Ix-xahar tal-Ġelbin

Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-ilMiklem.com

Qegħdin nimxu pass pass mal-Kalendarju tal-Bidwi maħruġ mis-Societa Agraria fl-1850.  Did-darba jmissna niflu x-xahar ta’ Frar. Niftakru li l-Kalendarju fl-1850 irrepeta kelma b’kelma dak li qal li kellu jsir fil-biedja f’dak l-istess xahar is-sena ta’ qabel, imma bidel il-qwiel li kien jagħti għal kull xahar.  M’għandniex għalfejn nirrepetu l-ħidma tal-bidwi fi Frar tal-1849 – għax wieħed jista’ jsibha hawn ; imma l-proverbji għal Frar tal-1850 kienu dawn:

Proverbji għal Frar:

Frar fawwar,

Jimla d-djar.

 

Isbel, jgħidlu Frar,

Ma niflaħx, iwieġbu ż-żara’.

Ibqa’ mela kif int,

għax żmien iżjed ma hemmx wara.

Qabel ma nagħtukom l-osservazzjoni, infakkrukom li  din hi t-tieni parti tal-kitba fuq it-tkabbir tal-patata li bdejna fix-xahar ta’ Jannar.  Meta dehret fil-Kalendarju l-kitba kienet twila ħafna u aħna qsamniha fi tlieta.  L-aħħar parti tagħha tidher ix-xahar id-dieħel.  It-tifsila tas-sentenzi xi kultant hi ftit stramba, imma taqtgħux qalbkom, il-biċċa li qed inġibu mhix twila żżejjed, u jekk xi kultant tħossu li mhux qed tifhmu sew, fittxu aktar ‘l isfel u ssibu l-kummenti tagħna.  Forsi fl-artiklu ta’ qabel kien imissna għidnielkom li l-Kalendarju tal-Bidwi jgħidilna li din l-osservazzjoni hi meħuda mill-memorja fuq ix-xogħol tal-patata tas-Sur Dr. D. Celestin Camilleri.  Aktard tard nagħtukom xi ftit tagħrif dan il-proxxmu min kien.

Osservazzjoni:

Ix-xogħol tal-patata ordinarja għandu jsir taħt dawk ir-regolamenti li huma ġa kkonfrontati mill-esperjenza, li issa (se) nsemmu.

 1 L-ewwel ħaġa li jenħtieġ biex wieħed jieħu wiċċ tajjeb mill-patata hu li r-raba’ li fih għandha titbejjet ikun imbażżar tajjeb, meħwi bix-xogħol kif imissu.

 2 Illi l-bżar, jew demel, għandu jkun adattat għall-kwalita tal-art.  Għalhekk fejn l-art hi taflija jew qawwija kien ikun tajjeb il-bżar oħxon, u bla misjur; u fejn hi ħafifa, il-bżar ikun misjur u rqiq.

 3 Illi tinżera’ għandha f’ħofor ċkejkna, fondi xi xiber, waħda dritt l-oħra, u bgħid minn xulxin xi xiber u nofs ‘il waħda; fejn mardumin jiġu l-bċejjeċ tal-patata.  Xi drabi tinżera’ ġol-ħluq tal-moħriet. Dan il-mod hu tajjeb għaż-żrigħ tas-sajf, fejn l-art tkun ħafifa u hekk xejn ma tista’ tittiesef bit-tgħaffiġ.

 4 Meta l-art tkun bosta miblula, bħalma tkun fix-xitwa jew f’Jannar u fi Frar, ikun hemm bżonn li wieħed joqgħod wisq attent illi ma jgħaffiġx l-art fiż-żrigħ tagħha, għaliex ħsara kbira jagħmel, speċjalment jekk tonqos ix-xita f’Marzu u f’April.  Aħjar bosta tkun għaż-żrigħ tax-xitwa f’art tagħna ħamrija, u nkella f’art qawwija.

 5 Illi kif il-patata hi ffurmata minn tant vini rqaq, trid għalhekk illi l-art tkun maħduma u ħafifa, fejn tista’ tmidd għeruqha kif trid; u kemm iżjed għalhekk kbar u f’waqthom ix-xogħlijiet li jsiru madwarha fin-naqa, tant iżjed tagħti frott kbir u abbundanti.

 6 Illi wara ż-żrigħ tagħha, ix-xogħol kollu li trid hu li tagħtiha tnejn jew tliet għażqiet, fejn tfittex għandek li tgħatti tajjeb iz-zokk tagħha u tordomha mill-aħjar li tista’; li ma tmissx jew ma tiġraħx lil għeruqha bl-imgħażqa, li ħerġin ikunu madwarha. 

 7 Illi l-patata taż-żrigħ tista’ titqassam bċejjeċ skont il-ħxuna tagħha u n-numru tas-sinjali li jkollha tar-rimi, basta imma, li kull biċċa jkollha għal-inqas għajn jew tnejn.

 8 Illi fil-biċċa maqtugħa tal-patata hemm bżonn tħallilha ftit laħam tagħha, sabiex ix-xitla tista’ titrabba’ tajjeb, u jkollha dik il-qawwa li għandha bżonn biex issir kif imiss.

 9 Illi l-patata għat-taħwil tkun ċkejkna u mdawra. Jekk ma jkollhiex ħlief ftit għejun, l-aħjar ikun li titħawwel sħiħa.

 10 Jekk fl-art tilmaħ il-Buħarrat, hemm bżonn li l-biċċa maqtugħa għaż-żrigħ ikollha bosta laħam, sabiex jekk tiġi migduma jew mimsusa minn din id-duda, jibqagħlha dejjem xi għajn sħiħa. 

IL-KUMMENTI TAGĦNA

 

1. Is-sena l-oħra konna diġa tkellimna fuq il-kelma “bżar” użata għal dak li llum ngħidulu “fertilizzant”. Id-demel hu dejjem dak tal-bhejjem.  Il-bżar jiġbor fih s-sustanzi kollha li l-ħamrija għandha bżonn u li jżid fiha l-bniedem.  Raba’ mbażżar tajjeb hu dak li fih is-sustanzi kollha li jenħtieġ.  Ma ninsewx li l-Malti jgħid li “Il-borma ma’ ssirx mingħajr nar, u l-art ma tagħtix mingħajr bżar”.  Mill-kitba nistgħu nindunaw li raba’ “meħwi”, jew “moħwi” tfisser raba’ maħdum tajjeb – magħżuq u mpaħpaħ bl-għodda kemm hemm bżonn.  Nistgħu nerġgħu ninnutaw l-għarfien ċar f’moħħ il-bdiewa ta’ dari, li kwalitajiet differenti ta’ trab (ħamrija), jinħtieġu bżar differenti.

 

2. Xi ġmiel ta’ Malti, hux, meta taqra li l-patata tista’ tinżera’ ġol-ħluq tal-moħriet? Dan ifisser li l-bidwi jaħrat l-għalqa u xi ħadd ieħor jimxi warajh, ġor-radda li l-moħriet ikun għadu kif għamel fil-ħamrija, u jitfa’ fir-radda patata wara l-oħra, u jirfisha b’siequ biex din tintradam fil-ħamrija.

3. Trid ukoll toqgħod b’seba’ għajnejn li l-art ma tkunx miblula għax inkella din tittiesef bit-tgħaffiġ. Kulħadd sema’ bil-faħam miblul.  Ikun miblul meta jkun għadu mxarrab u niedi. Hekk ukoll tkun l-art wara x-xita.  Jekk toqgħod tgħaffeġ fiha meta tkun imxarrba, l-art tittiesef.  Dil-kelma saret tfixkilna ftit lilna l-Malti u l-Għawdxin.  Il-verb hu SAF, ISIF, allura l-aħjar kien ikun li ngħidu mittiesef, u hekk kien hemm miktub fil-kalendarju – tittiesef.  Imma lsienna m’għadux idurilna għal kelma bħal dik, allura ngħidu mittiefes, mingħajr ma nafu xi tfisser.  Hi l-eqreb kelma li għandna (jew kellna) għal dak li bl-Ingliż tiġi damaged.  Li konna poplu ieħor, minflok ngħidu “dawk l-oġġetti huma kollha damaged”, konna ngħidu “dawk huma kollha mittiefsa”.   Mela toqgħodx tgħaffeġ fil-ħamrija mxarrba għax l-art tittiefes.  Tagħmlilha l-ħsara.

4. Ix-xogħol li jsir fin-naqa hu dak kollu li tagħmel biex tnaqqi l-art mill-ħaxix ħażin. Tgħid illum trid toqgħod tispjega xi tfisser tnaqqi?  Meta tnaqqi bl-imgħażqa trid toqgħod attent li ma tiġraħx ix-xitla tal-patata – jiġifieri tagħmlilha ġerħa, tolqotha, tferiha.

5. Meta tqatta’ l-patata għaż-żrigħ triq tara li kull biċċa li tqatta’ jkollha għajn. Bl-Ingliż tiġi bud.  Mill-għajn toħroġ ir-rimja (shoot) li tikber f’xitla oħra li terġa’ tagħtina l-patata.

Tiftakru li Castagna semma l-patata tas-sajf u l-patata tax-xitwa.  Qal hekk:

Il-patata tas-sajf.  Tinżera’ f’Jannar, bil-patata maqsuma f’biċċiet, sew kemm nebbieta jkun fiha (il-Kalendarju uża l-kelma għajn – li hi aħjar), u tinqala’ f’Mejju.  Billi din iżomm qadima u twassal merfugħa għal ħames xhur, tilħaq iġġib tmien skudi ‘l qantar, għaxra u ħmistax ukoll. Dina tinżera’ mill-patata ta’ barra, li tinbiegħ bi tmien skudi jew disgħa ‘l qantar.

 Il-patata tax-xitwa ma tridx tant tkun imnissla mill-patata ta’ barra; għalhekk il-bidwi tagħna jiżragħha b’dik stess ta’ Malta, li jixtriha bis-sitt skudi – fejn inqas u fejn iżjed.  Jiżragħha għal Mejju u Ġunju, sħiħa, bla ma mqatta’, u jaqlagħha f’Jannar u Frar.   Dina billi żżomm bilkemm tliet xhur, qadima iġġib minn ħamsa sa seba’ skudi ‘l qantar.

Il-patata kollha tagħna tgħaddi fis-sbuħija l-patata ta’ pajjiżi oħra, għad li fid-daqs hija ftit iċken.  Twassal, f’annata tajba, għal ħamsa u għoxrin qantar f’tomna raba’ minn qantar żerriegħa.  Iżda meta tkun annata ħażina, bilkemm tagħti tliet qnatar, u minn xi daqqiet tilħaq tagħti qantar b’qantar.[1]

Mela nistgħu nifhmu li l-patata tas-sajf u tax-xitwa tkun ta’ l-istess kwalita jew razza – għalkemm waħda inġiebet minn barra u l-oħra kibret Malta.  Jiġifieri jidher li la l-Kalendarju u lanqas Castagna għadu ma jaf  bi kwalitajiet differenti ta’ patata bħal “ta’ qatgħa’ safra” jew “ta’ qatgħa bajda” jew “ tal-ambaram” (din kienet tgħidha nannti, Alla jaħfrilha).  Għall-Kalendarju u għal Castagna, il-patata kienet dik li kienu jsejħu patata ordinarja.  Kienu jafu wkoll bil-patata ta’ Ġerusalemm – jiġifieri b’dak li llum insejħu artiċokks, u bil-patata ta’ teneriffa – bl-Ingliż yams – li llum f’Malta ħadd ma jaf biha.  Imma stenna minuta.  Jidher li Castagna kien jaf b’xi patata oħra:

Il-patata ta’ Malga, ukoll kienet tgħaddi għalina li kieku l-bidwi kien iridha tgħaddi ‘l quddiem.  Dina xi ħamsin sena ilu kienet miżrugħha fl-art tagħna għall-ewwel darba.  Tinżera’ bċejjeċ bċejjeċ għal April, u tinqala’ għal Ottubru.  Tagħti prodott kbir u ħelu li jista’ jservi flok ħobż.  Insibu illi f’siegħ raba’ laħqet tat 400 ratal.[2]

Jekk tfittex Malaga potatoes fuq l-internet, jitlagħlek ħafna tagħrif.  Il-patata ta’ Malaga hi magħrufa f’pajjiżi oħra bħalma hi magħrufa l-patata ta’ Malta. Castagna donnu jrid jgħid li l-bdiewa tagħna ma riduhiex u ma mbuttawhiex ‘il quddiem.  Jista’ forsi xi ħadd illum jerġa’ jiftakar fiha?

6. Skont il-ktieb Wildlife of the Maltese Island, (Editjat minn Joe Sultana u Victor Falzon), il-Buħarrat hu dak li bl-Ingliż jissejjaħ Mole cricket. Ilu ħafna magħruf li l-buħarrat jagħmel ħafna ħsara lill-patata għax jattakkalha l-għeruq.  Skont l-istess ktieb li semmejna, l-istampa tiegħu hi din:

Darb’oħra nagħtukom l-aħħar parti tal-kitba, u b’hekk inkunu għaqqadna l-osservazzjoni kollha li tana l-Kalendarju fuq il-patata fis-sena 1850.

(C) Ġużi Gatt

[1] Lis Storia ta Malta bil Gzejer taħħa. Pietro Paulo Castagna, Midsea Books Ltd., Facsimile Addition 1985, paġna 270

[2] Lis Storia ta Malta bil Gzejer taħħa. Pietro Paulo Castagna, Midsea Books Ltd., Facsimile Addition 1985, paġna 271