar trid toqgħod ħsiebek fih u toqgħod tbaħħarlu biex tħarsu minn kull għajn.   Mela l-qawl qed iħeġġeġ iż-żrigħ fil-bikri.  Il-qawl qed jitkellem bejn wieħed u ieħor.  Ix-xemx titla’ mill-Lvant għall-Punent. Ir-raba’ li kien hemm f’dik ix-xaqliba ta’ Malta li tħares lejn Lvant: in-naħa ta’ Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, ir-raba’ li minn Birkirkara jħares lejn Tas-Sliema, Ħal Għurgħur, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, eċċ., kien l-ewwel li jħoss is-sħana tax-xemx fix-xitwa u kien tajjeb għall-bikri.  L-uċuħ mkabbra in-naħiet ta’ Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi kienu jdumu iktar biex jilħqu għas-suq, u r-raba’ t’hemm kien magħruf għall-imwaħħar, u kien meqjus li hu raba’ tajjeb ħafna wkoll.

(C) Ġużi Gatt

Jinqata’ l-qara’ u jitqiegħed fix-xemx. (ritratt ta’ Bernard Agius / Joe Borg)