Il-ħames xahar tas-sena.

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com.

Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju tal-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Issa wasalna fil-ħames xahar tas-sena u se naraw x’għandu jagħmel il-bidwi, u x’jiġri fil-biedja f’dan ix-xahar.  Fl-aħħar nagħmlu wkoll il-kummenti tagħna:

MEJJU – IX-XAHAR TAL-ĦSAD

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 19.7 C.

Jiżhar: Iż-Żinżel, il-Basal, l-Għosfor, id-Dielja, ir-Rignu, il-Bajtar tal-Indja, il-Kappar, il-Pumakannella.

Issajjar:  Ix-Xgħir, iż-Żorba, il-Fażola, il-Lewż, il-Kromb, il-Berquq, iċ-Ċikkarda, iċ-Ċirasa, il-Kemmun, il-Ħjar, it-Tuffieħ t’Adam, il-Qara’ Twil, iċ-Ċiċri, il-Kożbor.

 

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Bagħli:

Jinżera’: Il-Qoton fir-raba’ tafli.

Jinġema’: il-Kemmun.

Jinħasad: Ix-Xgħir.

Tingħamel: Il-Qiegħa

Jindires: Ix-Xgħir.

 

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Saqwi:

Jitgħarras: Il-Brunġiel, il-Bżar Aħdar, il-Bżar Aħmar, il-Ħabaq, il-Qara’ Franċiż.

Tirmonda: id-Dielja.

 Jingħażqu: L-Agrumi.

 

Proverbji:

Mejju ħobż u sikkina,

Għaliex minn kollox jibda jagħtina.

 

Mejju bla riħ,

Il-biedja bla tifrigħ.

 

F’Mejju aħsad,

Mqar kien plejju.

 

Osservazzjoni:

Żewġ ħwejjeġ għandhom fuq kollox jitfittxu f’kull industrija; irrid ngħid – nefqa mill-inqas, u rebħ mill-iżjed; għal daqstant il-bdiewa għorrief għamlu bosta makkini biex jidirsu bihom minflok il-bhejjem: b’dawn il-makkini-derriesa d-dris isir b’inqas ħsara, b’inqas nefqa, u f’inqas żmien; u għaldaqstant huma bosta aħjar mill-qiegħa u l-bhejjem.  Dawn il-makkini huma ta’ żewġ kwalitajiet: waħda armata, ngħidu aħna, bil-kbir, u l-oħra biż-żgħir; jew waħda kbira u l-oħra żgħira.  L-ewlenija hi għal min għandu l-oqsma kbar taż-żara’, u l-oħra għal min għandu ftit.  Il-bdiewa tagħna jidirsu ż-żara’ b’riġlejn il-bhejjem u jonfqu tal-anqas 15-il irbiegħi f’kull modd tagħam: fejn jekk kienu jidirsu bil-makkini, in-nefqa kienet tkun wisq inqas.  Tassew li f’Malta u lanqas f’Għawdex  (ma) insibu oqsma kbar ta’ sid wieħed kif hemm barra, fejn huma il-makkini fuq imsemmija; imma tista’ ssir fil-kampanja kull tant waħda minn dawn il-makkini, f’lok l-aktar milħuqa min-nies kollha tal-gżejjer tagħna, fejn kulħadd kien ikun jista’ jieħu ż-żara’ li jkollu biex jidirsu.  L-aħjar fost il-makkini ċkejkna tad-dris kien ikun ir-romblu ta’ Gillom (bit-Taljan il cilindro di Guillaume): u fost il-makkini kbar dik magħmula minn Hoffmann tal-belt ta’ Nansi.  Din il-makkina kienet tista’ tkun imwaħħla ma’ mitħna tar-riħ, kif kellha ssir fl-Iżvezja; fejn il-makkina tad-dris titqiegħed taħt, u fuq (ikun hemm) il-mitħna.  Rota waħda ddawwar iż-żewġ makkini flimkien, jew waħda wara l-oħra kif wieħed ikun irid.  Fiż-żmien tal-ħsad ma jonqosx ir-riħ, li bil-qawwa tiegħu hu biżżejjed għat-tidwir tal-makkina li għidna.

IL-KUMMENTI TAGĦNA

Is-sabiħ ta’ dil-kitba hu li fuq paġna waħda hemm il-Malti, u fuq l-oħra hemm it-Taljan.  Allura nafu li:

  • Temperatura bejjinija: bit-Taljan tiġi temperatura media

 

  • Jiżhar l-għosfor. Din ix-xitla (safflower, Carthamus tinctorius) tagħti żerriegħa li tingħata lill-għasafar tan-namra.  Ma kinux jagħtuha lill-għasafar kollha, imma kienet tingħata żgur lil tal-għana u lil taż-żebbuġ.  Ma kinux jitimgħuhom minnha s-sena kollha għax kienet meqjusa qawwija wisq, u kien jingħad li l-għasafar jistgħu jagħmew jekk jingħataw iżżejjed minnha.  Fuq l-għosfor  Pietru Pawl Castagna, fil-ktieb tiegħu Lis-storia ta Malta bil-gzejer tahha, li ħareġ xi sittax-il sena wara li xxandar il-Kalendarju tagħna, jgħid hekk:

 

Jinżera’ fi Frar u jinġema’ f’Ġunju.  L-aktar li jirnexxi għal naħiet l-Mdina.  Iservi b’ikel għall-pinn u għall-pappagalli”.

Id-dizzjunarji tagħna ma jafux bil-kelma “pinn”.  Castagna jużaha aktar minn darba fil-ktieb tiegħu.  Il-loġika qisha tgħidlek li qed jgħid għall-ħamiem.

 

  • Iż-Żinżla kienet siġra magħrufa ħafna fi tfuliti – tal-anqas fir-raħal fejn trabbjt jien. Ma tkunx idea ħażina li kellha terġa’ tibda titħawwel f’xi postijiet.  Ħafna nies fi żmienna qatt ma semgħu biha.

 

  • Il-kelma Rignu ħallejtha bil-G mhux bil-Ġ, għax bit-Taljan hi mogħtija bħala Jiġifieri l-Kalendarju m’għandux f’moħħu dik ix-xitla li issa mpestat il-kampanja kollha Maltija u nafuha bħal x-xitla taż-żejt ir-riġnu (castor oil plant).   Mhux għal dik qed jgħid, imma għall-origano.  Dan l-aħħar hemm min qed jaqleb il-kelma origano għall-Malti bħala riegnu – li hi tajba wkoll.  Mela f’Mejju jiżhar ir-rignu/riegnu.  Tgħid kien jikber fis-selvaġġ, jew kien wiċċ ieħor tal-biedja Maltija?  Il-Kalendarju jgħid li f’Ġunju r-rignu jiżhar, u f’Awwissu jraħħas.  Qatt ma jagħtih max-xogħol tal-bidwi, imma jittrattah bħall-merqtux, in-nagħniegħ, il-klin, u l-bqija, u x’aktarx li kien jitkabbar fil-qsari.

 

  • Ninnutaw li meta l-kalendarju jgħid “bajtar” ikollu f’moħħu l-bajtar ta’ San Ġwann u s-siġra tat-tin. Meta jkollu f’moħħu l-bajtar tax-xewk jgħid “Bajtar tal-Indja”.

 

  • Iż-Żorba bit-Taljan f’dax-xahar ingħatat bħala ervo. F’xahar qabel tniżżlet bħala sorbo.  Nafu li ż-Żorba hi Sorbus domesticus – bl-Ingliż service tree.  F’pajjiżi oħra, mill-frott ta’ din is-siġra jsir il-ġamm, jingħasar il-meraq, u anke jsir għamla ta’ brandi.  F’Malta ħafna nies lanqas biss jafu li din is-siġra teżisti.  Din hi l-istampa tagħha meħuda mill-Wikipedia:

Skont tagħrif li ssib fuq l-internet din is-siġra issa ħarbet fis-selvaġġ, għalkemm mhix komuni, u hi protetta wkoll mil-liġi. Il-lista tas-siġar protetti mill-liġi hi din.

 

  • Pomodoro għall-Kalendarju hi “Tuffieħ t’Adam”. Minn hemm l-isem tħassar u sar “tadam”.  Fil-ktieb tiegħu li semmejna aktar ‘il fuq, u li ħareġ xi sittax-il sena wara l-Kalendarju tagħna, Pietru Pawl Castagna qal hekk fuq it-tadam:

 

Fi Frar u f’Ġunju jinżara’ t-tuffieħ ta’ Adam, u għalhekk insibu nixtruh matul is-sena kollha, daqqa bis-sitt soldi r-ratal u daqqa bis-sittax – in-nisel tiegħu ġej mill-Amerka – ma jridx bosta tisqija, iżda lanqas tant art niexfa – ivarja fil-kulur, fid-daqs, u fil-forma: wieħed lanġasi u l-ieħor gorbiebi – jagħti wisq f’Mejju u f’Awwissu.  Għandna wkoll it-tuffieħ t’Adam tal-fosdqa jew tal-Ingliżi, imnissel mill-Brażil, mill-Antilli u min-Nova Olanda – jinżara f’Marzu u jagħti f’Lulju – jittiekel nej, jew malli tibda tisfar il-fosdqa tiegħu. 

 

L-aġġettivi lanġasi u gerbiebi m’għandniex nitilfuhom. Interessanti wkoll li Castagna  juża l-kelma fosdqa għal dik li aħna ngħidulha qoxra.  Ta’ Castagna isbaħ.

 

  • Id-dizzjunarju ta’ Aquilina jgħid li “kromb” huma vegitables of the nature of turnips, cabbages, and cauliflowers. Fix-xahar t’April, il-Kalendarju tal-Bidwi għażel bejn il-“kromb tal-ġidra” (cavolo rapa) u l-“kromb tal-pastard” (cavolo fiore). Għax-xahar ta’ Mejju l-kalendarju għandu biss “kromb” u bit-Taljan jgħid li hu cavolo.  Fi żmienna ngħidu ġdur u pastard.

 

  • Jitgħarras: si trappiantano. Inti tkun qed TGĦARRAS kull darba li taqla’ ħaġa minn postha u tħawwilha x’imkien ieħor bit-tama li tieħu l-frott jew iż-żerriegħa.  Bl-Ingliż tgħid to transplant.  Qabel ma tgħarras int tkun x’aktarx żrajt iż-żerriegħa fil-ħammiela, imbagħad minn hemm qlajt ix-xitel u għarrasthom x’imkien ieħor.

 

Dan iwassalni għal ħsieb li jien, ngħid għalija, nsibu interessanti ferm:  Fil-ħammiela inti tibda biż-żerriegħa; u meta ż-żerriegħa tinbet u ssir xitla, int taqla’ x-xitla mill-ħammiela u tgħarrasha x’imkien ieħor.  Minflok żerriegħa jista’ jkollok il-basal ta’ xi xitla u, fil-fehma tiegħi, din xorta tgħodd bħala ħammiela; u meta mill-basla tikber xitla, int xorta tgħarras ix-xitla x’imkien ieħor.  Imma x-xitel jista’ jkun beda minn biċċa żokk, jew brokk, jew żarġuna, (cutting), mhux minn żerriegħa jew basla, u biex jikber ma tqigħedx ġo ħammiela imma ġo qasrija (bil-Malti għandna ngħidu qasrija u ma nużawx il-kelma Ingliża pot).  Ix-xitel li għadu qed jikber fil-qsari jitqiegħed ġo mixtla, bil-qsari kollha flimkien, u meta jkun kiber biżżejjed fil-qasrija, jitneħħa mill-mixtla u minn ġol-qasrija u jitgħarras x’imkien ieħor – ngħidu aħna ġo ġnien.  Meta l-ġnien ikun ġdid, u s-siġar ikunu għadhom kemm tħawlu fih, ngħidu li l-ġnien għadu għars.  Lejn l-Imqabba għad hemm post li l-Imqabbin jafuh bħala l-Għars. Xi darba kien tħawwel b’xi siġar ġodda.  Biex titkixxef aktar fuq id-differenza bejn, traħħas, tiżhar, tgħarras, eċċ. ara l-artiklu “Miż-żerrieħa saż-żerriegħa” li deher aktar qabel fuq dan is-sit (mill-ktieb Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni).

 

  • Jitgħarras il-Qara’ Franċiż. P. Castagna, fil-ktieb tiegħu Lis-storia ta’ Malta bil-gzejer tahha, isemmi dawn il-kwalitajiet ta’ qara’:

 

Il-Qara’ Aħmar jew Franċiż: (Dan jgħid li jinqasam bejn -) il-qara’ ta’ Napli, u l-qara’ ta’ Rotta.

Il-Qara’ Lanġasi: jiżirgħuh l-aktar biex iżejjen il-ġonna.

Il-Qara’ tat-Turbant: jew Ras it-Tork. Iġib qoxra iebsa u l-forma tiegħu hi wisq grazzjuża.

Il-Qara’ tat-Tabakk: Hu dak li għandu l-forma ta’ flixkun.

Il-Qara’ tal-Inbid: Hu l-istess bħall-lanġasi, li fih, meta jinxef, il-gabillotti tagħna jistgħu iżommu ż-żrieragħ.

Il-Qara’ Twil: Aktar ma jiddemmel u jissaqqa, aktar jagħti.

Il-Qara’ Xitwi: Fl-aħħarnett huwa wisq tajjeb, imgħolli jew moqli.

 

  • Tirmonda hi rimondare. Is-sens hu li tneħħi l-weraq u forsi wkoll xi friegħi tad-dielja li jidhrulek li huma żejda biex id-dielja ssaħħaħ aktar l-għenieqed tal-għeneb. P.P. Castagna jgħid li “Id-dielja msejħa miġnuna, u l-oħra żaqq in-nagħġa toħroġ darbtejn il-għeneb; darba fis-sajf mal-ieħor, u darb’oħra għal Novembru (dan l-għeneb ta’ Novembru) msemmi rċipp. Il-bżengul, qabel il-frott, jagħti l-merħ, bħat-tin.”

 

Dettalji bħal dawn m’għandhomx jintnesew.  Merħ sewwa sew hu frott li joħroġ barra minn żmienu, għalkemm m’inix ċert li Castagna ma kellux xi tifsira oħra f’moħħu.

 

  • Mejju jsajjar il-kożbor. Il-kożbor hu coriander għax, għarukaża, inkunu nafu l-kelma bl-Ingliż u bil-Malti nitħawdu.  Meta P.P. Castagna semma “ż-żrieragħ” li jkabbar il-bidwi Malti, qal hekk:

 

Iż-żrieragħ: Taħt dan l-isem aħna nieħdu l-ħlewwa, il-kemmun, il-kożbor, il-ġulġlien, l-għosfor, il-qaraboċċ, il-qannebusa, u l-kittien.

 

Fuq il-kożbor, imbagħad, qal hekk:

Il-kożbor imnissel mill-Italja, f’dawn il-gżejjer tagħna jintagħmel ftit wisq.  Jinżera’ u jinġema’ mal-ħlewwa, u jinbiegħ bis-sitta rbajja’ s-siegħ.

 

  • Mejju jsajjar ukoll iċ-ċikkarda. Din hawn min jgħidilha wkoll ċiċċarda.  Tixbaħ lill-favetta,  bl-Ingliż jgħidulha chickling vetch.   Tgħodd mal-ħemsi (bl-Ingliż pulses), u kienet titkabbar bħala magħlef għall-bhejjem, l-aktar għan-nagħaġ.

 

  • Il-kalendarju jsemmi l-Agrumi. Illum ngħidu siġar taċ-Ċitru.

 

  • Gustuża l-osservazzjoni fuq il-makkini-derriesa. Il-qiegħa baqgħet issir sas-snin sittin tas-seklu l-ieħor.  Fis-snin sebgħin kienu saru komuni l-magni tad-dris.  Illum hawn ħafna min “dris” u “tidres” ma jafux x’jiġifier.  Għarukaża.

Ritratt mill-internet.  Fir-ritratt jidhru John, Marie, u Martha Juhnke fuq magna tad-dris għall-ħabta tal-1934. Il-familja Juhnke kienet tgħix f’Kansas, l-Amerka. http://www.juhnke.com/family/thankful.htm

Il-qiegħa l-aħjar li ssir fuq raba’ BAJJAD, b’ħamrija bajdanija.  L-ewwel irridu NDAWRU L-QIEGĦA billi xi ħadd joqgħod fin-nofs, iżomm tarf ta’ ħabel f’idu, u  xi ħadd ieħor jaqbad it-tarf l-ieħor tal-ħabel, jorbtu mal-marloġġ tal-imgħażqa, u bl-imgħażqa jimmarka ċirku fil-ħamrija billi jdur dawra mejt ma sieħbu li jkun qed iżomm il-ħabel stirat.  Il-ħamrija ta’ ġewwa ċ-ċirku rridu NRAQQUHA billi nneħħu kemm jista’ jkun mill-ġebel li jkun fiha.  Imbagħad irridu nxarrbu l-ħamrija bl-ilma, u nxerrdu u nifirxu fuqha s-SIFA li nkunu ġibna magħna.  Is-sifa hi dak ix-xagħar rqiq, wieqaf u twil, qisu lanżit, li jkun hemm mas-sbula tal-qamħ u tax-xgħir.  Meta nferrxu din is-sifa fuq il-ħamrija mxarrba, imbagħad ngħaddu għal darba tnejn tlieta minn fuq il-ħamrija mxarrba u niġbdu warajna ROMBLU TAL-QIEGĦA, il-ħamrija titballat, u jekk inħalluha tinxef, il-ħamrija tibbies sewwa.  Is-sifa twaħħal ħafna, teħel anke ma ħwejġek, u bis-sifa mħallta mal-ħamrija,  l-art tintrabat u tissoda.  F’Ġunju, meta kienet issir dil-biċċa xogħol, kellha ħabta tagħmel xi ħalba xita li tgħin xi ftit lill-bidwi biex jagħmel il-qiegħa.  Kienu jgħidulha XITA TAL-QIGĦAN.

 Il-kelma “sifa” għandha tingħad bl-ewwel vokali maħtufa, jiġifieri mhux “sijfa” imma sifa biex taqbel mal-kelma difa, jew nisa, jew biża’.

Il-Qiegħa

 

(C) Ġużi Gatt