Ix-xahar tar-Raħs

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com

Qed inġibu xahar b’xahar dak li qal Il-Kalendarju tal-Bidwi li ħarġet is-Societa Agraria għas-sena 1850.  Għal Marzu ta’ dik is-sena, l-Kalendarju rrepeta kelma b’kelma dak li qal li kellu jsir fil-biedja f’dak l-istess ix-xahar is-sena ta’ qabel, jiġifieri l-1849.  Dan it-tagħrif tas-sena ta’ qabel nistgħu nsibuh hawnhekk.  Imma f’Marzu tal-1850 il-Kalendarju tagħna qwiel ġodda, li qegħdin hawn taħt, u f’dan ix-xahar nistgħu inkomplu wkoll l-osservazzjoni tal-Kalendarju fuq it-tkabbir tal-patata, li l-ewwel u t-tieni parti tagħha tajniehom fix-xahrejn li għaddew.

Proverbji għal Marzu:

Iż-żahar fil-berwieq, u t-tewm bla taħsir,

Tama qawwija li l-biedja tkun bl-ebda titkir.

 

Meta l-kelb jitmiegħek, u l-ħmar jimraħ,

Jew irwiefen ittenna, jew bix-xita għandek tifraħ.

Mel’issa nistgħu nkomplu l-osservazzjoni fuq it-tkabbir tal-patata. Din is-silta li qed inġibu għax-xahar ta’ Marzu hi l-aħħar parti, u biha nagħlqu t-tagħrif kollu li tana l-Kalendarju fuq it-tkabbir tal-patata, dejjem skont l-għerf li kellhom il-bdiewa tagħna fl-1850.  Iktar ‘l isfel ikollna l-kummenti tagħna, u nagħtukom ukoll xi tagħrif fuq l-awtur ta’ din il-kitba:

Osservazzjoni:

  1. Kif kulħadd jaf mill-esperjenza, għamil il-patata jkun aktar jew inqas abbundanti skont il-kwalita u l-qawwa tagħha. Jenħtieġ għalhekk bosta attenzjoni fl-għażil tal-patata taż-żrigħ – irrid ngħid li tkun sħiħa u mingħajr ebda taħsir.
  1. Illi l-patata għandha tinġama’ mill-art meta tkun ġa misjura, il-ħatab tagħha musfar, u mitluq weraqha. Hemm bżonn li wieħed joqgħod attent li fil-qligħ tagħha ma tintmessx jew tinġeraħ bl-imgħażqa, għaliex deni kbir iġibilha – irrid ngħid titħassar u tintilef. Għalhekk ikun wisq tajjeb li l–patata mimsusa jew miġruħa ma titħalliex mas-sħiħa, biex din tibqa’ dejjem tajba u bla taħsir.
  1. Illi biex terfa’ tajjeb il-patata maqlugħa, hemm bżonn li tħalliha kollha kif tkun għal xi żmien fl-art biex tieħu ftit tal-ajru, sa kemm tara mixrub l-umdu kollu tagħha.
  1. Illi mill-għalqa għad-dar għandha tittieħed fi qfief u mhux fi xkejjer, kif xi wħud jagħmlu, u jekk il-qfief ikunu minn ġewwa mdawrin b’tiben jew ċraret, wisq aħjar. Biex hekk tiskansaha tant kemm tista’ mil-istrapazz li jġibilha tant kbir deni għar-rfigħ tagħha.
  1. Illi l-patata, hekk kif semmejna miġjuba mill-għalqa għad-dar, għandek tqiegħda f’xi kamra niexfa, u minn kullimkien magħluqa, u tferrixha saff fuq saff fuq it-tiben għal għoli ta’ xi xiber u nofs l-iżjed, fejn bl-arja tal-kamra ssir u titjieb kemm imissha u jmurilha it-tanf tagħha (diminuisce la sua viscosita). Hu wisq tajjeb li kultant tagħtiha ftit tal-ajru billi tiftaħ għall-ħabta ta’ filgħaxija l-bwieb u t-twieqi tal-kamra, biex tkeċċi dik ir-riħa ħażina illi ġġibilha l-fermentazzjoni (che produce la sua fermentazzjoni).

Hu wisq ta’ min ifaħħru għall-vantaġġi tiegħu l-mod li bih id-Direttur tal-ġardin ta’ Sant’Anton, is-Sur Pawlinu Pulis, jaħdem il-patata.  Dan tarawh jiżragħha ġol-ħofor żgħar, miġbudin dritt, bħall-ħofor tal-bħajra tagħna; bogħod waħda mill-oħra xi tlett ixbar; fejn jibda mal-għażiq jerfa’ u jgħaddas it-trab sakemm iġibu bħall-bank tal-għażiq tagħna (minflok il-kelma “għażiq” hemm miktub “ugħażi”, imma naħseb li hu xi żball.  It-Taljan ma għeni xejn, għax il-verżjoni bil-Malti mhix kelma b’kelma mat-Taljan).  U hekk jagħti l-wisa’ lix-xitla tal-patata li tista’ tmidd kemm trid għeruqha li minnhom għandu joħroġ il-frott.

Il-vantaġġi u l-qligħ li tħalli din il-prattika tas-Sur Pulis li, kif nifhem, ħadha u tgħallimha mis-sid stess ta’ Sant’Anton, is-Sur Gvernatur tagħna, huma dawn li se nsemmi:

    1. Inqas ħela fiż-żrigħ tagħha.
    2. Frott iktar abbundanti.
    3. Irpar aktar kontra l-qilla tal-istaġuni.
    4. Aktar kumdita fix-xogħol kollu li tenħtieġ, u fl-aħħarnett,
    5. Il-vantaġġ li tista’ tiżragħha darbtejn fis-sena – issa ngħidu aħna fuq il-banki, u issa qalb il-banki, f’żewġ bnadi diversi.

(Mill-memorja fuq ix-xogħol tal-patata tas-Sur Dr. D. Celestin Camilleri)

IL-KUMMENTI TAGĦNA

  • Dun Ċelestinu Camilleri (1795-1881). Xi snin ilu, Sergio Grech kien ġabar it-tagħrif kollu magħruf sa dak iż-żmien fuq din il-figura interessanti li kienet tgħix Malta fis-seklu dsatax, u ippubblikah f’artiklu fis-Sagħtar (Jannar 2014, Nru 339).  Dun Ċelestin kien botanista u awtur ta’ għadd ta’ pubblikazzjonijiet interessanti fuq il-biedja.  Il-kotba tiegħu jinkludu Degli Alberi Fruttiferi del Gruppo di Malta li kien manwal bikri dwar is-siġar tal-frott adatti għall-gżejjer Maltin. Camilleri interessa ruħu wkoll fit-trobbija tan-naħal. Is-Società Economico Agraria twaqqfet fl-1844, u jidher li Camilleri nnifsu kien attiv ħafna fi ħdan din l-għaqda (għal xi żmien kien anke l-President tagħha), u nissuspetta li ħafna mill-kitba li dehret fil-Kalendarju tal-Bidwi fis-sentejn li ħareġ bil-Malti kienet kitba tiegħu, anke meta ismu ma jissemmiex.  Fost l-interessi tiegħu kien hemm ukoll it-tkabbir tal-patata li jidher li hu nnifsu kien involut f’din l-intrapriża. Dun Ċelestin kien ukoll dak li bis-saħħa tiegħu nġieb il-“korp sant” ta’ San Ċelestinu fil-knisja parrokkjali tal-Qrendi.

 

  • Id-dizzjunarju ta’ Aquilina jaf bil-kelma TANF. Jikkwota lil Mikiel Anton Vassalli fuqha, u jgħid li ġejja mit-Taljan tanfo – li tfisser riħa tinten, intiena, nasty smell.  Erin Serracino-Inglott, fil-Miklem, jsemmi lil Vassallo wkoll, anzi jgħid li Vassalli biss isemmi din il-kelma u qal li hu, jiġifieri Serracino-Inglott “Qatt ma smajtha tingħad kelma hekk”.  Dan qisu jkompli jikkonferma li t-terminoloġija tal-Kalendarju tal-Bidwi tal-1849-50 qatt m’għaddiet minn taħt għajnejn la Aquilina u lanqas Erin Serracino-Inglott.

Fejn fil-Malti hemm miktub “imurilha it-tanf tagħha, bit-Taljan fil-Kalendarju hemm miktub diminuisce la sua viscosita.  Mikiel Anton Vassalli qal li l-kelma tfisser  “pesante a sgradevole odore di rinchiuso o di muffa”.  Mhux qegħdin ‘il bogħod, imma kif użata minn Dr. Celestino Camilleri, mija u sebgħin sena ilu, it-tifsira hi ferm aktar artikolata u preċiża milli jagħtu d-dizzjunarji tagħna.  It-tanf hi dik ir-rieħa ta’ umdita u għeluq li fiha, l-affarijiet jistgħu jimmuffawlek.  Tikber u titgħallem.

  • Wieħed mill-qwiel ta’ Marzu jsemmi t-“tama qawwija li l-biedja tkun bla titkir.” Jien naqbel ma dawk li jħossu li dil-kelma hi xi ftit dubjuża – ara ngħidu aħna x’qal fuqha Erin Serracino-Inglott fil-Miklem. Is-soltu jingħad li din il-kelma l-ewwel ma semmiha kien Patri Manwel Magri fil-kitba tiegħu “L-Għerf bla miktub” (1925).  Fil-Kalendarju tal-Bidwi tal-1850 insibu dil-kelma miktuba madwar ħamsa u sebgħin sena qabel ma semmiha Patri Magri.  Kull min hu dilettant tal-biedja żgur sema’ bit-tidkir.  It-tidkir hi biċċa xogħol importantissima li jagħmlu l-insetti meta jdakkru l-fjuri nisa bl-għabra tad-dakra mill-fjuri rġiel biex il-frott ikun jista’ jsir sewwa.  Imma fil-Malti mitkellem dil-kelma ġieli ntużat ukoll f’sens negattiv.  Ngħidu aħna nannti Katerin, Alla jaħfrilha, kienet tirrabja ħafna meta kienet tiekol xi qarabagħlija li tkun qatgħet hi stess mill-għalqa u ttigħemha morra.  Kienet tgħid: “il-farfett dakkarhieli!”  Meta xi prodotti tal-istess speċi botanika jkunu miżrugħin qrib xulxin, l-insetti ġieli dakkru fejn ma kellhomx bżonn idakkru, imma dak ikun tort tal-bidwi li ma qassmax ir-raba’ sew.  Jista’  jkun, (għalkemm ma naħsibx li hu hekk), li fil-qawl t’hawn fuq, il-kelma titkir trid tiġi tidkir.  Imma l-qawl qed juri t-tama li l-biedja tkun bla difetti jew problemi, u t-tidkir żgur mhux difett.   Hemm ċans li titkir ġejja minn xi għerq ieħor li għalissa għadna ma sibniex tarfu: T-K-R.  Nistennew u naraw.

 

  • Is-sena l-oħra konna lmentajna mill-fatt li ċerti Maltin li l-ħakma tagħhom fuq ilsienna bdiet tmajna, qed jużaw il-kelma “ħsad” kulfejn fl-Ingliż (għax dawn f’moħħhom bl-Ingliż biss jaħsbu) ikun hemm il-kelma harvest. Ġibna l-eżempju li xi għaref kiteb “il-ħsad tal-melħ!” meta kien qed jikteb fuq is-salini.  Dan m’għandux ikun u, fil-Malti, il-kelma tiddependi minn fuq liema uċuh tar-raba’ qed nitkellmu.  Fil-kitba tal-Kalendarju, il-patata tinqala’ u tinġema’.  It-tnejn tajbin.  L-għeneb jinqata’; Il-ħlewwa tinġabar, il-pitravi tinqala’, l-għosfor  Il-qamħ, ix-xgħir, u s-silla tinħasad, imbagħad il-qamħ u x-xgħir jindirsu.  Il-melħ jinġabar u qatt ma jinħasad, għax il-ħsad hu ta’ dak biss li taħsad bil-minġel.  Imma diffiċli biex tfiehem lil ċerti nies.

Ritratt meħud mill-paġna tal-Face Book ta’ Joseph Farrugia

(C) Ġużi Gatt