ll-ħdax-il xahar tas-sena.

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com.

Wasalna f’Novembru tas-sena 1849.  Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju tal-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Minbarra x-xogħol li għandu jsir fir-raba’ bagħli u r-raba’ saqwi, għal kull xahar il-kalendarju kellu dik li jsejħilha “Osservazzjoni”, u qegħdin inġibu dik tax-xahar ta’ Novembru.  Isfelnett żidna l-kummenti tagħna:

NOVEMBRU –  IX-XAHAR TA’ INŻIGĦ IL-WERAQ

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 17.9 C.

Traħħas: In-Nespula.

Jiżhar: Il-Pastard, il-Qaqoċċ, iż-Żagħfran.

Issajjar:  Il-Fomm il-Lipp.

Tinża’: Id-Dielja, ir-Rummien, il-Pumakannella, il-Bżar Aħmar, is-Sebuqa.

 

Xogħol tal-Bdiewa: Fir-raba’ Bagħli:

Jinżara’:  L-Għosfor, ix-Xgħir, il-Qamħ Majjorkin.

Jitħawwel: Il-Basal, il-Patata tax-Xitwa.

Jinqata’:   Il-Bużbież.

 

Ix-Xogħol tal-Bdiewa: Fir-raba’ Saqwi: 

Tinżera’: Iz-Zfunnarija.

Jitħawwel:  Il-Kaboċċi.

Jinżabar u jsir il-porpejn ta’: Id-Dwieli, ir-Rummien.

 

Proverbji:

La jasal San Anard,

Iżra’ f’kull art (miktuba ard).

 

Is-Sajf ta’ San Martin,

Il-Biedja tifraħ bih.

 

Il-qamħ f’Santa Katrini,

It-tiben u t-tagħam jagħtini.

Il-qamħ f’Santa Katrini, it-tiben u tagħam jagħtini (ritratt ta’ Bernard Agius / Joe Borg)

 

Osservazzjoni:

Iż-żrigħ tal-qamħ fil-ħatt għandu vantaġġi illi l-bdiewa kollha li jaħsbu tajjeb fuq dak li jagħmlu, jistqarruhom.  Dan iż-żrigħ isir bi strument li jiżra’ waħdu, ixerred il-qamħ kif imissu u bil-qies kollu, jordom il-qamħ kollu xorta waħda, u hekk iż-żara’ jiġi mqabbad tajjeb fir-raba’ qasir.  Dan l-istrument ixerred ukoll il-bżar, imma wisq inqas minn kieku jixxerred bl-idejn; u jfendi iżjed għaliex isib ruħu mal-istess żerriegħa.  B’dan il-mod ta’ żrigħ, tonqos il-ħsara li jagħmlu s-saqajn fin-naqa; jagħti aktar qawwa li jikber iż-żara’; u dak fuq kollox li hu aktar tajjeb li jagħti tagħam wisq iżjed miż-żrigħ l-ieħor li jsir bil-keff; b’mod illi r-raba’ għajjien ikun jagħti daqs ir-raba’ tajjeb. L-ewwel strument taż-żrigħ kif semmejna, li fehmu li jġibu għal pajjiżna, hu dak li għamel is-Sur Maurgue; fejn fost l-istrumenti kollha li s’issa barra għaż-żrigħ, hu l-iktar sempliċi u ħafif. (Mis-Societa Economico-Agraria ta’ Malta)

IL-KUMMENTI TAGĦNA:

  • F’Novembru jinżera’ l-qamħ Majjorkin. Dan il-qamħ hu l-ewwel wieħed li jissemma wara x-xhur tas-sajf. Jiġi allura l-qamħ tal-bikri.  Castagna, fil-ktieb tiegħu Lis storia ta’ Malta bil ghzejer tahha, li ħareġ xi snin wara l-Kalendarju tagħna, u seraq ħafna minnu,  jpoġġiha hekk:

It-tagħam: Taħt dan l-isem aħna nieħdu l-qamħ u x-xgħir.  Il-qamħ hu ta’ varjeta kbira u  tajba fejn dak ta’ pajjiżi oħra.  Jinżera’ sena banda, u sena oħra: minn Novembru sa Frar, u jinħasad minn Mejju sa Ġunju.  Il-bikri joħroġ safrani; l-ieħor tal-aħħar, jirnexxi ħamrani.  Il-qamħ joktor wisq: b’modd li wieħed jiżra’, jieħu sittax-il modd, fi bnadi erbgħa u għoxrin, u daqqiet, tletin ukoll.    

Mela kien hemm is-safrani u l-ħamrani, u l-bikri hu s-safrani.  Il-qamħ Majjorkin hu l-qamħ mill-isfar, u dak li l-Kalendarju jsejjaħlu t-tomnija, hu l-qamħ mill-aħmar, li jinżera’ għall-imwaħħar.

  • Fl-osservazzjoni jissemma ż-żrigħ tal-qamħ fil-ħatt, u l-Kalendarju jaħseb li dan hu aħjar miż-żrigħ li jsir bil-keff.

Il-keff hu l-pala tal-id.  Il-kelma pala forsi llum tintuża aktar, imma kelma aktar Maltija hi l-keff tal-id.  Meta toħroġ idek biex xi ħadd jitfagħlek xi ħaġa ġo fiha – ngħidu aħna xi ħelu, kif kienu jgħidulna biex nagħmlu meta konna żgħar – int tkun ilqajt il-ħelu ġol-keff t’idek.  Meta bidwi jaqbad qabda żerriegħa f’id waħda u jferrixha mal-għalqa kollha – dak jissejjaħ “żrigħ bil-keff”.

Qabel ma jibda jiżra’ l-qamħ il-bidwi ried l-ewwel imattar l-għalqa.  Din hi kelma sabiħa li dnub li issa għoddha ntilfet.  Meta tferrex iż-żerriegħa fuq wiċċ il-ħamrija, iż-żerriegħa tinħeba u mhux dejjem tkun tista’ tikkonoxxi fejn xerridt. Il-bidwi għalhekk kien jagħmel sinjali bl-imgħażqa fil-ħamrija biex bihom iqassam l-għalqa f’taqsimiet li kull waħda minnhom tissejjaħ imtira.  Il-bidwi imbagħad jimxi tul kull imtira, f’id waħda jġorr xi ġewlaq jew ċurniena żgħira mimlija żerriegħa, u bl-id l-oħra jaħfen ponn żerriegħa u jferrixha, sewwa kemm jista’ jkun, mal-imtira kollha.  Dan il-metodu ta’ żrigħ, il-kalendarju, bir-raġun kollu, jsejjaħlu żrigħ bil-keff.   

Imma l-osservazzjoni għax-xahar ta’ Novembru xtaqet tinsisti li kien hemm “strument” ġdid li kien jippermetti lill-bidwi li minflok bil-keff, jiżra’ fil-ħatt (in linea).  Din hi kelma li, għal min bħali jogħxa fuq in-nisel tal-kliem, iġġib ferħ kbir fil-qalb!  Il-kelma ħatt hi l-kelma Maltija għal dak li llum sar “sinjal”, jew “sing”, jew linja, jew anke “line”.  Jidher li l-ewwel li tniżżlet din il-kelma kien fid-dizzjunarju ta’ Mikiel Anton Vassalli u d-dizzjunarji l-oħra ta’ wara baqgħu jġibuha.  Erin Serracino Inglott, fil-Miklem iġib ukoll il-kelma taħtit, u jfissirha bħala “kaligrafija” – u dan bir-raġun kollu għax meta tikteb, int tikteb linja linja, sing sing, jew line, line.  Hekk xtaq li jibdew jagħmlu l-bdiewa, dan il-kalendarju maħruġ mis-Societa Agraria – xtaqhom li jibdew jiżirgħu il-qamħ fil-ħatt, ħatt ħatt, linja linja, sing sing, b’dan l-istrument il-ġdid.

Ma nixtieqx li nħalli l-kelma fil-ħatt tibqa’ għaddejja u tintnesa.  Jidher li kien hemm żmien meta fl-ilsien Malti, jekk tagħtini lapes u karta u tgħidli: “Agħmel ħatt bil-lapes fuq il-karta” kont nifhmek u nagħmel sinjal, rig, sing, jew line bil-lapes fuq il-karta.  Jekk tagħtini żiemel u moħriet u tgħidli: “Agħmel ħatt bil-moħriet fil-ħamrija minn ħajt sa ħajt tal-għalqa” kont nifhmek ukoll, u nagħmel radda bil-moħriet fil-ħamrija.  Jekk imbagħad tgħidli: “Issa iżra’ ż-żerriegħa fil-ħatt kont niżra’ ż-żerriegħa fir-radda li għamilt.  Hekk kienet tinżera’ l-patata – wieħed jagħmel radda bil-moħriet, u l-ieħor jimxi fil-ħatt, jitfa’ l-patata mqatta’ fil-ħamrija u jirfisha hu u miexi biex tintradam.  Il-ħatt li sar bil-moħriet fil-ħamrija jissejjaħ ukoll “radda”, imma l-ħatt li għamilt bil-lapes fuq il-karta ma jissejjaħx radda, imma hu sempliċement ħatt.

  • Mela l-Kalendarju kien jaf bi strument li kien jiżra ż-żerriegħa fil-ħatt, imma kien ukoll ixerred il-bżar. Konna għidna f’xhur oħra li l-Kalendarju jiddistingwi bejn bżar u demel.  Id-demel hu manure – demel tal-bhejjem, filwaqt li l-bżar hu kull tip ieħor ta’ fertilizzant li mhux demel tal-bhejjem.
  • Il-Kalendarju kien konvint li l-użu ta’ dan l-istrument kien inaqqas “il-ħsara li jagħmlu s-saqajn fin-naqa”. In-nies imdaħħlin fiż-żmien li trabbew fir-raba’ għadhom jifhmuk jekk tuża l-kelma NAQA.  Biex nivvinta eżempju: tista’ tgħid “In-NAQA bżonjuż ħafna għall-patata”, u dik tkun tfisser li hu mportanti li tnaqqi l-għalqa mill-ħaxix ħażin meta l-patata tkun qed tikber fil-ħamrija.  Minn kif poġġiha l-Kalendarju, “…il-ħsara li jagħmlu s-saqajn fin-NAQA” jien nifhimha li tfisser it-tgħaffiġ fil-ħamrija mnaqqija, jiġifieri kif tkun l-għalqa maħruta għal darba darbtejn, u forsi mxattba wkoll, biex naqqejniha mill-ħaxix ħażin qabel ma bdejna niżirgħu il-qamħ.   L-użu ta’ dan l-istrument, skont kif hemm miktub fl-osservazzjoni tal-Kalendarju tagħna, jnaqqas it-tgħaffiġ fil-ħamrija maħruta u miżrugħa.
  • F’San Anard, iżra’ f’kull  Din qed inġibha għal min tassew jinteressah l-ilsien Malti.  Il-Kalendarju għandu miktub il-kelma ard u mhux “art”.   Fis-16 ta’ Mejju 1954, il-Perit R.J.D. Cousin kiteb artiklu f’Leħen is-Sewwa fuq is-sengħa tal-barrieri u l-industrija tal-ġebel. Fil-kitba tiegħu l-Perit ta xi qisien tradizzjonali tax-xorok, kaptelli, skaluni, xulliel, u l-bqija.  Fost l-oħrajn ta wkoll il-qisien taċ-“ċangatura għall-ardien” u mid-deskrizzjoni jidher ċar li qed jgħid għaċ-ċangatura biex tiksi l-art. Il-kelma “ardien” flok “artijiet” hi kelma sabiħa mmens!  Jekk noqgħodu fuq in-nisel tal-kelma, aħna suppost li għandna ngħidu “ard” u mhux “art”; imma fi lsienna dil-kelma tħassret.  B’dankollu, l-Perit Cousin, kiteb “ardien”, u dan fi żmien meta żgur li ma kienx jaf bil-Cantilena ta’ Pietru Caxaru – għax kienet għadha ma nstabitx.  Caxaru, fil-poeżija tiegħu, kien kiteb “iradi”  minflok artijiet.   Ma naħsibx li l-Perit Cousin kien se juża l-kelma “ardien” kieku kien jaħseb li din ma tinftiehem minn ħadd.  Bilfors li semagħha tingħad min-nies li kienu jaħdmu fil-ġebel.  Jidher li l-perit uża l-kelma “ardien” biex jiddistingwi bejn “artijiet” li tinftiehem bħala “pajjiżi”, jew oqsma tar-raba’, jew propjeta’, u l-kelma li jrid ifisser hu, jiġifieri l-art ta’ xi kamra, bitħa, jew kuridur.  Issa jidher li anke l-Kalendarju tagħna, li ħareġ fl-1849 kien għadu jħoss il-kelma ard u mhux art.  Dan hu ta interess lingwistiku kbir.
  • Ta’ interess lingwistiku kbir hi wkoll il-kelma Zfunnarija.    Illum ngħidu Zunnarija, imma b’xorti ħażina dil-kelma qed tintrema minn niesna biex minflokha jgħidu “karrotti”.  Din tal-aħħar qatt ma missha daħlet fil-Malti u qed teqred kelma Maltija bħalma l-kelma Christmas qed teqred il-kelma Milied, u l-Easter qed tedreq il-kelma L-Għid il-Kbir.  Iz-zunnarija ilha f’ilsienna minn kemm ilu li daħal il-Malti f’Malta – jiġifieri elf sena.  Ma nistgħux ngħidu l-istess ħaġa għall-Ingilterra, fejn jidher li z-zunnarija daħlet biss fis-seklu sbatax.  Hu aċċettat mill-istudjużi li z-zunnarija daħlet fi Spanja fi żmien l-Għarab.  Fil-bidu, x’aktarx li z-zunnarija kienet vjola, imma l-lewn li nafu aħna ilu li tnissel ukoll.
  • Isir il-porpejn tad-dwieli. Bit-Taljan, “porpejn” ingħatat bħala propaggini artificiali.  Bil-Malti, din tfisser it-tmissil ta’ dwieli ġodda billi “traqqad” ix-xitla.  Bl-Ingliż dan it-“tirqid” jissejjaħ   Il-bdiewa li naf jien inisslu dwieli bill-biċċa:  billi jħawlu ż-żraġen li jkunu qatgħu meta żabru d-dwieli.  Imma d-dielja, u r-rummiena wkoll (skont il-Kalendarju) tista’ tnissel minnha bit-tirqid.  It-tirqid iseħħ meta inti taqbad xi fergħa tad-dielja li tkun ‘l isfel u forsi anke tħakkek mal-ħamrija, u torbotha b’mod li tibqa’ tmiss mal-ħamrija fis-sod, mingħajr ma tiċċaqlaq.  Meta tħossha hekk, il-fergħa toħroġ l-għeruq u x-xniexel minn dik il-parti li tkun tmiss mal-ħamrija.  Meta jgħaddi ż-żmien tkun tista’ taqta’ l-fergħa bix-xniexel b’kollox, u tħawwilha post ieħor biex ikollok siġra ġdida.  Imma kif għidna, illum d-dwieli jitnisslu l-aktar bil-biċċa – biċċiet li jissejħu żraġen.

X’aktarx it-triq li mill-Pwales tieħdok lejn il-Mellieħa (ritratt ta’ Bernard Agius / Joe Borg)

 

Novembru, ix-xahar tal-erwieħ (Bernard Agius)

(C) Ġużi Gatt