Is-seba’ xahar tas-sena

Did-darba għandna x’qal il-Kalendarju tal-Bidwi għax-xahar ta’ Lulju.  Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju tal-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Minbarra x-xogħol li għandu jsir fir-raba’ bagħli u r-raba’ saqwi, għal kull xahar il-kalendarju kellu dik li jsejħilha “Osservazzjoni”, u qegħdin inġibu dik tax-xahar ta’ Lulju.  Isfelnett żidna l-kummenti tagħna:

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com. L-ixbieha ewlenija hija tal-bajja ta’ San pawl il-Baħar kif kienet tidher min-naħa ta’ fuq tal-”Migduma” fil-Mellieħa fejn sa ftit ilu kien hemm il-“Belleview” (ritratt ta’ Bernard Agius / Joe Borg).

LULJU– IX-XAHAR TAL-GĦOMMA

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 26.4 C.

Traħħas: Il-Larinġ, is-Sebuqa, ir-Rand, iż-Żebbuġ, in-Nagħniegħ, il-Ħarrub.

Tiżhar: Il-Qamħ ir-Rum, Il-Ġulġlien, il-Qoton.

Issajjar:  Il-Berquq, il-Bettiħ, il-Lanġas, it-Tuffieħ ta’ Belludja, l-Għanbaqar, il-Brunġiel, il-Basal, il-Bajtar tal-Indja, il-Prajn, il-Bżar Aħdar, iċ-Ċiprisk, it-Tursin, it-Tin tal-Bajtar, l-Insolja.

Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Bagħli:

Tinġabar: il-Ħlewwa.

Tinqala’: l-Pitravi.

Jindaqq: L-Għosfor.

Jindires: il-Qamħ.

Tinħaraq: il-Ħaxixa tal-Irmied.

Tinżara’: il-Widna, is-Silla.

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Saqwi u fil-Ġonna:

Tinżara’: Il-Ġidra, il-Kaboċċi, il-Pastard.

Jiddakkar: It-Tin.

Jinġema’: il-Lewż.

Jinqata’: Ix-Xehed tan-Naħal.

 

Proverbji:

Ir-raba’ ta’ fard għalla,

Għali b’xogħolu.

 

Il-ksir fir-raba’,

Ħass fid-dar.

 

Sajf imniddi,

Ħorġa mimlija.

 

Il-qoton ma jibżax mix-xemx il-qawwija,

Jibża miċ-ċpar bosta, u mit-tniddija.

 

Osservazzjoni:

Tnejn huma l-għodda li bihom għandu jinqata’ x-xehed tan-naħal.  Waħda hi sikkina wiesgħa mis-sitta ta’ xiber, u twila xiber u nofs, u b’żewġt ixfar, b’manku tal-għuda.  L-ieħor hu strument tal-ħadid, twil u ċatt, imwaħħal f’manku tal-għuda, u fuq miġbud bħal skalpell li jħares dritt.  Ix-xehed inbena min-naħal jew dritt jew rieqed mal-ġarra.  Għalhekk meta x-xehed ikun mibni mill-għoli ‘l isfel tal-ġarra, għandu jinqata’ bit-tieni għodda li semmejna – li biha tista’ taqta’ x-xehda kollha, jew biċċa minnha mingħajr tifrik ta’ xejn.  Għandna mbagħad nisservew minn l-ewwel għodda fil-qtigħ ta’ xehed mibni għat-tul, fejn l-ebda ħsara ma tagħmel.  (Mill-għajdut tas-sinjur Dr. D. Celestino Camilleri fuq it-trobbija tan-naħal).

IL-KUMMENTI TAGĦNA:     

  • Lulju hu x-xahar tal-għomma. Meta nitkellmu fuq it-temp, għandna nagħmlu differenza bejn SĦANA u GĦOMMA.  Meta toqgħod tixxemmex fuq ir-ramel, wiċċek ġox-xemx, int tħoss is-sħana tagħha (heat) fuq ġismek kollu .  Imma meta tipprova taħrab mix-xemx u toqgħod fid-dell jew tidħol taħt is-saqaf u tixgħel il-fann u xorta ma teħlisx mis-sħana – dik ngħidulha GĦOMMA (sultriness).  U meta tkun l-għomma u jkun riħ isfel, jagħmel ħafna GĦAKAR (stickiness).  Dal-kliem għadu użat mix-xjuħ fl-irħula tagħna, u jaqblilna nerġgħu nitgħallmuh u nużawh milli narmuh, imbagħad b’ħafna arroganza noqogħdu ngħidu li l-Malti ma fihx kliem biżżejjed biex tfisser ruħek tajjeb.
  • Traħħas jiġifieri toħroġ weraq ġdid, u tiżhar tfisser toħroġ iż-żahar. L-inwar jixbħu liż-żahar, imma huma fjuri rġiel li minnhom l-insetti jdakkru liż-żahar li huma fjuri nisa. Biex titkixxef aktar fuq id-differenza bejn, traħħas, tiżhar, tgħarras, eċċ. ara l-artiklu “Miż-żerrieħa saż-żerriegħa” li deher aktar qabel fuq dan is-sit. Ara wkoll il-kummenti tagħna fix-xhur li għaddew.
  • Innutaw li l-Kalendarju għal kollox għandu kelma, fejn jidħol il-mod ta’ kif il-bidwi jieħu l-għelejjel mir-raba’ tiegħu: Il-ħlewwa tinġabar, il-pitravi tinqala’, il-qamħ jindires, l-għosfor jindaqq, eċċ.  Dan qed ngħiduh għax billi fl-Ingliż ngħidu: to harvest a crop, ikun xi jkun, xi Maltin ta’ żmienna – dawk li tilfu r-rabta lingwistika ma’ lsienhom imma b’xorti ħażina nittnu u mpestaw il-midja soċjali – jippretendu li fil-Malti jsibu kelma ekwivalenti għal to harvest u li tgħodd għall-kollox bħal fl-Ingliż. B’xorti ħażina għal lsienna, għażlu l-kelma taħsad, jew ħsad u qed japplikawha għal kull fejn fl-Ingliż hemm to harvest.  L-aktar eżempju tad-daħk rajtu fuq kartellun informattiv li hemm fil-kumpless tas-Salini.  Harvesting of salt għamluha “il-ħsad tal-melħ”!  Għarukaża kbira li tiskandalizza t-tfal tal-iskola li jmorru jżuru l-post.  Bil-Malti, il-melħ jinġabar – xejn aktar.  Bil-Malti, taħsad biss bil-minġel.
  • Jiddakkar it-tin. Is-siġra tat-tin hi ferm importanti għal pajjiżna.  F’dawn l-aħħar snin intlaqtet mill-mard, u ħafna siġar mietu.  Skont il-kitba tal-Professur Borg tal-1922, f’Malta kien hawn tnejn u tletin varjeta ta’ tin.  Ħafna minnhom illum huma biss isem miktub fi ktieb.  Waħda mill-varjetajiet hi t-tina bajtrija – f’Ġunju taħroġ il-bajtar ta’ San Ġwann, u xi sitt ġimgħat wara toħroġ frott ieħor ta’ kwalita differenti li nafuh bħala tin.  Din is-siġra trid tiddakkar.  Id-dukkara hi siġra tat-tin imma siġra raġel, mhux mara, għax xi siġar għandhom in-nisa u l-irġiel ukoll. Id-dukkara tagħmel il-frott ukoll, għalkemm dan ma jkunx tajjeb għall-ikel, imma tajjeb għat-tidkir.  Il-frott tad-dukkara jissejjaħ ċarru u barru (għax hu ta’ kwalitajiet differenti) u fih jgħixu gzuz ta’ nemus żgħir ħafna (jidhru qishom nemus imma fil-fatt huma żnażan żgħar).  Il-frott dukkar (ċ-ċarru jew il-barru) jiddendel mal-friegħi tas-siġra msejħa tina bajtrija, u n-nemus (jew żnażan) ta’ ġo fih idakkru lit-tina bajtrija biex din tkun tista’ tagħmel it-tin.  M’għandniex xi ngħidu, f’dawk il-postijiet fejn it-tkabbir tas-siġar jittieħed bis-serjeta – jiġifieri mhux f’Malta jew Għawdex – jitħawwel id-dukkar imdawwar minn ħafna siġar nisa biex is-sistema taħdem weħidha permezz tal-insetti u mhux ikollok toqgħod iġġib id-dukkar min x’imkien ieħor u ddendel minnu ma’ kull tina bajtrija.
  • Jindaqq l-għosfor. L-għosfor hi xitla li tagħmel żerriegħa li tingħata lil xi għasafar, bħal m’huma l-għasafar tal-għana u l-għasafar taż-żebbuġ.  Iż-żerriegħa tkun magħluqa ġo boċċa b’qoxra ftit iebsa, u biex il-bidwi joħroġ iż-żerriegħa minn ġo dil-fosdqa, ried idoqqha – jiġifieri jagħtiha d-daqqiet.  Hekk tfisser, sewwa sew, il-kelma “iddoqq” – tagħti d-daqqiet.  Id-daqqaq tal-qoton kien jagħti d-daqqiet fuq il-watar tal-qaws, u bid-daqqa, il-watar, li jkun qisu korda, jibda jitriegħed u b’hekk ipaħpaħ u jinfex il-bjad tal-qoton u jagħmlu tajjar.  Meta ddoqq it-tanbur int tkun qed tagħtih id-daqqiet; meta ddoqq il-qanpiena tkun qed iddoqqha billi tagħtiha d-daqqiet bl-ilsien.  Il-bidwi kien idoqq – jiġifieri jagħti d-daqqiet – affarijiet oħra: ngħidu aħna l-kemmun, u anke t-tiben tax-xgħir biex imbagħad ikun jista’ jagħmlu rbat, ħalli jkun jista’ jorbot il-qatet bih.  Jekk int u taqra tinduna kemm qed ngħidu kliem li ma tafx, ipprova irrifletti ftit fuq kemm terminoloġija tlifna.
  • Isajjar il-bajtar tal-Indja. Diġa għidna kemm-il darba li meta l-Kalendarju jgħid “bajtar” ikollu f’moħħu l-bajtar ta’ San Ġwann.  Il-bajtar tax-xewk jissejjaħ dejjem “bajtar tal-Indja” jew ukoll “ta’ ghindia”.  P.Castagna, fil-ktieb tiegħu Lis-storia ta’ Malta bil-gzejer taħħa, jgħid hekk fuq il-bajtar ta’ Ghindia:

Għandna erba’ kwalitajiet ta’ bajtar: tad-demm, ta’ bla żerriegħa, Franciż, u isfar.  L-ewwel hu l-isbaħ, it-tieni wisq skars, it-tielet l-iktar stmat, u r-raba’ l-oħla (l-aktar ħelu).  Jinżamm għal xi żmien wara li jinqata’, billi jqegħduh fuq il-bjut mgħotti bit-tiben; u billi jaqtgħuh bil-pala minn għerqha, u jdendluha ma’ x’imkien.

  • Raba’ ta’ fard għalla. Il-baranin li ġew Malta matul iż-żmien kienu jaraw lill-bidwi Malti jaħdem l-art b’mezzi li kienu primittivi għall-aħħar, u ġo raba’ qasir ta’ ftit trab (ħamrija), mimli kollu ġebel.  B’danakollu kien jirnexxielu jieħu mill-art aktar minn wiċċ wieħed matul is-sena u, tajjeb jew ħażin, kien jgħix hu u jgħajjex lil uliedu.  Imma mirakli ma kienx jagħmel.  Minn xi oqsma tar-raba’, tagħmel x’tagħmel, ma kienx jirnexxielek tieħu aktar minn wiċċ wieħed minnhom.  F’dawn l-artikli kemm-il darba semmejna l-kelma “għelejjel”, u semmejna wkoll il-kelma “għalla” – li hi s-singular ta’ għelejjel.  Għalla waħda – ħafna għelejjel.  Wieħed għadu jittama li l-Maltin tal-lum għadhom jafu xi jfissru l-kelmiet “Żewġ” u “Fard”.  Fit-terminu “raba’ ta’ fard għalla”, il-kelma fard tfisser wieħed, mhux tnejn, u għalla hi ukoll singular – mela raba’ li jagħtik wiċċ wieħed f’sena.  Għalhekk għali f’xogħolu.
  • Il-ksir fir-raba’: Wara li jtemm ix-xogħol kollu ta’ fuq l-andar, u jidħol daqsxejn iż-żmien, il-bidwi kien jibda jikser bit-talja – jiġifieri jqalleb il-ħamrija ta’ taħt fuq biex ilesti l-għalqa għall-ewwel xita.  Dan l-għażiq, jew il-ksir, kien isir bil-korxin jew bil-fiesa b’mod li l-art tinqala’ tub tub, u t-trab ta’ taħt jiġi fuq.  Dan il-ksir, għalkemm xogħol iebes, kien meqjus li hu indispensabbli fix-xogħol tar-raba’, għax il-ħamrija trid tkun impaħpħa biex il-wiċċ jikber sewwa u tieħu kulma tista’ mill-ftit xita li tagħmel.  Il-qawl jgħid li dan il-ksir ifisser “ħass fid-dar”.  Imma l-ksir fir-raba’ kien jagħmel il-ġid lill-uċuħ kollha li jkabbar il-bidwi.
  • Il-qoton jibża’ mit-tniddija. Jiġifieri jibża’ minn ħafna nida.  Meta taħsel biċċa ċarruta mbagħad tagħsarha, din tibqa’ niedja. Għandna wkoll il-kelma ndewwa, li tfisser moisture. Hemm xi ħlejjaq, bħal mhu l-ħanżir l-art u l-bugħarwien li jgħixu biss fejn hemm l-indewwa.  Il-qawl jgħid ukoll: Sajf imniddi, ħorġa mimlija.  Ma nitilfuhx dal-kliem.

Agretti, Saltwort, Salsola soda, Barba di Frate

  • Tinħaraq il-ħaxixa tal-Irmied. F’Malta għad hawn min jaf din il-ħaxixa x’inhi.  Bl-Ingliż tissejjaħ Saltwort (Salsola soda) u l-ktieb Wildlife of the Maltese Islands jiddiskriviha bħala ħaxixa selvaġġa komuni u li tikber qrib il-baħar.  Imma l-Kalendarju tal-Bidwi jitkellem fuq din il-ħaxixa bħala wieħed mill-uċuħ tar-raba’ mkabbra f’Malta fl-1849.

Tiftixa ħafifa fl-internet malajr turik li barra minn Malta s-saltwort kienet tintuża fil-manifattura tas-sapun.  Fil-Malti għandna qawl li jgħid:

Taħsel ras il-ħmar

titlef il-LISSIJA u s-sapun

LISSIJA x’inhi?  Bl-Ingliż tissejjaħ Lye.  Dawk il-ftit nisa xjuħ li għadhom jiftakru l-ħasil tal-ħwejjeġ kif kien isir sa qabel l-aħħar gwerra jew ftit wara, jafu li l-mara tad-dar kienet titfa’ l-irmied ġo banju kbir, x’aktarx banju taż-żingu magħruf bħala “tas-sittin”.  L-irmied kienet titfgħu minn awlilejl, imbagħad timla l-banju bl-ilma, u tmur torqod.  L-għada filgħodu kienet terfa’ l-ilma minn ġol-banju bil-mod, biex ma tqanqalx l-irmied li jkun rakat fil-qiegħ, u ssawwab kollox ġo banju ieħor.  L-ilma  kienet tużah biex taħsel il-ħwejjeġ bih.  Wara lejl bl-irmied jerħi s-sustanzi fih, l-ilma jkun sar LISSIJA, u l-lissija kellha fama tajba man-nisa tad-dar – jgħidulek li “kienet taqla’ ħafna ħmieġ“.   Imma x’irmied hu li kienu jitfgħu?  Fil-ktieb tiegħu Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi: Tagħrif Folkloristiku minn Għawdex, Anton F. Attard għandu taqsima fuq il-lissija (paġna 29).   Attard jgħid li l-Għawdxin ta’ dari kienu jaqtgħu “ix-xebb jew il-ħaxixa tal-irmied” li kienu jikbru “fl-irdumijiet ta’ fuq il-baħar u mas-swar tal-Gran Kastell”.  Hawnhekk ta’ min jgħid li ix-XEBB u l-ĦAXIXA TAL-IRMIED jiġu minn xulxin: Xjentifikament, ix-xebb jissejjaħ Salsola melitensis, u l-ħaxixa tal-irmied tissejjaħ Salsola soda.  Attard ikompli jgħid li x-xebb kien jinqata’ aħdar, u li l-Għawdxin kienu jieħdu din il-ħaxixa “f’post fil-miftuħ, l-aħjar fuq xi blata ċatta, biex jinħaraq”.   Jgħid ukoll li meta x-xebb jinħaraq, id-duħħan ikollu riħa tinten, u biex taħarqu ridt il-permess tal-pulizija.  L-irmied kien imbagħad jintuża għall-lissija.  L-Għawdxin forsi setgħu jaqtgħu ix-xebb li kien jikber fis-selvaġġ, imma hu interessanti li sal-1849 l-bdiewa tagħna kienu għadhom jiżirgħu il-ħaxixa tal-irmied, u li fis-sajf kienu jaħarquha.  L-istess isem tagħha: “tal-irmied” u l-fatt li kienet tinħaraq, it-tnejn juruk li kienet titkabbar għall-irmied.  L-irmied kien imbagħad jintuża mill-mara tad-dar flok is-sapun.  Mhux għaġeb li l-bdiewa tagħna kien jkabbru din ix-xitla.  Il-Ħaxixa tal-Irmied għadha titkabbar fl-Italja sal-lum, u minbarra li tintuża biex jagħmlu minnha l-putassa (potash), titkabbar ukoll għall-ikel.  Tissejjaħ Barba di Frate jew Agretti.

L-agretti jissemmew anke minn Pietru Pawl Castagna.  Iniżżilhomn mal-lista ta’ “Ħxejjex il-Ħwawar”.  Jgħid hekk:

Dawna huma kollha ħamjin, iżda fl-ikel jagħtu gost wisq tajjeb, tant fit-tisjir, kemm fl-insalati.  Għalhekk il-koki jagħmlu użu mil-agretta, mill-ħabaq, mill-mertqux, min-nagħniegħ, mir-rignu, mit-tursin, mis-salvja, mis-sagħtar, u mill-kappar

Mela anke Castagna jsemmi r-rignu – li l-Kalendarju tagħna jsejjaħlu origano bit-Taljan.  Kollox juri li dan kien jitkabbar f’Malta.  U l-agretti wkoll? Hekk jidher.

Bdiewa jderru bil-midra (ritratt grazzi ta’ Bernard Agius / Joe Borg)

Ix-xahar li għadda tkellimna fuq il-qiegħa u urejna l-bidwi fuq l-andar.  Hawn fuq għandna żewġ bdiewa jderru bil-midra, u taħt hemm bidwi qed ilewwaħ bil-luħ.  Fl-aħħar għandna l-bidwi u martu jgħarblu bl-għarbiel.  Il-midra urejna disinn tagħha ix-xahar li għadda.

Għalkemm ħafna mit-tiben itir mar-riħ meta l-bidwi jderri bil-midra, il-qamħ ta’ fuq il-qiegħa xorta jkun għadu inqas nadif milli hemm bżonn.  Ir-riħ għadu jista’ jgħina.  Il-bidwi jgħolli l-qamħ ta’ fuq il-qiegħa fl-ajru, biex ir-riħ jerġa’ jtajjar minnu dawk il-partijiet li huma ħfief.  Did-darba ma nużawx il-midra, għax din qisha furketta kbira, u peress li l-qamħ ta’ fuq il-qiegħa issa hu fin, dan jaqa’ minn bejn is-snien tal-midra u ma nkunux nistgħu ngħolluh.  Allura nużaw il-LUĦ, li qisha pala tal-injam.

Il-Luħ

Bidwi jlewwaħ bil-luħ (ritratt Bernard Agius / Joe Borg)

Bdiewa jgħarblu bl-għarbiel. (ritratt ta’ Bernard Agius / Joe Borg)

L-GĦERIEBEL

(Silta meħuda mill-ktieb tiegħi Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsiena – It-Tieni Ktieb.)

Ikun imiss li ngħarblu dak li fadal fuq il-qiegħa biex fl-aħħar nispiċċaw b’dak biss li ilna tant nitħabtu għalih: il-qamħ waħdu.  Fuq il-qiegħa ħafna mill-bdiewa li tkellimt magħhom kienu jafu biss żewġ għeriebel.  Imma fl-1927, Temi Zammit kiteb artiklu bl-isem ta’ “Għodda tal-Biedja”, fuq il-perjodiku “IL-MALTI”, l-organu uffiċċjali tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, li fih qal li għeriebel fuq il-qiegħa kien ikun hemm tlieta.  Kulħadd jaqbel li l-ewwel trid tibda tgħarbel bl-GĦARBIEL TAL-KARFA.  Dan ikollu toqob, jew għajnejn, ftit kbar.  Fil-Malti għandna kelma għal dak li jibqa’ fl-għarbiel wara li tkun għarbilt u ħadt li ridt.  Fil-każ tal-bidwi fuq il-qiegħa, iż-żwiela li tibqa’ f’dan l-ewwel għarbiel, jiġifieri l-għarbiel bl-iktar toqob kbar, tissejjaħ KARFA (bl-Ingliż: chaf).  Il-karfa hi xi biċċiet żgħar tat-tiben li baqgħu ma tarux bir-riħ meta lewwaħna, u l-fdalijiet tas-sbula, mfarrka bid-dris, wara li jkun waqa’ l-qamħ kollu minnha.  Il-qamħ u t-trab jaqgħu mit-toqob tal-għarbiel tal-karfa, imma l-biċċiet li semmejna huma ikbar mit-toqob u allura ma jgħaddux.  Il-karfa tintrema fil-ġenb, għalkemm kont issib min jiġborha wkoll biex jagħlifha lill-bhejjem.

Dejjem skont Temi Zammit, wara l-għarbiel tal-karfa, jintuża l-GĦARBIEL TAŻ-ŻRAR.  Il-qamħ u t-trab fin jaqgħu mit-toqob ta’ dan l-għarbiel, imma ż-żrar, jew kelma oħra li juża Zammit: in-NAQAL, ma jgħaddix mill-għarbiel u allura jintrema.  L-aħħar għarbiel hu l-GĦARBIEL TAT-TRAB.  It-trab fin jaqa’ għal isfel, u fl-għarbiel jibqa’ biss il-qamħ tant prezzjuż.

Nerġa’ ngħid li n-nies li tkellimt magħhom jien u li għad għandhom amment tal-qiegħa, jiftakru żewġ għeriebel u mhux tlieta; imma kulħadd jaqbel fuq l-għarbiel tal-karfa u l-għarbiel tat-trab u, tnejn jew tlieta, il-prinċipju hu l-istess u jista’ jinftiehem malajr.  Ejjew insemmu wkoll li mqar wara dan ix-xogħol kollu, qabel mal-qamħ jittieħed għand tal-mitħna biex jintaħan u jsir dqiq, il-bidwi kien jerġa’ jaħsel il-qamħ fl-ilma ġo lembija, biex it-trab li jkun għad fadal fih imur mal-ilma.  Il-qamħ irid imbagħad jitqiegħed għax-xemx fuq xi setaħ  biex jinxef, ħalli jasal għand tal-mitħna nadif kemm jista’ jkun.

(c) Ġużi Gatt