Kitba ta’ Ġużi Gatt, miktuba apposta għall-Miklem.

Fl-1849 u 1850, għal sentejn fuq xulxin, is-Societa Economico Agraria ta’ Malta ħarġet “Kalendarju għall-Bidwi” li kien miktub paġna bit-Taljan u paġna bil-Malti.  Billi s-Soċjeta Agrarja ta’ Malta twaqqfet fl-1844, dan il-kalendarju ħareġ kmieni ħafna fl-istorja tagħha.  Dnub li bil-Malti ħareġ biss għal dawk is-sentejn, u hu dnub ferm ikbar li d-dizzjunarji tagħna donnhom li ma tawx każ tal-Malti li hemm miktub fih.  Għal kull xahar, il-kalendarju kellu dik li jsejħilha “Osservazzjoni”, u xi wħud minn dawn l-osservazzjonijiet huma tant ħelwin, u l-Malti tagħhom hu tant interessanti li xtaqna nerġgħu nagħtu l-ħajja lil xi ftit minnhom.  Qed nirriproduċuhom miktuba bil-Malti tal-lum, għax is-Soċjeta Agrarja użat alfabett u regoli tal-ortografija differenti:

FRAR – IX-XAHAR TAL-ĠELBIN

Dak li jidher u jsir fil-biedja:

Temperatura bejjinija tal-ajru: 13.5 C.

 

Traħħas: L-Għanżalor, iċ-Ċiprisk, iż-Żorba, il-Bamja, il-Banana, it-Tuffieħ ta’ Belludja, ir-Rummien, il-Bżar Aħdar, il-Qasab, il-Prajn.

Tiżhar: Il-Berquq, il-Frawli, iż-Żnuber, ir-Rand.

Issajjar:  Il-Lumiċell, l-Ixkomp, il-Piżelli, il-Ful Bikri.

Tinża’:  Il-Kappar

 

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Bagħli:

Tinżera’: It-Tomnija Mwaħħra, il-Kemmun, il-Patata, it-Tabakk.

Jitnaqqa: Iż-Żara’, il-Ful Imwaħħar, il-Kemmun Bikri, il-Patata.

Jinħarat: Ir-Raba’ tal-Qoton u tal-Bħajra.

Tinħasad:  Is-Silla, u l-Widna għall-aħdar.

Titbejjet: Il-Patata ta’ Ġersalemm.

 

Ix-Xogħol tal-Bidwi: Fir-raba’ Saqwi:

Jinżera’: il-Qara’ Twil, il-Qara’ Aħmar, il-Bżar Aħdar, il-Brunġiel.

 

Proverbji:

Frar fawwar; tal-bidwi għana fid-dar.

Fix-xahar ta’ Frar jinkixfu l-għawar.

Meta Frar ikun fawwar, f’daqqa il-biedja tmur fl-itjar.

Meta Frar ikollu s-slejsef, aħjar il-bidwi joqgħod mal-ġwejjef.

Osservazzjoni:

  1. Il-patata ta’ Ġerusalemm, imgħajta wkoll “topinambur” ma tibżax u la mill-bard, anqas mis-sħana, la mill-għatx, u mir-riħ li jkollha f’Malta; issir kullimkien, barra mill-fangazz; trid ftit xogħol, għażqa bid-demel, naqxa tajba, u tibrixa. Fir-raba’ tafli li jkun imbażżar kif imissu, tagħti frott għal darbtejn iżjed mill-patata l-oħra.  Minn dak li wieħed s’issa ra minnha, tidher li hi tajba għall-ikel, tmantni wkoll aħjar mill-patata l-oħra, u dan hu ġej, kif jgħidu il-Kimiċi wara li eżaminawha skont sengħethom, mill-kwantita wisq kbira li fiha tinsab ta’ sustanza minnhom mgħajta “ażotu”.  Din il-patata s’issa tagħmlet biss fir-raba’ saqwi; ma fit-tliet snin li nżergħet fir-raba’ tas-Societa, għalkemm dar-raba’ hu bagħli, saret bħal fir-raba’ saqwi; kibret fis-sajf mingħajr tisqija bejn wieħed u ieħor sitt ixbar; u tat frott 14-il qantar kull tomna raba’. Għalhekk imissna ndaħħluha fost l-uċuħ l-oħra tas-sajf, biex inkunu żguri mill-prodott tagħha, fejn il-patata tagħna wisq drabi fis-sajf tintilef, jew tagħmel ftit minħabba t-tempijiet ħżiena tal-ajru. (Mill-gażżetta Speranza, u mill-kliem tas-Societa Economico-Agraria).

 

  1. It-tabakk isir fir-raba’ tagħna. Din il-ħaxixa trid raba’ moħwi u ħamri, u pajjiżi ta’ ajru sħun.  It-tabakk li għandu werqatu twal li jsir fil-Golf tal-Messiku, li jgħidulu ta’ Virginia, hu aħjar wisq minn dak l-ieħor ta’ weraq imdawwar li jinbet fl-Amerka ta’ Ġewwa.  It-tabakk għandu jinżara fuq id-demel u taħt ħajt xemxi fi Frar; meta x-xitel ikollu erba’ werqiet għandu jitgħarras f’raba’ mdemmel tajjeb, fi flannijiet imbegħdin erbat ixbar wieħed mill-ieħor; jissaqqa sakemm jaqbad, imbagħad jitnaqqax u jitħalla.  Meta x-xitla tagħmel tnax-il werqa, għandha titqaċċat, imbagħad jitneħħew ir-rimjiet kollha li tqabbeż minn wara. Dan kollu hemm bżonn li jsir, biex il-weraq isir tajjeb, u kif imissu. (Fix-xahar t’Awwissu nissuktaw nitħaddtu fuq it-tabakk). (Mir-rapport tas-Sur Baruni Azzopardi)

Is-sabiħ ta’ dil-kitba hu li fuq paġna waħda hemm il-Malti, u fuq l-oħra hemm it-Taljan.  Allura nafu li:

Temperatura bejjinija: bit-Taljan tiġi temperatura media

Ġelbin hi germogliamento.  Jiġifieri ġelbin hu dak li bl-Ingliż jissejjaħ sprouting.  Biex nifhmu dan x’inhu rridu niftakru aħna l-Maltin x’nagħmlu liż-żerriegħa tal-ĠULBIENA fi żmien il-Milied:  Inxarrbuha biex din tinbet, u n-nebbieta tagħha tikber u titwal, imbagħad inqegħduha ħdejn Ġesu Bambin.  Fi żmienna, proċess bħal dan qed isir b’ħafna żrieragħ oħra, imbagħad iż-żerriegħa tittiekel bin-nebbieta b’kollox.  Min hu konxju ta’ dieta tajba żgur sema’ bil-bean sprouts u bl-alfa sprouts.   Kif għidna, dan hu fenominu modern, u mhux qegħin ngħidu li dan kien isir fl-1849.  Imma jekk irridu, għandna kelma bil-Malti għal dan il-process ukoll:  bean sprouts hu ĠELBIN TAL-FUL, alfa sprouts hu ĠELBIN TAL-ALFALFA, eċċ.   Issa jekk IRRIDUX nużaw din il-kelma – dik ħaġa oħra.  Imma mbasta ma jkunx hemm minn jgħid li bil-Malti m’għandniex kelma għal bean sprouts!

Traħħas tiġi frondescenza.  Aktar tagħrif fuq id-differenza bejn iġġelben, traħħas, tiżhar, eċċ, issibu fl-artiklu Miż-żerriegħa saż-Żerriegħa li xxandar aktar qabel fuq dan is-sit (mill-ktieb: Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni).

Żorba bit-Taljan hi sorbo

Il-Bamja, skont il-Kalendarju, hi chetmia de’ giardini.  Hekk hemm miktub għalkemm ma stajtx insib dan l-isem fuq l-internet.  Nafu li bamja hi l-kelma Maltija safja għal dik li internazzjonalment jafuha bħala “okra”.  Minbarra bamja, bil-Malti ġieli issejħet ukoll “Qarn il-Griegi”.  Din ix-xitla għandha post importanti fir-rumanz ta’ Juan Mamo: Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka.  Issa din, minħabba l-ħafna barranin li hawn fostna bħalissa, reġgħet tinsab fis-suq Malti. Il-ħmerija hi li llum il-Maltin ma jafux li isimha bil-Malti hu “bamja”, u qed jgħidula Ladies’ fingers.  Ħasra.

L-Ixkomp hu limone.  Imma innutaw li jissemma kemm il-lumiċell u kemm l-ixkomp.  Il-Lumiċell hu cedro limetta bit-Taljan – jiġi dak li bl-Ingliż jissejjaħ lime.  Il-ħmerija hi li l-Kalendarju f’Jannar kien semma l-lumi li, bħall-ixkomp, ukoll qal li kien limone.  Tul is-sena l-Kalendarju jagħżel bejn: Lumi, Lumiċell, Xkomp, Lumi tal-Kuruna, Bergamott, Ċitrat, u Ċedrat.  F’dan il-każ, it-Taljan mhux dejjem jgħinna.  Ngħidu aħna kemm il-Lumiċell u kemm il-Lumi tal-Kuruna huma mogħtija bħala cedro limetta.  Biex tgħaxxaqha hemm ukoll Citrat = Cedriolo, u Ċedrat = Cedrato.  Fuq iċ-cedrato m’hemmx diffikulta.  Bl-Ingliż din hi citron, imma bil-Malti safi u mhux bil-Malti taljanizzat, l-isem ta’ din il-frotta hu TRONĠA (Citrus medica).  L-Ilsien Malti ilu jaf b’din il-frotta u tissemma saħansitra fil-ħrejjef ta’ missirijietna (Is-Seba’ Tronġiet Mewwija).  Cedriolo ma stajtx insibha fl-internet.  Minflok sibt cetriolo – li tfisser “ħjar”.  Ma nistax nemmen li b’ċitrat il-Kalendarju kien qed jirreferi għall-ħjar – għax il-ħjar kien jaf bih ukoll.

 It-Tomnija Mwaħħra tiġi grano marzaiuolo.  Il-qawl Malti  jgħidlek:

Santu Mattija,

Żrigħ it-tomnija.

Il-festa ta’ Santu Mattija Appostlu tiġi fl-24 ta’ Frar.  Issa skont il-Kalendarju tas-Societa Agraria, f’Novembru għandu jinżera’ l-“Qamħ Majjorkin” li bit-Taljan jingħata bħala frumento tenero.  Il-bdiewa tagħna, lil dan il-qamħ Majjorkin kienu jafuh ukoll bħala “qamħ mill-isfar”.  Imbagħad f’Diċembru tinżera’ t-Tomnija, li l-kalendarju jfissirha bit-Taljan bħala frumento duro, u jagħti dan il-qawl:

 It-Tomnija ta’ disat’ijiem

Aħjar mill-oħra bix-xita fit-tmiem.

Imma jerġa’ jsemmi t-tomnija li tinżera’ f’Jannar (bit-Taljan isejħilha grano duro), u jkompli li fi Frar tinżera’ “it-tomnija mwaħħra” u din jgħid li hi grano marzaiuolo.  F’Marzu tinżera’ t-tomnija wkoll, u did-darba jsejħila frumento Marzaiuolo.  Jidher li t-TOMNIJA hi “l-qamħ mill-aħmar” li kien jinżera’ ġimgħat jew xhur (Diċembru, Jannar, Frar, Marzu) wara li jkun inżera’ l-qamħ mill-isfar (Qamħ Majjorkin, f’Novembru).  Alla biss jaf jekk il-qamħ mill-isfar u l-qamħ mill-aħmar għadhomx jeżistu bħala żerriegħa f’Malta.

Il-Patata ta’ Ġerusalemm bit-Taljan hi pero di terra u mit-test bit-Taljan joħroġ li din hi patata del Canada.

Meta Frar ikun fawwar, f’daqqa il-biedja tmur fl-itjar.  Aquilina jgħid li “tmur fl-ibjar” – jiġifieri tintilef jew tinġarr mill-wied.  Il-kalendarju għand “fl-itjar”.  It-tifsira mhix ċara.

Is-slejsef (jew is-slejjef) ta’ Frar jiġi meta Frar jissellef ġurnata oħra f’sena li tkun biżestili.

Fangazz bit-Taljan hi mogħtija bħala terreno paludoso

Il-Kalendarju l-ħin kollu jagħmel distinzjoni bejn tbażżar u ddemmel.  Tal-ewwel hi concimare, tat-tieni letame. Illum tlifna das-sens tal-kelma “bżar” u forsi nużaw “fertilizzant”.

Raba’ moħwi hu terreni sciolti.  Il-Kalendarju juri għarfien ta’ tipi differenti ta’ ħamrija ferm iktar milli nafu aħna llum.  Innutaw ukoll il-fangazz – terreno paludoso.

L-Amerka ta’ Ġewwa hi America Settentrionale.

Jitgħarras: si trappiantano.  Inti tkun qed TGĦARRAS kull darba li taqla’ ħaġa minn postha u tħawwilha x’imkien ieħor bit-tama li tieħu l-frott jew iż-żerriegħa.  Bl-Ingliż tgħid to transplant.  Il-Kalendarju jgħallimna kif għandna ngħarrsu x-xitel tat-tabakk meta dan ikollu erba’ werqiet.

Fi flannijiet bit-Taljan tiġi a file.

Ix-xitla “titqaċċat” għandha tinftiehem li titneħħa “l-quċċata” tagħha, jiġifieri “tagħmiha”, imbagħad tneħħilha r-rimjiet li terġa’ tipprova ttella’ minn wara.

Sal-1949 kont għadek tista’ tkabbar it-tabakk bla nkwiet ta’ xejn.  Il-fehma li t-tabakk jintuża għat-tipjip u li t-tipjip jagħmel il-ħsara kienet għadha ma daħlitx f’moħħ l-awtoritajiet.  Beda jberraq biss meta t-tipjip sar sors importanti ta’ dħul ta’ flus għall-Gvern, u l-awtoritajiet riedu jikkontrollaw it-tkabbir tat-tabakk biex jiżguraw li jitħallsu t-taxxi kollha.  Quddiemi għandi kopja tal-Ordinanza XLIV tal-1939, kif emendata bl-Ordinanza XXV tal-1962; bl-Avviż Legali 4 tal-1963; bl-Att XIII tal-1983; u bl-Avviż Legali 409 tal-2007.  Paragrafu sitta ta’ din l-Ordinanza Dwar il-Kontroll tal-Koltivazzjoni tat-Tabakk jgħid li:

Il-Ministru responsabbli għall-biedja, meta jidhirlu li huwa meħtieġ fl-interess pubbliku, jista’ jipprojbixxi b’notifikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern il-koltivazzjoni tat-tabakk f’parti jew oħra ta’ Malta, u wara d-data ta’ din in-notifikazzjoni ebda liċenzja għall-koltivazzjoni tat-tabakk ma tiġi maħruġa jew imġedda.