Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-Miklem.

Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju għall-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Billi s-Soċjeta Agrarja ta’ Malta twaqqfet fl-1844, dan il-kalendarju ħareġ kmieni ħafna fl-istorja tagħha.  Dnub li bil-Malti ħareġ biss għal dawk is-sentejn, u hu dnub ferm ikbar li d-dizzjunarji tagħna donnhom li ma tawx każ tal-Malti li hemm miktub fih.  Għal kull xahar, il-kalendarju kellu dik li jsejħilha “Osservazzjoni”, u xi wħud minn dawn l-osservazzjonijiet huma tant ħelwin, u l-Malti tagħhom hu tant interessanti li xtaqna nerġgħu nagħtu l-ħajja lil xi ftit minnhom.  Qed nirriproduċuhom miktuba bil-Malti tal-lum, għax is-Soċjeta Agrarja użat alfabett u regoli tal-ortagrafija differenti:

JANNAR – IX-XAHAR TAL-BARD

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 13.6 gradi C.

 

Traħħas: In-Naspli, il-Lewż, il-Ħarrub, iż-Żagħrun, is-Sebuqa.

Tiżhar: Il-lewż, il-Klin, il-Lumi.

Issajjar:  Il-Larinġ Portugal, il-Larinġ Qares, il-Lumi.

Tinża’:  Il-Pumakannella

 

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Bagħli:

Jinżera’: Il-Kemmun, il-Ħaxixa tal-Irmied, L-Għads, it-Tomnija, il-Ħlewwa tar-Romagna.

Titħawwel: il-Patata tas-sajf nisel minn ta’ barra,  il-Basal.

Jitnaqqa: il-Ful, iż-Żara’, it-Tewm,

Jinqata’:  Ix-Xgħir li jitħalla għal żewġ uċuh

Tinġabar: Il-Patata tax-xitwa

 

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Saqwi u fil-Ġonna:

Jinqata’: il-Qasab

Jinżera’: il-Lewż, ir-Ravanelli, it-Tuffieħ t’Adam

Jinżabru u jitlaqqmu: id-Dwieli, u s-siġar kollha tal-frott irqiq, u tal-ħalib

Jitħawlu: Id-dwieli, il-qasab, it-Tut, il-Frawli

 

Proverbji:

Wara l-Ħamiem ibża’ għall-art

Għax it-tgħaffiġ iġibilha ħafna mard.

 

Is-sajf f’Jannar, għana tal-fqir u tal-bidwi.

 

Meta Jannar taraħ lewliemi

Ma tarax il-bidwi tant ħieni.

 

Osservazzjoni:

Il-ħlewwa imsejħa tar-Romagna, għaliex imnissla minn dak il-pajjiż, għadha kif daħlet bejn iż-żrigħ tar-raba’ tagħna; għandha tkun minn issa ‘il quddiem dejjem  miżrugħa minflok il-ħlewwa tagħna, għaliex hi bosta aħjar minnha.  Il-ħlewwa tar-Romagna tinżera’ fi ħruġ Jannar, jew fi dħul Frar, żmien li fih qatt ma tonqos ix-xita, imqar fi żmien l-ikbar għatx.  Imma l-ħlewwa tagħna tinżera’ għal San Ġużepp u ftit wara, meta x-xita tkun ftit, jew tkun xejn, u r-riħ jibda jvenven qawwi.  F’Jannar l-art dejjem tkun tarija, għadha bl-ilma u wisq tinbet aħjar, u titrabba’ tajjeb sakemm jibdew il-Provenzi ta’ Marzu. Il-ħlewwa tar-Romagna mbagħad għandha fiha aktar zokkor, u inqas morr, għalhekk aktar titfittex għall-bejgħ ta’ barra u titħallas fil-qantar aktar minn tagħna minn 25 għal 40 skud fil-mija.

Is-sabiħ ta’ dil-kitba hu li fuq paġna waħda hemm il-Malti, u fuq l-oħra hemm it-Taljan.  Allura nafu li:

Temperatura bejjinija: bit-Taljan tiġi temperatura media

Traħħas tiġi frondescenza

It-Tomnija tiġi grano duro

It-Tuffieħ t’Adam tiġi pomodoro

Siġar tal-Ħalib tiġi alberi che fanno gomma (qed ngħidu għas-siġar tat-tin)

Il-Provenzi ta’ Marzu jiġu intemperie atmosferiche jew quando le piogge sono poche o nulle.

Minn sorsi oħra nafu li “Il-Ħamiem” hi kif kienet tissejjaħ dari l-Festa tal-Epifanija.

Lewliemi jiġifieri fih ħafna ilma.

(c) Ġużi Gatt