Ix-xahar tal-Ħsad.

Qegħdin insegwu, xahar b’xahar, il-kitba li dehret fil-“Kalendarju tal-Bidwi” li Soċjeta Agrarja ta’ Malta ħarġet għas-sena 1850.  Għax-xahar ta’ Mejju, l-Kalendarju rrepeta t-tagħrif li kien ta għax-xahar ta’ Mejju tas-sena ta’ qabel. Dan it-tagħrif m’għandniex għala noqgħodu nirrepetuh, għax nistgħu nsibuh HAWN.  Imma mbagħad nistgħu nagħtu ħarsa lejn il-qwiel li L-Kalendarju tana għas-sena 1850, u nitkellmu wkoll fuq l-osservazzjoni li għamel għal dik is-sena, għax din kienet interessanti daqs l-oħra li kien tana x-xahar ta’ qabel.

Kitba ta’ Ġużi Gatt

Proverbji għal Mejju:

Fiex int?, liż-żara’ jgħid Mejju,

Għax se naħsad mqar kont għadek plejju.

 

Mejju mirjieħ,

Bid-deni ittennieħ.

Fl-artiklu tax-xahar li għadda konna għidna li s-Soċjeta Agrarja kienet esperimentat bit-tkabbir tal-karawett biex dan jingħasar ħalli minnu jsir iż-żejt għax-xegħil.  Konna għidna li qabel ma saret komuni l-aċitilena, u qabel ma l-poplu tagħna sar jaf bil-pitrolju, ix-xiri taż-żejt taż-żebbuġa għax-xegħil tal-imsiebaħ u l-fanali kien piż kbir fuq il-but tan-nies u wkoll fuq l-ispiża tat-tmexxija tal-pajjiż.  Qegħdin nitkellmu fuq żmien meta l-bniedem kien għadu qed jitħabat biex ikollu ħajja aktar komda u, fost affarijiet oħra, ma jkollux għalfejn jissakkar f’daru u jidħol fis-sodda u jorqod hekk kif jaqa’ d-dlam tal-lejl, imma jkollu mezz kif idawwal id-dinja ta’ madwaru ħalli jirbaħ ftit ħin ieħor.   Kien hemm suq kbir għal dat-tip ta’ żejt għax-xegħil tal-imsiebaħ u l-fanali, għax kulħadd, sinjur u fqir, kien juża xi musbieħ.  Allura issa nistgħu nifhmu aħjar il-għala s-Soċjeta Agrarja, għall-ħabta tal-1845-47, kienet twebblet li minbarra li tkabbar il-pistaċċi tal-art, kif rajna x-xahar li għadda, tesperimenta wkoll bit-tkabbir tal-Kromb taż-Żejt.  Ejja naqraw ftit din l-osservazzjoni l-ewwel, imbagħad, aktar ‘l isfel, nagħmlu wkoll il-kummenti tagħna:

Osservazzjoni:

KROMB TAŻ-ŻEJT

Kromb taż-żejt – ravizzone – rapeseed

Il-Kromb taż-Żejt hu razza ta’ kromb illi fiż-żerriegħa tiegħu jinsab iż-żejt.  Din ix-xitla, mnissla ġa fil-parti tat-tramuntana tal-Ewropa, issir tajjeb fl-art tagħna; trid artijiet ħfief, u ftit xogħol. Tixrob bosta l-art, bħalma jagħmlu ix-xtieli l-oħra kollha taż-żerriegħa u fuq kollox dawk li għandhom fihom iż-żejt.  Għalhekk din ix-xitla m’għandhiex titħawwel fl-istess raba’ ħlief wara sitt snin – jekk trid tieħu rakkolta tajba.  Jagħti sittax b’wieħed, jew biex niftehmu aħjar, ħdax-il tomna in ċirka kull tomna raba’.  Iż-żerriegħa ta’ din ix-xitla tagħti żejt tlieta u tletin fil-mija, illi msewwi dan iż-żejt bl-ispirtu tal-vitrijol, jixgħel fl-imsiebaħ, u skont l-osservazzjoni tal-għaref Schubler, kull 43.8 koċċ minnu jdum jixgħel siegħa sħiħa.  Iservi mhux biss għax-xegħil dan iż-żejt, ‘ma wkoll biex jintagħmel is-sapun iswed, biex jissewwew il-ġlud u, iddistillat, joħroġ minnu dak li l-kimiċi jsejħulu idroġenu karbonatu, ħaġa li sservi għall-mixgħela tal-lampi, eċċ.  Dak li jibqa’ wara li tintaħan iż-żerriegħa jservi għat-tismin tal-bhejjem li dawn tant jagħmlu għaliha (din iż-żerriegħa mitħuna).  B’hekk jitħallsu l-ispejjeż tat-tħin tagħha.  Hedin l-istess xitla meta tkun għadha ħadra hi ukoll tajba għat-tmigħ tal-annimali.

Hedin ix-xitla ġiet maħduma fl-art tagħna fl-1846-47, u tat 4 siegħan u 8 kejliet kull tomna raba’.  Għalkemm dawn ix-xtieli kibru bil-qawwa tagħhom kollha, imma ftit imliet iż-żerriegħa tagħhom.  Għandu jkun li s-sena ma kinitx tajba għal dan il-kromb taż-żejt la darba tama ċkejkna tat ukoll fil-Ġermanja u fl-Ungerija, fejn bosta batiet mill-istaġun.  Meta mbagħad din ix-xitla reġgħet ġiet maħduma fis-sena ta’ wara, rrid ngħid fl-1847-48, ir-rakkolta li minnha ittieħdet kienet ta’ tnax-il tomna kull tomna raba’, rakkolta li sebqet lil dik ta’ pajjiżi oħra kollha.

Iż-żriegħ ta’ dan il-kromb jista’ jsir f’Settembru, jew fil-mixtliet, jew fil-bejtiet.  Jekk jinżera’ fil-mixtliet, jitħawwel imbagħad f’lok, bħalma jitħawwel il-kromb l-ieħor.  Jekk (jinżera’) fil-bejtiet tiegħu, ikollu allura l-bżonn li jkun irmundat, imbagħad jitnaqqa, u jitbarraġ kif imissu.  Għal Marzu joħroġ il-fjur, u ż-żerriegħa li mbagħad jagħmel tkun misjura għall-aħħar ta’ Mejju.

IL-KUMMENTI TAGĦNA

1. Diġa konna għidna li skont id-dizzjunarju ta’ Aquilina, “kromb” huma: vegitables of the nature of turnips, cabbages, and cauliflowers. Kelma aktar teknika u xjentifika għal dil-kategorija ta’ ħxejjex hi l-kelma Brassica.  Il-fiġel, il-ġdur, il-pastard, il-brokkli, il-kaboċċi, il-kaboċċi taz-zokk, kollha jiġu minn din il-familja, u l-bniedem jagħmel użu minnhom kollha għall-ikel.  Anke ż-żerriegħa tal-mustarda hi tal-istess speċi, u ukoll, kif għadna kemm rajna, dik iż-żerriegħa li l-Kalendarju qed isejjaħ kromb taż-żejt (bl-Ingliż Rapeseed). Ninnutaw ir-rieda tajba li l-Kalendarju kellu lejn l-ilsien Malti.  Kien jaf li bit-Taljan il-kromb taż-żejt kien ravazzone, u kien jaf li bil-Malti x’aktarx li ma kelllniex kelma għalih.  Imma ma qabadx u sejjaħlu “ravazzon”, imma ħaseb x’jista’ jsejjaħlu bil-Malti.  L-isem li ntagħżel jixhed ċertu għarfien xjentifiku dwar in-nisel ta’ din iż-żerriegħa.

2. Iż-żejt li joħroġ meta tagħsar il-kromb taż-żejt jrid jissewwa bl-ispirtu tal-vitrijol biex ikun tajjeb biex tixgħel l-imsiebaħ bih. Waħdu jkun għadu nhux “sewwa” għax-xegħil, allura trid tagħmlu “sewwa”.  Trid issewwih.  L-ispirtu tal-vitrijol jingħata bit-Taljan bħala acido solforico.  Il-vitrijol hu aċidu qawwi ħafna li jdewweb anke l-metal, u dari kien jintuża anke fis-sengħa tal-filugranu.  Joqrob lejn dak li ngħidulu “spirtu tal-melħ”.

3. Sal-lum għadna nikkustinjaw bejnietna fuq xi tfisser il-kelma koċċ. Jiena dejjem fhimt li koċċ hu ammont indefinit ta’ xi ħaġa:  tgħid “xtrajt koċċ ful”.  Minflok stajt għidt “xtrajt salt ful” jew “xtrajt qabda ful”. Ġieli ngħidu wkoll “Qbadt erba’ ħutiet mhux ħażin”, u nkunu nafu li mhux erbgħa qbadt imma iktar.  F’moħħi dejjem fhimt li koċċ iktar toqrob lejn il-kelma “ħafna” milli lejn il-kelma “ftit”.   Imma hawn min jifhimha mod ieħor.  Fid-dizzjunarju tiegħu Il-Miklem, Erin Serracino Inglott jgħid li koċċ ġejja mill-Isqalli cocciu, u tfisser un minimo di… Jiġifieri l-inqas parti ta’ xi ħaġa, u allura iktar ftit milli ħafna.

Issa fl-osservazzjoni hemm miktub li kull 48 koċċ minn dan iż-żejt tal-kromb idum jixgħel siegħa sħiħa.   Is-sabiħa hi li bit-Taljan hemm miktub 48 grani.   Meta tfittex il-kelma grano fil-mezzi tal-informazzjoni ta’ żmienna, issib li hi użata bħala unita di misura, jiġifieri bħala piż ta’ xi oġġett.  Dil-kelma x’aktarx ġejja mill-Ingliż grain, hi użata bħala piż fil-pajjiżi Anglosassoni, u  l-grano tiżen wieħed minn sebat elef ta’ libbra (1/7000), jew 64,79891 mikrogramma!  Hemm ċans li l-kelma koċċ daħlet fil-Malti oriġinarjament bit-tifsira ta’ dan il-piż żgħir.   Jien jidhirli li l-Kalendarju kien jaf din il-kelma bħala piż speċifiku li seta’ jitkejjel (il-grain li għadna kemm semmejna).  Imbagħad il-kelma ħarbet fil-lingwa bħalma ġieli taħrab xi ħaxixa ħażina fis-selvaġġ, u kulħadd użaha kif jifhem hu. Tikber u titgħallem.

Biex ma nħalluhiex barra nistgħu ngħidu wkoll li Alla jaħfirlu Anton F. Attard, fil-ktieb tiegħu Mill-Ħajja tal-Imgħoddi (1991) kiteb li l-bdiewa Għawdxin jużaw il-kelma kċuċ, u jgħidu “Ħa mmorru nagħmlu l-kċuċ” jew “se niżirgħu il-kċuċ” u din tkun tfisser li se jiżirgħu fil-bejtiet: jagħmlu bejta jew ħofra żgħira fl-art u jitfgħu ftit żerriegħa ġo fiha, jgħattu ż-żerriegħa bil-ħamrija imma mingħajr ma jordmu l-bejta għal kollox (paġna 41).  Tagħrif interessanti ħafna, imma xorta ma jgħiniex biex nifhmu n-nisel tal-kelma koċċ.

Naħseb li għandna noqgħodu fuq Erin Serracino Inglott u naċċettaw li koċċ ġejja mill-Isqalli cocciu, li tfisser ammont żgħir ta’ xi ħaġa[1] u dan l-ammont żgħir kellu wkoll piż magħruf.  Il-Kalendarju tal-Bidwi, fl-1850, donnu li kien jaf dan il-piż kemm kien; u donnu wkoll li dan il-piż kien 64,79891 mikrogramma.

Il-ħsad bil-minġel.  Ritratt ta’ Bernard Agius u Joe Borg

4. Tirmonda tfisser li tneħħi l-weraq u forsi wkoll xi friegħi li jidhrulek li huma żejda biex ix-xitla tissaħħaħ aktar.  F’dan il-każ, billi l-Kalendarju qed jirreferi għaż-żrigħ taż-żerriegħa fil-bejtiet, jekk fil-bejta tinbet aktar minn żerriegħa waħda, int tħalli biss dik l-aktar b’saħħitha fil-bejta u tneħħi l-oħrajn.  Tbarraġ tfisser li tgeddes il-ħamrija maz-zokk tax-xitla biex tgħin lix-xitla tħabbat wiċċha mal-elementi.  Ġejja mill-kelma borġ.

5. Dari, l-għamil tas-sapun ukoll kien biċċa xogħol importanti.  Innutaw li l-Kalendarju jgħid li miż-żejt li joħroġ mill-kromb taż-żejt jista’ jsir is-sapun l-iswed.  Il-bidwi Malti kien ikabbar il-ħaxixa tal-irmied, li minnha l-mara tad-dar kienet tagħmel il-lissija għall-ħasil tal-ħwejjeġ.  Fis-sena ta’ qabel, il-Kalendarju kien qalilna li s-sapun kien jista’ jsir anke mill-qoxra tal-lewża.  Ftit ftit kienu bdew deħlin il-fabbriki biex jagħmlu s-sapun kumerċjalment, u dawn x’aktarx li kienu jġibu l-ingredjenti minn barra.  Ngħidu aħna fl-24 ta’ Frar 1813, ċertu Gejtanu Pace, miż-Żejtun, u Austachio Bizza, Grieg mill-gżira ta’ Żante, iffirmaw ftehim bejniethom li bih Pace kellu joħroġ il-flus u jipprovdi l-post fiż-Żejtun, u Bizza kellu jġib mill-Greċja l-ingredjenti li hemm bżonn biex iwaqqfu bejniethom fabbrika tas-sapun.[2]    Imma jekk immorru aktar lura fiż-żmien, min jaf jekk dari f’Malta kienx hawn min jaf jagħmel is-sapun minn prodotti naturali li kien isib f’Malta stess?  Hawn xi ħadd jaf x’kien is-sapun l-iswed?  Bit-Taljan hemm biss sapone nero, u jidher li dan kien is-sapun li jintuża fil-pajjiżi orjentali, f’dak li aħna, kieku konna għadna nafu nitkellmu bil-Malti tajjeb, konna nsibuh bħala l-ħammiem – il-hammam – Turkish bath.

Is-sapun l-iswed – ritratt mill-internet

6. Mejju x-xahar tal-ħsad.  Biex naħsdu rridu l-minġel (sickle).  L-Imnieġel kien jagħmilhom il-ħaddied.  Minnhom kien hawn dawk magħmula għal min hu lemini, u dawk magħmula għal min hu xellugi.  Imma jekk int xellugi kont trid tordna minġel għalik għand il-ħaddied, għax ma kontx issib tixtri wieħed malajr.  Mhux il-ħaddieda kollha kienu jagħmlu l-imnieġel.  Ried ikun “ħaddied tal-għodda” – ħaddied li x’aktarx ma kienx mitfugħ fuq it-twieqi, l-bibien, ċappetti, rixtelli, eċċ., imma li kien jaqdi l-aktar lill-bdiewa u lill-ħaddiema tal-ġebel – jagħmel l-imnieġel, il-minġliet, ir-ronki, is-skieken, l-imgħażaq, xi krexxun, xi sikka ta’ moħriet, u hekk.  Ħaddied tal-Għodda magħruf kien Wenzu Formosa, Tal-Ħaddied, mill-Għarb, Għawdex, li kien jibgħat ħafna xogħol lejn Malta.  Xi bdiewa Maltin kienu jmorru x-xatt, jistennew l-Għawdxin ġejjin bid-dgħajjes tal-latini.  Fost l-affarijiet li l-Għawdxin kienu jniżżlu magħhom kien hemm l-għodda tar-raba’ magħmula għand il-ħaddied.  Malta kien hawn il-ħaddieda wkoll.  Il-Mosta kien hemm Indri u Ċikku (Frendo), żewġ ħaddieda armati kważi ħdejn xulxin.  Ċikku Frendo kien tgħallem ma’ ħaddied magħruf ħafna mir-Rabat, li n-nies kienu jsibuh bħala “l-Għażli”; is-Siġġiewi kien hemm Kola, magħruf anke għall-għodda tal-benneja, l-Imqabba kien hemm Ċensu, jgħidulu “Tal-Faċċata”, u oħrajn.

Mhux il-qamħ u x-xgħir biss jinħasdu bil-minġel.  Is-silla, l-ġulbiena, ż-żożfsa u l-widna wkoll.  Imma s-silla u l-widna jinħasdu meta jkunu għadhom ħodor, u jkunu ħajjin u iebsin u trid iżżomm lima fil-but u toqgħod il-ħin kollu ssinn il-minġel.  Imma l-qamħ u x-xgħir jinħasdu meta jkunu sofor u niexfa, u jekk il-minġel ma jkunx jaqta’ ħafna, tant aħjar, ħalli tkun tista’ bih tiġbed il-qamħ u dan jinqata’ mill-ewwel għaksa, jew taqla’ x-xitla mill-għeruq.

Ġużi Gatt (C)

[1] KOĊĊ, Erin Serracino Inglott, IL-MIKLEM,  Malta, 1975- 1987

[2] Riċerka personali tas-Sur Sergio Grech.