Ix-xahar tal-Għomma.

Kitba ta’ Ġużi Gatt.

Bdejna t-tieni nofs tas-sena.  F’din is-sensiela ta’ artikli, qed inġibu xahar b’xahar, dak li hemm miktub fil-Kalendarju tal-Bidwi li s-Societa Agraria ta’ Malta kienet ħarġet għas-sena 1850.  Il-Kalendarju kellu paġna bit-Taljan, u paġna bil-Malti.  Is-sena l-oħra konna ġibna x’hemm fil-Kalendarju għal Lulju tal-1849, u dil-kitba wieħed jista’ jsibha HAWN.  Għal Lulju 1850 il-Kalendarju tana xi qwiel ġodda, u xtaq li jgħidilna wkoll is-siġar kemm jagħmlu ġid għall-ambjent ta’ madwarna.  Ejja naraw il-qwiel l-ewwel, imbagħad nagħtukom l-osservazzjoni fuq is-siġar u,  bħas-soltu, nagħmlu l-kummenti tagħna fejn inħossu li hemm bżonn:

Proverbji għal Lulju:

Ħrit il-ħmar ma jagħtix sandar,

Bi ħrit il-baqar, timla l-andar.

 

L-art tagħti kemm tagħmel magħha,

Ġid, hena, u fuq kollox is-saħħa.

Osservazzjoni:

 

Il-ġid tas-siġar

 

Ta’ kemm ġid kbir huma is-siġar kulħadd jafu.  Dawn huma li jirregolaw il-kors tal-istaġuni, li jġibu s-sħab, u jiddeterminaw l-abbundanza tax-xita.  Il-famus għaref Mirbel jgħid, wara li għamel tant osservazzjonijiet, illi s-siġar bosta mħawlin f’naħa waħda għandhom il-forza li jġibu lejhom is-sħab u jagħmlu li x-xita tinżel bir-regula, u bil-qies, u b’dellhom jżommu l-art aktar friska.  Il-weraq tagħhom imbagħad, meta jaqa’ fl-art, jagħmel l-art wisq tajba u għammiela.  L-isuli msejħin “Tal-Għid” u “Ta’Lapsi”, u l-Eġittu, li ma jinsabux hekk skarsi mill-ilma bħalma dari, huma prova biżżejjed ta’ dan kollu li fuq semmejna.  La Perouse jgħid li sab fl-Isola tal-Għid, li issa semmejna, bħal xagħri mingħajr ebda frott, u dan għaliex l-abitanti ta’ din l-isola żmien qabel qalgħu minnha s-siġar kollha.  Dawk l-Ingliżi li marru jikkumpanjaw lil Bonaparti meta kien meħud eżiljat fl-isola ta’ Santa Liena, jgħidu li sabu l-isola l-oħra ta’ Lapsi, li fiha kienu niżlu biex jarawha, niexfa bħal xagħra u mingħajr ebda għajn tal-ilma.  Meta reġgħu fiha marru u ħawlu s-siġar, ftit żmien għadda li ma kellhomx il-pjaċir u l-hena li jaraw tinżel fiha x-xita b’abbundanza.  Fl-Eġittu kemm kemm kienu jafu bix-xita qabel ma ħawwel hemma Meħmet Ali tant kbir numru ta’ siġar.  Fejn illum il-ġurnata qiegħda tinżel xita l-aktar abbundanti, illi x-xmara Nil tfur, u bl-ilma żejjed tagħha jissaqqu dawk il-kontradi hekk sbieħ u tajbin għal kull xorta ta’ wiċċ tal-art.  Fl-aħħar nett, il-famuż Blumenbach ħallielna miktub illi l-isoli li jinsabu fil-baħar il-kbir tal-Indja, fejn fihom jinsabu wisq boskijiet, ix-xita fihom tagħmel spiss, mentri tant isoli oħra li m’għandhomx siġar , għalkemm imqegħdin f’pożizzjoni aħjar għax-xita, irrid ngħid fil-gradi 25, 30, eċċ. U b’dana kollu jinsabu maħruqin bix-xemx.  U aħna l-Maltin għadna niftakru f’dawk is-snin li fihom kienet tinżel tant kwantita kbira ta’ xita fuq l-art tagħna, meta kellna tant siġar imħawlin bħalma kienet il-Marsa tal-Pwales, il-għoli tas-Saqqajja, u tal-Imtaħleb, u tant u tant naħiet oħra li fihom kont tara eluf ta’ siġar tat-tut.  U lanqas għandkom tifhmu li x-xita abbundanti li kellna fit-tliet snin l-imgħoddija tgiddeb il-fatti fuq imsemmija; u isimgħu ir-raġuni: hi ħaġa minn kulħadd magħrufa illu kull fenominu tal-ajru int qatt ma ssibu waħdu fin-natura, imma unit u marbut issibu għandek mal-fenomini tal-ajru kollu.  Infatti meta kellna aħna x-xita abbundanti f’Malta, kellhom l-istess il-pajjiżi ta’ madwarna.  Żid issa illi x-xita kienet kważi dejjem skarsa fir-Rebbiegħa, u fil-Ħarifa wisq imwaħħra.

 

IL-KUMMENTI TAGĦNA

 

Ħrit il-ħmar ma jagħtix sandar. Sandar hi kelma li fi żmienna ma nafux sewwa xi tfisser. Nafu l-qawl xi jrid jgħid, imma ma nafux xi tfisser il-kelma “sandar”.  De Soldanis qal biss li kien hemm ġnien jgħidulu Il-Ġnien ta’ Sandar, u Vassalli jgħid li “sandar” kien “laqam qadim”.[1]  V. Busuttil, fid-dizzjunarju tiegħu Malti-Ingliż, jgħid li sandar hi dak li bl-Ingliż tissejjaħ pinnace, jiġifieri dgħajsa bil-qlugħ jew bl-imqadef li tkun qiegħda abbord xi biċċa tal-baħar ikbar minnha, u li titniżżel fl-ilma skont il-bżonn.  Imma din it-tifsira m’għandhiex x’taqsam u ma tgħinna xejn biex nifhmu x’jiġifieri li ħrit il-ħmar ma jagħtix sandar.    Nafu li l-qawl irid jgħid li ma jaqbillekx taħrat bil-ħmar, u jkun ferm aħjar jekk taħrat bil-baqra.  Imma sandar x’inhu?  L-aktar li tintuża dil-kelma hi meta ngħidu, b’leħen ironiku: qata’ sandar, li kulħadd jifhimha li tfisser li ma marx tajjeb; ħa falza stikka.  Imma importanti li ngħidu li biex il-kliem qata’ sandar ikun ifisser hekk, irridu ngħiduh b’leħen ironiku: Qata’ sandar – iżżewweġ waħda sinjura, u dejjem jiġġieldu!  Jiġifieri qisna qed ngħidu, b’leħen ironiku: mar tajjeb ukoll! Il-kliem mar tajjeb ifisser xi ħaġa tajba, xi ħaġa pożittiva.  Imma jekk tgħidu b’leħen ironiku jiġi jfisser il-kontra.  Mela li taqta’ sandar  jew tagħti sandar, hi ħaġa pożittiva, ta’ qligħ jew gwadann għalik.  Imma sandar xi tfisser, jew aħjar: minn fejn ġejja?  Id-dizzjunarji tagħna jsemmu wkoll dak li kiteb Patri Magri fi Ħrejjef Missirijietna: Waqt li kien qed jirrakkontalu xi ħrafa Maltija xi ħadd qal lil Magri din is-sentenza: Wieħed id-dar għassa, u l-oħrajn imorru għas-sandar, u Magri din kien fehimha li wieħed joqgħod id-dar għassa u l-oħrajn joħorġu jisirqu, jaraw x’jistgħu jakkwistaw.  Allura din hi konferma oħra li sandar hi xi ħaġa ta’ gwadann.

Jien naħseb li l-Ġnien ta’ Sandar tfisser il-ġnien ta’ xi ħadd jismu Alessandru, u biż-żmien dan l-isem tħassar u sar Sandar, bħalma l-għalqa ta’ Xibla tfisser l-għalqa ta’ mara jisimha Sibilla.  Jekk inhu hekk (li Sandar hi taħsira ta’ Alessandru, jew xi isem jew kunjom ieħor), din tiġbor fiha wkoll dak li qal Vassalli – li Sandar hu laqam qadim.  Imma din it-tifsira ma tgħinniex biex nifhmu l-qawl t’hawn fuq.  Lanqas jekk wieħed jinsisti li l-Ġnien ta’ Sandar tfisser ġnien mimli b’dawk is-siġar magħrufa bħala Sandal trees, bl-Ingliż, jew dawk magħrufa bħala Sandara bl-Għarbi (Betula bil-Malti), b’daqshekk – billi ngħidu li sandar hi siġra – kif nistgħu infissru l-qawl li ħrit bil-ħmir ma jagħtix sandar?

Fuq din il-kelma għad hemm ħafna xogħol lingwistiku xi jsir.  Ma nafux il-kelma minn fejn ġiet u xi tfisser sewwa.  Kien hemm min issuġġerixxa li taqta’ sandar jiġifieri taqta’ l-ħajta tal-mara meta tkun verġni.  Temmnuhiex din!  Naqta’ rasi li biex tħoll il-problema ma tridx tħares lejn il-lingwi Ewropej.  Ġiet għandna mis-Semitiku, imma jista’ jkun li fis-Semitiku daħlet mill-Farsi (Persjan).  Jiġifieri ara xi ġmiel ta’ kelma, kemm hi qadima, u x’interess kbir storiku għandha.  U aħna naqbdu u narmu ħafna kliem bla ħsieb ta’ xejn.

Bi Ħrit il-Baqar timla l-andar: Mela issa ilna ngħidu li f’Mejju l-bidwi kien jaħsad il-qamħ u x-xgħir li kien ikollu fl-għalqa.  F’Ġunju jew fil-bidu ta’ Lulju kien ilesti l-qiegħa ħalli jkun jista’ jidres.  Bil-qiegħa lesta, nistgħu nibdew inġibu l-qatgħet tal-qamħ mill-għalqa fejn ħallejnihom wara li ħsadna kollox bil-minġel.  Il-qatet jitqiegħdu qrib il-qiegħa f’munzelli kbar li jissejħu ĦALEL (waħda tissejjaħ ĦALLA).  Dil-kelma forsi nafuha aktar bħala “mewġ kbir”, “il-ħalel tal-baħar”, imma tingħad ukoll għal dawk il-munzelli kbar ta’ tagħam – qamħ jew xgħir – imdawra mal-qiegħa lesti biex jindirsu.  L-għalqa fejn ikun hemm il-qiegħa mdawra bil-ħalel tal-qamħ lesti biex jibda d-dris tissejjaħ l-ANDAR, u meta l-bidwi jibda’ x-xogħol ta’ fuq il-qiegħa ngħidu li l-bidwi qiegħed fuq l-andar.  L-andar jimtela sew bil-qatet tal-qamħ jekk fil-bidu tal-istaġun tkun użajt il-baqra biex taħrat u tqalleb l-art.  Jekk tkun użajt il-ħmar x’aktarx li ma jkollox biex timlieh l-andar, u meta tidres tispiċċa bi ftit qamħ f’idek.  Mhux il-bdiewa kollha kellhom post addattat fejn jagħmlu l-qiegħa fir-raba’ tagħhom.  Allura l-qiegħa kienet issir f’dawk l-imkejjen fejn kien komdu li tagħmilha. B’din il-qiegħa x’aktarx li kienu jinqdew, wieħed wara l-ieħor, il-bdiewa kollha tal-qrib, u r-razzett jew ir-raba’ fejn il-qiegħa kienet tista’ ssir, kien jieħu l-isem ta’ l-Andar.  Fil-ktieb tiegħu Place-names of the Maltese Islands, Godfrey Wettinger għandu lista ta’ għaxar paġni ta’ ismijiet f’Malta u Għawdex li fihom hemm il-kelma “andar”, u ħafna drabi li l-isem jurik li kien andar li jservi roqgħa sħiħa ta’ art:  L-Andar tal-Bidni, L-Andar ta’ Bieb ix-Xagħra, L-Andar ta’ Ħas-Sajd, L-Andar ta’ Ħarramija, eċċ.  Dak il-post qrib il-Mosta li llum nafuh bħala Durumblat, x’aktarx li fin-nisel tiegħu kien: Andar il-Blat.

Il-bidwi fuq l-andar.  Ritratt ta’ Joe Borg u Bernard Agius

 

Is-siġar iġibu x-xita. Jien u naqra l-osservazzjoni għaddieli minn rasi li f’dawk il-postijiet fejn m’hemmx siġar appuntu għax ma tagħmilx xita, il-kittieb qed jgħid li x-xita ma tagħmilx għax m’hemmx siġar; u fejn, minn ewl id-dinja, hemm is-siġar għax tagħmel ħafna xita, jgħid li x-xita tagħmel għax hemm is-siġar!   Illum taqa’ għaċ-ċajt jekk tgħid li x-xmara Nil tfur bl-ilma għax Meħmet Ali ħawwel is-siġar fl-Eġittu! Imma ħallina minn dan.  Li s-siġar huma ta’ ġid kbir u anke jġibu x-xita jidhirli li hu fatt aċċettat mix-xjenza.  Li nsib interessanti hu dan:

Din il-kitba raha wkoll Pietru Pawl Castagna u kkopja minnha fil-ktieb tiegħu.  Castagna rrepeta li “aħna l-Maltin għadna niftakru f’dawk is-snin li fihom kienet tinżel tant kwantita kbira ta’ xita fuq l-art tagħna, meta kellna tant siġar imħawlin bħalma kienet il-Marsa tal-Pwales, il-għoli tas-Saqqajja, u tal-Imtaħleb, u tant u tant naħiet oħra li fihom kont tara eluf ta’ siġar tat-tut.” [2]  Meta l-Kalendarju jgħid li “aħna l-Maltin għadna niftakru” li dari kellna eluf ta’ siġar, kemm qed imur lura fiż-żmien?  Għax qisu qed jgħid li n-nies għadhom jiftakru li kellna eluf ta’ siġar imma li fl-1850 ma kinux għadhom hemm.  Jien forsi għandi minn San Tumas, imma naħseb li kemm Castagna u kemm il-Kalendarju kienu qed jirreferu għal xi għejdut tan-nies imma li jkun nieqes mill-provi storiċi.  Imma il-Kalendarju jispeċifika li s-siġar kienu tat-tut.  Possibbli li tul is-seklu dsatax, f’Malta u Għawdex intilfu eluf ta’ siġar tat-tut u dan il-fatt bħal qisu ntilef fiċ-ċpar tal-istorja?  Jista’ jkun, imma rridu aktar studju.

Importanti wkoll li ninnutaw li, kemm għall-Kalendarju u kemm għal Castagna, id-daħla ta’ San Pawl il-Baħar kienet il-Marsa tal-Pwales.  Sabiħa ħafna.  Illum kieku ngħidu il-Port ta’ San Pawl il-Baħar, imma l-Marsa tal-Pwales hi ferm eqdem u isbaħ.  Marsa hi l-mimmat tal-verb RASA, JARSA.  “Tarsa” tfisser tkala l-ankra.  Il-marsa hu post fejn tista’ tkala l-ankra, twaqqaf il-mirkeb, tinżel l-art u tiġi fuq ir-ramla tal-Pwales.  Jekk hemm ir-ramal, il-post jgħidulu ramla.  Ma ninsewx ukoll li MARFA hi l-mimmat tal-verb RAFA, JARFA (mingħajr għajn).  “Tarfa” tfisser titrakka, u marfa hi l-post fejn tittrakka.  Il-Marfa kien il-post fejn, sa minn żmien qadim, kienet titrakka d-dgħajsa tal-mogħdija ta’ bejn Malta u Għawdex.  Xi ġmiel.

Mirbel hu Charles-Francois Brisseau de Mirbel (1776 – 1854). La Perouse hu Jean Francois de Galaup, li xi kultant ismu kien jitniżżel bħala de La Perouse (1741 – 1788).  Blumenbach kien Johann Friedrich Blumenbach (1752 – 1840).

(C) Ġużi Gatt

REFERENZI

[1] Minflok ma noqgħodu nimlew il-paġna b’ħafna numri ta’ referenza, nistgħu ngħidu biss li t-tagħrif  li hawn f’dal-paragrafu jinsab fid-dizzjunarju ta’ Aquilina, Malti-Ingliż, u f’ta’ Erin Serracino Inglott, il-Miklem.

[2] Lis Storia ta Malta bil Gzejer taħħa. Pietro Paulo Castagna, Midsea Books Ltd., Facsimile Addition 1985, paġna 255