Ix-xahar tal-Bard

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com

Ir-Rabat t’Għawdex (Ritratt grazzi ta’ Bernard Agius u Joe Borg)

Fil-kitba tagħna s’issa ġibna xahar b’xahar il-ħidma li kellha ssir fil-biedja skont “Kalendarju tal-Bidwi” li s-Societa Economico Agraria ta’ Malta kienet ħarġet fis-sena 1849.  Għall-ewwel darba f’dik is-sena, il-Kalendarju kien ħareġ miktub paġna bit-Taljan u oħra bil-Malti.  Is-Societa Economico Agraria kienet għamlet l-istess ħaġa fis-sena ta’ wara wkoll.  Fl-1850, il-Kalendarju rrepeta kelma b’kelma dak li qal li kellu jsir fil-biedja f’dak ix-xahar is-sena ta’ qabel, imma bidel il-qwiel li kien jagħti għal kull xahar, u bidel ukoll l-osservazzjonijiet li kien għamel fix-xhur  ta’ qabel.  M’għandniex għalfejn nirrepetu l-ħidma tal-bidwi għal kull xahar – wieħed jista’ jsib x’jiġri fil-biedja f’Jannar hawnhekk; imma ta’ min jagħti l-qwiel tal-1850, u jikkummenta wkoll, aktar ‘l isfel fuq l-osservazzjonijiet ta’ kull xahar:

Proverbji għal Jannar:

Meta x-xemx issaħħan f’Jannar,

Ikollok biex fis-sajf timla d-dar.

 

Min jiekal bla ma jrodd,

Sa fl-aħħar is-swar iħott.

 

Min ma jaħratx f’Jannar,

Ftit qoton idaħħal id-dar.

Osservazzjoni:

Imma qabel ma nagħtukom l-osservazzjoni, aqraw dan il-kumment żgħir minn għandna:

Is-sena 1850, kienet “sena tal-Ġublew”.  Il-Knisja Kattolika Rumana tiddikjara sena bħal din kull ħamsa u għoxrin sena tas-seklu, u l-Papa jagħti indulġenzi speċjali lill-fidili u jiddikkjara dik is-sena bħala sena qaddisa.  Il-Ġublew ma kellux x’jaqsam mal-biedja, imma l-amministraturi tal-Kalendarju jew ġenwinement ħassew ix-xewqa huma, jew inkella ikkalkulaw li jkun aħjar jekk jagħtu t-tagħrif fuq il-Ġublew fl-ewwel osservazzjoni tagħhom għal Jannar.  Kienet osservazzjoni twila żewġ paġni, u aħna m’għandniex għalfejn nidħlu fiha.  Minflok, li se nagħmlu hu li se nitkellmu fuq l-osservazzjoni li l-Kalendarju kellu għal Frar.  Kuntrarju għal dak li ġara fis-sena ta’ qabel, fejn l-osservazzjonijiet kienu qosra u miktubin b’Malti innoċenti u gustuż, l-osservazzjonijiet tal-1850 kienu ferm itwal, u l-kittieb issa beda jinkixef li qed jittraduċi mit-Taljan.  Imma xorta għandna tagħrif interessanti u l-osservazzjoni ta’ Frar kienet fuq “l-istorja tal-patata” u, billi hi ftit twila, għax kompliet ukoll f’Marzu, nistgħu naqsmuha bejn Jannar, Frar, u Marzu.  Mela ejja naqraw flimkien l-ewwel parti ta’ din l-osservazzjoni:

Ritratt ta’ Joseph Farrugia meħud mill-paġna tiegħu fuq Facebook

Storja tal-Patata:                

L-ewwel nisel tal-patata hu ġej mill-Peru, u minn pajjiżiet oħra tal-Amerka.  Din ix-xitla kien raha l-ewwel darba Kristofru Kolombu fl-isola San Duminku fl-1492, u mbagħad raha f’Valparajżu, u fiċ-Ċili, fejn issir weħidha fil-fosos u fl-irdumijiet tal-muntanji tal-Amerka tan-Nofsinhar, u fil-pajjiż ta’ Virġinja u fl-Istatiet l-oħra tat-Tramuntana. (bit-Taljan kien hemm fosse u burroni.  Kien ikun aħjar kieku qal fil-widien u l-ħniedaq (plural ta’ ħondoq), imma anke l-Maltin tal-lum jitfixklu x’inhu ħondoq bil-Malti.)   Sas-seklu XV ħadd għadu ma kien jaf biha hawn fl-Ewropa, fejn imbagħad kienet miġjuba għall-muntanji li jinsabu qrib il-provinċja ta’ Kwitu.  Spanja, li kienet allura tikkmanda dik l-antika provinċja tal-Granata l-Ġdida, kienet l-ewwel pajjiż tal-Ewropa li fih għall-ewwel darba kienet miġjuba din ix-xitla, li minnha qegħdin nitħaddtu, fejn bdew isejħula papas; u dan kien fis-seklu XVI (250 sena ilu).  Minn Spanja għaddiet fl-Italja u minn hemm fil-Ġermanja, fl-Iżvizzera, eċċ.  Fis-sena 1584 ittieħdet fl-Ingilterra, b’dik il-patata li kienu ġabu l-bdiewa Ingliżi mill-Virginja.  Mill-Ingilterra ttieħdet imbagħad fl-Irlanda, fi Franza, fil-Belġju, eċċ.

Din ix-xitla hekk prezzjuża kienet miġjuba biex tagħni l-art tagħna ta’ Malta taħt il-Gvern Ingliż; la darba fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann kienu l-patata jagħmluha fil-ġonna pubbliċi, u tas-sinjuri, bħal ħaġa li ma tidhirx banda oħra.  F’Ħaż-Żabbar bdiet l-industrija u x-xogħol tal-patata, u kien Ġużeppi Scicluna, sinjur fl-imsemmi raħal, illi ħawwel l-ewwel wieħed f’Jannar tal-1805, erbgħa u għoxrin ratal patata f’erba’ siegħan raba’, u minnhom f’Mejju li ġie ħa 12-il qantar li biegħhom b’għoxrin skud il-qantar, u hekk ġabulu 240 skud: mistagħġbin il-pajżani l-oħra minn tant qligħ ta’ din l-industrija tal-patata, bdew iħawlu ma’ kullimkien, u hekk illum saret waħda mill-industriji l-kbar tal-kampanja kollha tagħna.      

Ħidma tal-Patata

Kif it-taħwil u l-ħidma tal-patata xtered illum fl-art kollha ta’ Malta, u hekk saret ħaġa ta’ kbira importanza lil pajjiżna, jixraq li qabel xejn insemmu l-kwalitajiet tagħha.  Bosta huma l-kwalita ta’ din ix-xitla li jingħarfu u mill-ħxuna tal-patata stess, u mittogħma, u millgħamla tal-weraq u tal-fjuri, li għalihom għandha ismijiet diversi; imma kont inkun twil, jekk kollha kont irrid insemmihom il-kwalitajiet tagħha; u għalhekk biżżejjed li wieħed jaf illi fil-ġardin biss tal-Universita tal-belt ta’ Pavia minn tnax-il sena ‘l hawn in ċirka ġiebu fih sittax-il xorta ta’ patata.  Ta’ tliet kwalitajiet hi l-patata li s’issa għandna fil-gżejjer ta’ Malta: waħda hi l-ordinarja, illi l-Brittaniċi jsejħulha Solanum tuberosum; l-oħra jgħidulha topinambur, u mill-Brittaniċi msejħa Helianthus tuberosus; u t-tielet jgħidulha patata ta’ Teneriffa, u mill-Brittaniċi Diascorea sativa.  In-nisel tal-ewwel waħda hi l-Ingilterra, id-Dalmazja, Franza, eċċ. Tat-tieni l-Amerka tan-Nofsinhar; u tal-aħħar l-isoli msejħin Filippini.

L-ordinarja hi dik li tinħadem ma kullimkien; għax fost il-patata kollha hi l-aktar adattata u lill-art u lillklima tagħna.  Il-patata ta’ Teneriffa ġiet imħawla fil-kamp mudell ta’ San Ġużepp mid-direttur tiegħu s-sur Giancarlu Grech-Delicata; u rnexxiet tajjeb; la darba minn 16-il medda li ħawwel f’April 1845, meta qalagħhom f’Ottubru li ġie ġema’ erba’ wiżniet; li kienu kull waħda ta’ ratal in ċirka.  Il-patata tal-Kanada, li nsejħulha wkoll Ta’ Ġerusalemm, ġiet ukoll bi prova mħawla mis-sur Ġużeppi M. Pulis fil-kamp mudell taż-Żejtun, li tiegħu għandu l-kura.  U marret ukoll tajjeb; ħawwel infatti 53 xitla minn din il-patata f’Novembru 1845, ‘ma ebda frott ma deher li riedet tagħmel qabel ma wasal ix-xahar t’Awwissu 1846; forsi minħabba t-tempijiet nixfin u tal-eħtriqiet, li kienu f’dik is-sena.  Mentri kif l-arja qalbet f’Settembru, toħroġ il-frott, u ġabar mbagħad f’Novembru 64 ratal.  Jistgħu għalhekk dawn iż-żewġ xorti ta’ patata li issa semmejna jinħadmu wkoll fl-artijiet tagħna bil-qligħ kollu.

Għalissa nistgħu inħallu l-osservazzjoni hawnhekk, għax hi twila mhux ħażin, imma nkompluha fix-xahar ta’ Frar.  Sadattant hawn taħt għandna:

Ritratt ta’ Joseph Farrugia meħud mill-paġna tiegħu tal-Facebook

IL-KUMMENTI TAGĦNA

1. Ninnutaw l-ewwelnett xi kurżitajiet lingwistiċi. Ngħidu aħna l-awtur darbtejn uża l-kliem “f’Mejju li ġie” u “f’Ottubru li ġie”, meta aħna llum kieku ngħidu “F’Mejju jew Ottubru ta’ wara”.    Imma wara kollox li rridu ngħidu hu “f’Mejju jew Ottubru li ġie wara”.   Jiġifieri m’hemmx differenza kbira.

2. Ninnutaw ukoll li l-kittieb qal li l-patata tintagħraf u mill-ħxuna, u mit-togħma, u mill-għamla. Kiteb ukoll li din ix-xitla hi adattata u lill-art u lill-klima tagħna.  Illum ngħidu tintagħraf kemm mill-ħxuna, u kemm mit-togħma u mill-għamla, u li x-xitla hi adattata kemm għall-art u kemm għall-klima tagħna.

3. Telgħetli għoqla fi griżmejja meta qrajt li l-ewwel darba li tkabbret “il-patata ta’ Ġerusalemm” m’għamlitx frott forsi minħabba t-tempijiet nixfin u tal-eħtriqiet li kienu għamlu dik is-sena. Il-kelma “eħtrieq” kienet komuni ħafna fi żmieni.  Ommi, Alla jaħfrilha, kienet tuzaha spiss.  L-eħtrieq hu l-oppost tal-irtuba.  L-irtuba hi arja umida, u l-eħtrieq hi arja xotta li taħraqlek anke x-xfarijiet ta’ xuftejk.  Ommi kelli stoċċ ingwent apposta li kienet tidlikulna ma’ xuftejna meta jkun eħtrieq.  Kienet tgħidilna: “Ħa nidliklek minn dan, għax eħtrieq.”  Illum, jekk tuża dil-kelma jgħidulek li hi arkajka u li qed taqla’ l-kliem mill-qabar.  Isimgħu minni: dil-kelma tgħallmuha, u erġgħu ibdew użawha: Eħtrieq.  Arja xotta li taħraq mhux biss lil xuftejk, imma anke xi uċuħ tar-raba’.  Imma ċertu xogħol tar-raba’ ried isir fl-eħtrieq u mhux fl-irtuba, u xogħol ieħor bil-kontra: irid isir fl-irtuba u mhux fl-eħtrieq.

4. Hawnhekk ta’ min jgħid li dak li l-kittieb isejjaħ “patata tal-Kanada” jew “patata ta’ Ġerusalemm” illum saret wiċċ komuni fil-biedja tagħna. Imma m’għadniex nafuha b’dak l-isem.  Illum ngħidulha artiċokks.   Interessanti li, dejjem skont il-Kalendarju tal-1850, l-artiċokks tkabbar l-ewwel darba f’Malta fl-1845, fil-“kamp mudell” taż-Żejtun, immexxi minn Ġużeppi M. Pulis.

5. Mhux l-istess jista’ jingħad għal dik li l-kittieb isejħilha “patata ta’ Teneriffa”. Meta tfittex l-isem xjentifiku li tana l-Kalendarju issib li mid-Diascorea sativa tispiċċa fid-Diascorea bulbifera, u l-istampa tagħha mill-Wikipedia hi din:

Bl-Ingliż tiġi bitter yam, cheeky yam, potato yam.  Mhux kollox jirnexxi fid-dinja.  Jidher li l-esperiment tat-trobbija ta’ din il-papata ta’ Teneriffa f’Malta miet fuq ommu, u ma qabadx art.

6. Meta llum ngħidu “patata” nifhmu dik li l-Kalendarju sejħilha l-patata “l-ordinarja”. Ma qasamhiex f’għamliet differenti.  Hawnhekk ta’ min jagħti daqqa t’għajn lejn x’qal Pietru Pawl Castagna fil-ktieb tiegħu Lis Storia ta Malta bil Gzejer tahha – sittax-il sena wara l-Kalendarju tagħna.  Ftakru ftit x’qal il-Kalendarju: li l-patata nżergħet f’Malta l-ewwel darba f’Ħaż-Żabbar minn ċertu Ġużeppi Scicluna, u li l-bdiewa l-oħra stagħġbu meta raw il-qligħ li min żeragħha għamel minnha.  Castagna ma kienx tal-istess fehma.  Kiteb hekk:

Il-patata, li fl-Amerka tikber minnha nfisha, ġiet hawn imnissla fl-1803, fejn ma tantx ittieħdet bil-qalb mill-bdiewa tagħna: iżda llum tinżera’ għal darbtejn matul is-sena; u għalhekk ir-raba’ jagħtina żewġ uċuħ imsejħin patata tas-sajf u patata tax-xitwa. [1]

Castagna ma jaqbilx mal-Kalendarju tagħna dwar is-sena meta nżergħet il-patata f’Malta.  Imma l-Kalendarju donnu li iktar jaf x’qed jgħid, u rifed it-tagħrif li tana b’ħafna dettalji.  Fuq il-patata tas-sajf u l-patata tax-xitwa nitkellmu fix-xahar ta’ Frar.  Fuq il-“patata tal-Kanada” jew il-patata ta’ Ġerusalemm” – jiġifieri fuq l-artiċokks, Castagna ikkwota kelma b’kelma dak li qal il-Kalendarju fl-1849, u ma merieh f’xejn.

7. Fl-osservazzjoni tal-Kalendarju nnutajt l-użu tal-kelma medda meta ntqal li s-Sur Grech-Delicata żera’ sittax-il medda ta’ patata ordinarja. Mis-sens ta’ dak li nkiteb wara, tintebaħ li l-kittieb ried jgħid sittax-il xitla (bit-Taljan hemm sedici tralci).  Meta’ qalagħhom fi żmienhom, ħa minnhom erba’ wiżniet; li kienu kull waħda ta’ ratal in ċirka. Din fixklitni ftit.  It-taqbila tgħidilna ċar u tond:

Erba’ kwarti fih ir-ratal,

Wiżna ħamest artal,

Modd sittax-il tomna,

Mitt ratal fih il-qantar.

Mela hemm xi ħaġa ħażina meta nsibu miktub li s-Sur Grech-Delicata ħa erba’ wiżniet ta’ ratal ‘il waħda.  Forsi l-kelma “wiżna” dak iż-żmien kienet għadha ma kellhiex tifsira preċiża u kienet tfisser biss “piż miżun”?  Jidher li hekk hu għax bit-Taljan hemm quattro pese.  Il-kitba tagħna nkitbet fl-1850. Fl-1921, il-Gvern, immexxi mill-Ingliżi, ħareġ ordinanza maħsuba biex telenka l-użin u l-qisien tradizzjonali użati f’Malta, u torbothom mal-użin u l-kejl Imperjali użat fil-Gran Brittania dak iż-żmien.  Hemm ċans li l-wiżna sar fiha ħamest artal minn dak iż-żmien ‘il hawn.  Imma din tenħtieġ aktar studju.

Ix-xahar id-dieħel, min jibqa’ ħaj, inkomplu fuq l-istorja tat-tkabbir tal-patata f’Malta, dejjem skont il-Kalendarju tal-Bidwi tal-1850.

(C) Ġużi Gatt

[1] Lis Storia ta Malta bil Gzejer taħħa. Pietro Paulo Castagna, Midsea Books Ltd., Facsimile Addition 1985, paġna 270