Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com

Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju għall-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Għal kull xahar, il-kalendarju jgħid x’għandu jinżera’ u jitħawwel u x-xogħol li jrid isir fir-raba’, u kull xahar kellu wkoll dik li jsejħilha “Osservazzjoni”, b’kummenti ħelwin u interessanti. Din id-darba qed inġibu x’qal il-Kalendarju għax-xahar ta’ Marzu 1849.  Aktar ‘l isfel nagħtu wkol il-kummenti tagħna.

MARZU – IX-XAHAR TAR-RAĦS

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 14.5 C.

Iraħħas: Il-Berquq Xandri, l-Ispraġ, il-Kappar, il-Bajtar, il-Ħawħ, il-Klin, ir-Rand, iż-Żnuber, il-Lanġas, id-Dielja, il-Pumakannella, it-Tut, l-Ixkomp, il-Prajn, il-Ħarrub, il-Patata ta’ Ġerusalemm, il-Qoton.

Tiżhar: Il-Lumi tal-Kuruna, il-Larinġ, ir-Rand, Fomm il-Lipp, il-Lanġas, it-Tuffieħ ta’ Belludja, il-Widna, il-Prajn, is-Silla, ix-Xgħir, il-Palm, il-Budebbus.

Issajjar:  Il-Lumi, il-Ful, il-Piżelli.

 

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Bagħli:

Tinżera’: Il-Ħlewwa, il-Ħaxixa tal-Irmied, it-Tomnija, il-Pitravi, il-Fażola, il-Qamħ-ir-rum, il-Bħajra, il-Qoton, il-Ġunġlien.

Jitgħarras:  It-Tabakk.

Jitnaqqa: Il-Kromb, il-Kemmun, il-Ħlewwa tar-Romagna.

 

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Saqwi u fil-Ġonna:

Jinżara’:  Il-Larinġ, iċ-Ċitrat, il-Pananass, il-Ħabaq, il-Bżar Aħdar.

Jitgħarras: Il-Brunġiel.

Jinżabar u jitlaqqam: iż-Żebbuġ.

Jofqos:  Id-Dud tal-Ħarir.

 

Proverbji:

Meta jidher il-Busuf, u l-farfett jibda jittajjar,

l-art tkun saħnet, u l-uċuħ taqbeż kollha nwar.

 

Marzu bl-ilma xebgħan

Itella’ kbira, u gozz ikbar ikun tat-tagħam.

 

Ix-xita fi ħruġ Marzu u dħul April,

Għall-bidwi hi karru deheb fin.  (Ara, hawn taħt, in-nota li għamel il-kalendarju)

Nota: Il-proverbji huma aktar antiki mill-kalendarju tal-lum, li kien magħmul minn San Gregorju Magnu.  Bejn dawn il-kalendarji hemm tlettax-il ġurnata: jiġifieri meta jkollna tlettax mix-xahar, fl-antik kien ikun l-ewwel tax-xahar.  Għaldaqstant, iż-żminijiet imsemmija fil-proverbji għandhom jinftiehmu tlettax-il-ġurata wara.

Osservazzjoni:

  1. Illi t-trobbija tad-dud tal-ħarir tmur tajjeb hawn Malta ħadd ma jista’ jiċħdu. Mill-provi li saru minn żmien ilu sal-lum aħna rajna li din il-ħaġa tirnexxi tajjeb f’din l-art tagħna.  Fatt wieħed jista’ jaqta’ qalb lil min, fuq fuq, josservah.  Fis-sena 1837 kien trabba’ n-naħa tal-Mdina, sew sewwa fil-Buskett, dan id-dud bi kbira kwantita, u xejn f’din is-sena ma rnexxa.  Dan ġie għax it-temp ma ssessaq xejn għal żmien twil; u hekk min marad, u kien miet: ħaġa tal-ebda għaġeb għax kull ħaġa li tiddependi mill-istaġun dan jista’ jiġrilha.  Ma dak li deher wara dan il-fatt għandu jurina li meta din it-trobbija tad-dud saret fi kwantita ċkejkna, irnexxiet wisq tajjeb, u l-mewt f’dan id-dud ma kienet qatt ta’ min iqisha. Il-ħarir li ta’ dan id-dud f’Malta, ġie stmat minn min jifhem, mill-aħjar.  U jekk ma jisboqx fil-kwalita tiegħu lil ta’ barra, hu tal-anqas bħalu.  Is-siġar taċ-ċewsi (ċawsli) li bil-weraq tiegħu jitmantna dan id-dud, isir wisq tajjeb f’Malta u f’Għawdex; kif ukoll iċ-ċewsi tal-Filippini illi jarmi qabel iċ-ċewsi l-ieħor; u hekk kienet tkun ħaġa bosta tajba jekk din is-siġra taċ-ċewsi titnissel wisq fl-art tagħna, la darba b’weraqha jista’ jitrabba dan id-dud kif jofqos.  It-trobbija ta’ dan id-dud ma żżommx warajha l-mara tad-dar aktar minn xahrejn; u l-qliegħ li tħalli mhux ċkejken, mingħajr xejn wieħed ma jitlef mill-faċendi kollha tad-dar.

 

  1. Iż-żbir tas-siġar taż-żebbuġ m’għandux isir qabel ma jibda jagħmel il-frott. Din iż-żabra għandha tingħamel kull erba’ snin; u fiha għandhom biss jinqatgħu il-friegħi niexfa, u dawk li huma żejdin għall-frott u li jilqgħu li r-raġġi tax-xemx ma jidħlux mas-siġra kollha. Sena qabel din iż-żabra għandhom jitbażżru.

 

IL-KUMMENTI TAGĦNA:

Billi fuq paġna waħda hemm il-Malti, u fuq l-oħra hemm it-Taljan, nafu li:

Temperatura bejjinija: bit-Taljan tiġi temperatura media

Raħs hi frondescenza, il-ħruġ ta’ weraq ġdid.  Kemm meta tinża’ fix-xitwa, u kemm meta ma tinżax, kull siġra taħseb biex f’xi żmien tas-sena ttella’ xi weraq ġdid.  F’dak iż-żmien ngħidu li s-siġra qed traħħas.  Ir-raħs huma leaf buds.

 Jitgħarras: si trappiantano.  Inti tkun qed TGĦARRAS kull darba li taqla’ ħaġa minn postha u tħawwilha x’imkien ieħor bit-tama li tieħu l-frott jew iż-żerriegħa.  Bl-Ingliż tgħid to transplant.  Biex titkixxef aktar fuq id-differenza bejn, traħħas, tiżhar, tgħarras, eċċ. ara l-artiklu “Miż-żerrieħa saż-żerriegħa” li deher aktar qabel fuq dan is-sit (mill-ktieb: Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni).

Il-berquq Xandri bit-Taljan hu albicocco alessandrino

Xkomp hu limone.  Ara wkoll in-nota li hemm għax-xahar ta’ Frar.  Ma toħroġx ċara d-differenza bejn xkomp u lumi.  It-tnejn jissemmew matul is-sena u t-tnejn huma limone bit-Taljan.  Skomp m’huwiex lime, għax dan hu mogħti bħala lumiċell.

Il-Pumakannella ssemmiet anke f’Jannar imma ħallejniha għaddejja.  Bit-Taljan ingħatat bħala pomocannella.  L-internet iddiriġietni lejn il-Franċiż: pomme cannelle, li bl-Ingliż ġiet sugar-apple, il-frotta ta’ Annona squamosa li mid-dehra ġejja mill-familja ta’ AnnonaceaeFil-Kalendarju tissemma diversi drabi matul is-sena. Din hi l-istampa tagħha meħuda mill-Wikipedia.

Il-Patata ta’ Ġerusalemm bit-Taljan ingħatat bħala pero di terra.  Mit-test bit-Taljan li kien hemm fl-osservazzjoni għax-xahar ta’ Frar jirriżulta li din hi Patata del Canada. Imma billi fl-osservazzjoni ta’ Frar, ma’ dil-“patata ta’ Ġerusalemm” twaħħad ukoll l-isem “topinambur”, x’aktarx li hawnhekk il-Kalendarju qed jirreferi għal dak li llum nafuh bħala “artiċokks”.

Fomm il-Lipp hu nespolo imma nnutaw li l-Kalendarju jaf x’inhu n-naspli wkoll, għax dan issemma f’xhur oħra.  In-naspli bit-Taljan hi nespolo del Giappone, Fomm il-Lip ingħata bħala nespolo biss. Erin Serracino Inglott, fid-dizzjunarju tiegħu Il-Miklem jgħid hekk fuq is-siġra msejħa Fomm il-Lipp: xitla msaġġra tal-ġens rasaceae; b’zokk bix-xewk, meta tkun salvaġġa, b’weraq tawwali, mdarras u bil-ponta tniggeż; tagħmel ward kbir abjad, u f’April frott qisu naspli, lewn is-sadid; jittiekel, iżda għandu togħma ta’ ħadid, komuni f’Għawdex; tissejjaħ ukoll “naspli Ġermaniża”: Mespilus germanica. Dis-siġra hi waħda mis-siġar protetti ta’ Malta.

It-Tomnija hawnhekk hi frumento  marzaiuolo, imma ara n-nota li dehret għax-xahar ta’ Frar. Il-bidwi Malti dari kellu żewġ kwalitajiet ta’ qamħ: Kien hawn min kien jafhom bħala qamħ abjad u qamħ iswed, u kien hawn min isejħilhom qamħ isfar u qamħ aħmar.  Il-qamħ l-isfar jew l-abjad il-Kalendarju jafu bħala Qamħ Majjorkin.  L-Aħmar jew l-iswed jissemma dejjem bħala t-Tomnija.  Imma ara wkoll il-kumment tagħna għax-xahar ta’ Frar.

Iċ-ċitrat hu cedriolo.  Din ma sibtiex fl-internet u ma nemminx li l-Kalendarju qed jirreferi għal cetriolo – li hu ħjar.  Il-ħjar il-Kalendarju jgħid li hu ħjar, u bit-Taljan Citriolo.  Imma fuq din ukoll ara n-noti għax-xahar ta’ Frar.

Il-Pananas hu Pananasso.  Illum il-kelma pananasso m’għadiex tintuża, lanqas mit-Taljan, u jingħad Ananas.  Bl-Ingliż Pineapple.  Il-Kalendarju jgħid li din “tinżera’” f’Marzu.  It-tagħrif modern li ssib illum jgħidlek li l-ananas titnissel bil-biċċa – billi tieħu u tgħarras il-ġummiena ta’ fuq; u ż-żerriegħa tintuża biss għall-isperimentazzjoni ta’ varjetajiet ġodda.  Il-Kalendarju jagħtik x’tifhem li l-ananas kienet “tinżera’” f’Malta.  Għaddieli minn rasi li billi l-Kalendarju kien oriġinarjament bit-Taljan, dan ħa xi tagħrif li kien jgħodd biss għall-Italja, u qalbu għall-Malti.  Għidt f’qalbi li forsi dan jgħodd ukoll għall-pumakannella.  Imma l-Kalendarju jurik kontinwament li kien mgħarraf tajjeb fuq il-biedja Maltija,  u l-kitba bil-Malti qatt ma kienet kalk, jew kelma b’kelma, tat-Taljan, imma Malti tajjeb u idjomatiku.  Hekk jew hekk, anke jekk l-ananas kien jitkabbar l-Italja, dan juri li m’hemm l-ebda raġuni għax m’għandux iseħħ ukoll f’Malta.  Kif se naraw ‘il quddiem, il-Kalendarju jsemmi uċuħ oħra li għalina llum huma ftit strambi.  Ngħidu aħna għax-xahar ta’ Settembru, bħala parti minn xogħol il-bidwi fir-raba’ saqwi, isemmi li “jitħawwel il-basal taż-żagħfran”.   U dan minbarra li f’xhur oħra jissemmew il-bqajla (spinaċi), l-ispraġ, il-Ħaxixa tal-Irmied, u l-Bamja, kollha wċuħ li għal xi żmien kienu ntnesew.

Fl-osservazzjoni hemm miktub li t-trobbija tad-dud tal-ħarir darba minnhom marret ħażin għax dik is-sena t-temp “ma ssessaq xejn”.  Bit-Taljan din ġiet spjegata bħala le brusche oscillazioni di temperatura atmosferica.  Għadni ma nistax naqbad art il-kelma “issessaq” minn fejn ġejja.  Is-sens jidher li hu li dik is-sena t-temp mar minn estrem għall-ieħor u ma qalibx mill-bard għas-sħana b’mod irpużat – speċi ta’ ma “stegerjax” ruħu sew!  Kelma interessanti ħafna, u nieħdu gost nisimgħu opinjonijiet oħra.

Il-Kalendarju l-ħin kollu jagħmel distinzjoni bejn tbażżar u ddemmel.  Tal-ewwel hi concimare, tat-tieni letame. Il-kalendarju juża l-kelma DEMEL u TIDMIL ukoll.  Fil-kitba tidher ċerta konsistenza: Tbażżar tfisser tiffertilizza (concimare), u ddemmel tirreferi dejjem għad-demel tal-bhejjem (letame).  Wara kollox, il-fertilizzant jista’ jkun ukoll PUTASSA (potash) li m’hijiex demel tal-bhejjem imma tiġi mill-fdalijiet tal-ħxejjex.  Demel hu manure, u bżar hu fertilizer. Fi tfuliti niftakar il-laqam ta’ ċerta familja: Ta’ Bażża’ l-art.  X’aktarx li kien “Ta’ Bażżar l-art”.

Fuq il-Ħaxixa tal-Irmied nitkellmu aktar tard, jiġifieri f’dak ix-xahar meta l-kalendarju jgħid li kienet “tinħaraq il-ħaxixa tal-irmied”.

Traħħas tfisser li s-siġra tibda toħroġ il-weraq il-ġdid.  Meta l-kalendarju jgħid li f’Marzu jraħħas “il-bajtar”, għandu f’rasu l-bajtar ta’ San Ġwann mhux il-bajtar tax-xewk.  Bit-Taljan hemm “fico”.  Ta’ min jgħid li anke l-qawl “jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu” kien qed jirrefieri għas-siġra u l-frotta tat-tin, mhux tal-bajtar tax-xewk.  Xi darba, il-bajtar tax-xewk kien xi ħaġa ġdida għal Malta – ġie wara Kolombu u s-sejba tal-Amerka.  It-Taljani sejħulu fico d’India.  Allura l-Maltin ħadu l-kelma fico li għalihom (u għat-Taljani) kienet dik li bl-Ingliż hi fig, u qalbuha għal bajtra għax dik kienet l-aktar kelma komuni għal fig fil-Malti ta’ dak iż-żmien.  Meta l-Kalendarju jkollu f’moħħu l-bajtar tax-xewk, isejjaħlu “l-Bajtar tal-Indja”, kif se naraw meta naslu fix-xahar t’April.  Ommi, Alla jaħfrilha, kienet tuża spiss l-espressjoni: “weraq ta’ gindja”, fejn “gindja” hi taħsira ta’ Indja.

F’Marzu jiżhar il-Prajnpruno spinoso.  Bit-Taljan tal-lum dan hu magħruf bħala prugnolo selvatico u Prunus spinosa hu l-isem bil-Latin.  In-naturalista magħruf Alfred Baldacchino għarrafni li f’Malta għandna din is-siġra fis-selvaġġ u nafuha bħala “Prajn tax-Xewk” – li wkoll hi siġra protetta u tissemma fil-lista li tajna aktar ‘il fuq.  Fuqha tista’ tlaqqam xi frott irqiq – frott li daż-żmien x’aktarx jitlaqqam iktar fuq il-lewż.  B’danakollu, is-siġra tal-prajn, jew pruna, kienet magħrufa ħafna dari, l-aktar dik il-varjeta ta’ prun li tissejjaħ “Settembrina”.  Skont missieri Ġanni Gatt, din il-frotta kienet imfittxija ħafna, u kienet titkabbar l-aktar fin-naħat ta’ fuq ta’ Malta, u fil-gżira t’Għawdex.  Hawnhekk qed nirreferu għas-settembrina li hi siġra tal-prajn, mhux dik ix-xitla l-oħra Aster squamatus.

(c) Ġużi Gatt